"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Fl-10 ta' Marzu 2026, il-Kunsill stabbilixxal-perkors tan-nefqa netta massima għall-Irlanda – element ewlieni tal-pjan fiskali strutturali tiegħu fuq terminu medju.
Fl-10 ta' Ottubru 2025, il-ministri adottaw rakkomandazzjoni li tapprova l-perkors tan-nefqa netta massima għall-Ġermanja matul il-ħames snin li ġejjin, kif ukoll l-estensjoni mitluba tal-perjodu ta' aġġustament fiskali għal seba' snin, kif stabbilit fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħha.
Il-Kunsill japprova l-perkorsi tan-nefqa fiskali għall-Belġju u l-Bulgarija
Il-ministri adottaw rakkomandazzjonijiet li japprovaw il-perkorsi tan-nefqa netta massima għall-Belġju u l-Bulgarija fil-perjodu li ġej, kif stipulat fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju ta’ dawk il-pajjiżi.
Għall-Belġju, li talab estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali għal seba’ snin, il-Kunsill approva wkoll is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment li jirfdu din l-estensjoni.
Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-governanza ekonomika, il-Kunsill approva l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ungerija u stabbilixxa l-perkors tan-nefqa netta tagħha.
Issa li l-Kunsill adotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, l-Ungerija għandha ċertezza fir-rigward tal-perkors baġitarju li ser issegwi fis-snin li ġejjin u tista' tippjana kif xieraq.
Il-Kunsill jistabbilixxi perkorsi ta' nefqa fiskali għal 21 stat membru
Bħala l-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tar-regoli fiskali l-ġodda tal-UE, illum il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet li japprovaw l-ewwel pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju li qatt saru u li jistabbilixxu l-perkorsi tan-nefqa netta għall-istati membri li ġejjin: Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta. in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.
Issa li l-Kunsill adotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, l-istati membri għandhom ċertezza fir-rigward tal-perkorsi baġitarji li ser isegwu fis-snin li ġejjin, u jistgħu jippjanaw kif xieraq.
Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro dwar l-orjentazzjoni għall-politika fiskali għall-2025
Il-ministri evalwaw l-iżviluppi makroekonomiċi u fiskali fiż-żona tal-euro u kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-orjentazzjoni għall-politika fiskali għall-2025.
Illum qbilna li pożizzjoni fiskali kemxejn restrittiva hija xierqa fl-istadju attwali. Fid-dawl tal-qafas fiskali rivedut li dieħel fis-seħħ, ser inkomplu nsegwu riformi strutturali ambizzjużi u nippreservaw il-livell ta' investiment, inkluż f'oqsma ta' prijoritajiet komuni tal-UE.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu qbil dwar ir-riforma tar-regoli fiskali
In-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku proviżorju dwar ir-riforma proposta tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE.
Huma qablu li jżommu l-objettiv ġenerali tar-riforma li jitnaqqsu l-proporzjonijiet tad-dejn u d-defiċits b'mod gradwali, realistiku, sostnut u li jiffavorixxi t-tkabbir filwaqt li jiġu protetti r-riformi u l-investiment f'oqsma strateġiċi bħal dawk diġitali, ekoloġiċi, soċjali jew tad-difiża. Fl-istess ħin, il-qafas il-ġdid ser jipprovdi spazju xieraq għal politiki kontroċikliċi u jindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi.
Il-qbil dwar il-parti preventiva tal-qafas ta' governanza ekonomika huwa soġġett għal approvazzjoni mill-Kunsill fil-kumitat tar-rappreżentanti permanenti u mill-kumitat għall-affarijiet ekonomiċi tal-Parlament qabel ma jgħaddi minn votazzjoni formali kemm fil-Kunsill kif ukoll fil-Parlament. Ir-regolament dwar il-parti korrettiva u d-direttiva dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-istati membri jirrikjedu biss li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew.
Il-Kunsill jaqbel dwar ir-riforma tar-regoli tat-taxxa
L-ambaxxaturi tal-istati membri għall-UE qablu formalment dwar ir-riforma proposta tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE billi approvaw mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament dwar il-parti preventiva u ftehim fil-prinċipju bil-ħsieb li l-Parlament jiġi kkonsultat dwar ir-regolament dwar il-parti korrettiva u d-direttiva dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji nazzjonali.
Dan ser iwitti t-triq għal negozjati mal-Parlament dwar ir-regolament tal-parti preventiva fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Il-Kunsill iddiskuta r-riforma proposta tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE.
Għamilna progress sinifikanti ħafna abbażi tal-konsultazzjonijiet intensi li kellna matul dawn l-aħħar ġimgħat u xhur. Kważi wasalna. Ma kienx possibbli li jintlaħaq qbil dwar il-konsultazzjonijiet politiċi, legali u tekniċi kollha, iżda nittamaw li niffinalizzaw dan fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, sabiex inkunu nistgħu nilħqu qbil politiku qabel tmiem is-sena.
Nadia Calviño, l-ewwel aġent viċi president ta' Spanja u ministru għall-ekonomija u d-diġitalizzazzjoni
Il-Kunsill jiddiskuti r-rieżami tal-governanza ekonomika
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-riforma proposta tal-qafas ta' governanza ekonomika, li tikkonsisti fi tliet proposti:
regolament dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali
regolament biex titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv
direttiva dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-istati membri
Illum aħna qbilna dwar l-elementi u l-mekkaniżmi ewlenin tar-regoli fiskali l-ġodda, u dwar il-ħtieġa li jkollna dixxiplina fiskali, kredibbiltà u fiduċja iżda wkoll li niżguraw kontroċikliċità u l-inċentivi t-tajba għall-investimenti u r-riformi li jsaħħu t-tkabbir li jirrispondu għall-prijoritajiet komuni Ewropej tagħna. Hemm impenn qawwi min-naħa tal-istati membri kollha biex jintlaħaq ftehim ibbilanċjat qabel tmiem is-sena.
Nadia Calviño aġent l-ewwel viċi president Spanjola u ministru għall-ekonomija u d-diġitalizzazzjoni
Il-ministri jagħmlu skambju ta' fehmiet dwar ir-riforma proposta
Il-Kunsill iddiskuta l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE li ġiet ippreżentata fis-26 ta' April 2023. Fl-14 ta' Marzu, il-Kunsill kien qabel dwar l-orjentazzjonijiet tiegħu għar-riforma.
Huwa importanti li l-prijoritajiet tal-Kunsill minn Marzu jibqgħu l-element gwida matul in-negozjati. Dan ġie enfasizzat mill-ministri fid-diskussjonijiet tal-lum.
Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja u President tal-Kunsill
Il-mexxejja tal-UE japprovaw l-orjentazzjonijiet tal-Kunsill għal riforma
Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-UE approvaw l-orjentazzjonijiet tal-Kunsill għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika, li għandha l-għan li tagħmilha aktar adatta għall-isfidi li l-UE qed tħabbat wiċċha magħhom bħalissa.
Qafas tal-governanza ekonomika: il-Kunsill jaqbel dwar konklużjonijiet dwar riforma
Il-ministri qablu fuq konklużjonijiet dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Il-konklużjonijiet fihom oqsma ta' konverġenza ta' fehmiet fost l-istati membri u oqsma għal aktar ħidma fuq qafas riformat. Dawn jikkostitwixxu gwida politika għall-Kummissjoni Ewropea għat-tħejjija ta' proposti leġiżlattivi rilevanti.
Ir-regoli fiskali huma importanti u għandhom jibqgħu strument essenzjali fis-sett ta' għodod tal-politika ekonomika tagħna. Issa għandhom jiġu adattati għal dinja li qed tinbidel.
Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja
Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro dwar il-gwida fiskali għall-2024
Il-Grupp tal-Euro evalwa l-iżviluppi makroekonomiċi u fiskali fiż-żona tal-euro u kellu skambju ta' fehmiet dwar il-gwida għall-politika fiskali għall-2023 u l-2024. Fil-kuntest ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu, il-ministri adottaw dikjarazzjoni dwar il-gwida għall-politika fiskali għall-2024.
Qbilna li l-politiki fiskali għandu jkollhom l-għan li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fit-terminu medju filwaqt li jżidu l-potenzjal tat-tkabbir b'mod sostenibbli. Għarafna l-ħtieġa li jiġu indirizzati t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, iżda tajna sinjali importanti rigward it-tfassil ta' miżuri baġitarji u l-ħtieġa li jiġu evitati miżuri permanenti li jżidu d-defiċit bħala element importanti fit-tħejjija għall-baġits għas-sena d-dieħla.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-ministri jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika
Fl-interventi tagħhom, il-ministri pprovdew gwida politika fir-rigward tas-suġġetti ġenerali mressqa mill-Presidenza Żvediża: kif jiġi żgurat aġġustament fiskali speċifiku għal pajjiż filwaqt li tinżamm is-sorveljanza multilaterali ankrata f'regoli fiskali u parametri referenzjarji komuni tal-UE; fehmiet dwar enfasi akbar possibbli fuq l-ippjanar fuq perjodu medju ta' żmien; u r-rwol potenzjali ta' analiżi bbażata fuq ir-riskju tal-iżviluppi tad-dejn pubbliku fl-identifikazzjoni tal-isfidi speċifiċi għal pajjiż.
Il-presidenza kkonkludiet li kienet meħtieġa aktar ħidma sabiex jintlaħaq qbil dwar it-triq 'il quddiem.
Il-ministri ddiskutew komunikazzjoni li tistabbilixxi l-orjentazzjonijiet għal qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE li kienet ressqet il-Kummissjoni fid-9 ta' Novembru 2022.
Huma qasmu l-osservazzjonijiet pożittivi inizjali tagħhom, qajmu l-mistoqsijiet u t-tħassib pendenti tagħhom, u stennew b'interess diskussjonijiet kostruttivi dwar id-diversi aspetti tar-riformi ssuġġeriti fix-xhur li ġejjin, sabiex il-Kummissjoni tingħata l-appoġġ politiku li teħtieġ għall-passi li jmiss tagħha.
Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro dwar l-orjentazzjonijiet ta' politika fiskali għall-2023
Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-orjentazzjonijiet ta' politika fiskali għall-2023. Fid-dawl tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, wara l-effetti tal-pandemija globali, il-Grupp tal-Euro qies li l-appoġġ għad-domanda ġenerali permezz ta' politiki fiskali fl-2023 ma kienx ġustifikat, u minflok l-enfasi kienet fuq il-protezzjoni ta' dawk l-aktar vulnerabbli, filwaqt li tinżamm l-aġilità ta' aġġustament, jekk ikun meħtieġ.
Il-politiki fiskali fil-pajjiżi kollha għandu jkollhom l-għan li jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn, kif ukoll li jżidu l-potenzjal tat-tkabbir b'mod sostenibbli biex jagħtu spinta lill-irkupru.
Għalkemm il-kuntest globali attwali jippreżenta sfidi sinifikanti, il-Grupp tal-Euro għandu fiduċja sħiħa fir-reżiljenza tal-ekonomiji taż-żona tal-euro u jibqa' impenjat bis-sħiħ li jiżgura l-kondizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli għoli u li jikseb l-objettivi ta' politika tagħna.
Dikjarazzjoni tal-grupp tal-euro dwar l-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji aġġornati tal-Ġermanja u tal-Portugall
Il-grupp tal-euro jilqa' l-preżentazzjoni tal-Abbozzi ta' Pjanijiet Baġitarji għall-2022 tal-Ġermanja u tal-Portugall, kif ukoll l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni maħruġa fid-19 ta' Mejju 2022.
L-eżerċizzju tal-APB huwa essenzjali għall-koordinazzjoni tal-politika fiskali fiż-żona tal-euro. Il-grupp tal-euro qed ikompli bil-koordinazzjoni b'saħħitha tiegħu tal-politika fiskali fiż-żona tal-euro biex jingħelbu r-riskji u l-inċertezzi akbar, u l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija, kif maqbul fl-14 ta' Marzu 2022.
Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro dwar il-gwida fiskali għall-2023
Il-grupp tal-Euro ddiskuta l-koordinazzjoni tal-politika fiskali għall-2023, filwaqt li laqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2 ta' Marzu 2022, u l-fehma tagħha ta' tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali ta' appoġġ aggregata fiż-żona tal-euro għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali s-sena d-dieħla.
Fl-istess ħin, il-Grupp tal-Euro jinsab lest lijirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi, fid-dawl tal-inċertezza kkawżata mill-impatt ekonomiku tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Il-Grupp tal-Euro ddikjara wkoll li fir-rigward tar-rieżami tal-governanza ekonomika ser ikompli jinvolvi ruħu b'mod attiv f'dan il-proċess skont il-Programm ta' Ħidma tiegħu u f'kooperazzjoni mal-Presidenza tal-Kunsill u fil-format adatt.
Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti d-dimensjoni taż-żona tal-euro tal-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi
Bħala parti mir-rieżami tal-governanza ekonomika, il-ministri rriflettew fuq id-dimensjoni taż-żona tal-euro tal-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi.
Il-Grupp tal-Euro jirrikonoxxi li l-iżbilanċi makroekonomiċi huma ta' importanza partikolari għaż-żona tal-euro u li l-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi appoġġat it-tneħħija tagħhom. Il-proċedura kienet partikolarment ta' suċċess biex jitnaqqsu d-defiċits fil-kont kurrenti iżda ċertament inqas effettiva biex jitnaqqsu s-surpluses għoljin.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti r-rieżami tal-governanza ekonomika – aspetti taż-żona tal-euro
Il-ministri ddiskutew il-qafas fiskali taż-żona tal-euro u l-arranġamenti għall-assistenza finanzjarja u s-sorveljanza ta' wara l-programm. Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq il-pjan ta' ħidma tal-Grupp tal-Euro li jispeċifika l-involviment tiegħu fir-rieżami tal-governanza ekonomika.
Kellna l-ewwel diskussjoni sostantiva tagħna dwar id-dimensjoni taż-żona tal-euro tal-qafas ta' governanza ekonomika. U f'din il-parti tal-laqgħa tagħna, aħna smajna ħafna fehmiet mill-gvernijiet fir-rigward tal-proċess tal-abbozz tal-pjan baġitarju, il-proċeduri ta' sorveljanza li huma fis-seħħ, ir-regoli fiskali, il-valur tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika nazzjonali, kif ukoll fir-rigward ta' kif nistgħu niżguraw li jkollna impenji fis-seħħ fir-rigward tal-finanzi nazzjonali tagħna, li dawn jiġu ssodisfati u ssorveljati b'mod trasparenti.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi jiddiskutu l-governanza ekonomika u l-irkupru
Waqt il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-ekonomija tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19, u dwar l-implikazzjonijiet tal-iżvilupp reċenti għall-governanza ekonomika. Huma ddiskutew il-futur tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE u taw il-fehmiet inizjali tagħhom dwar it-triq 'il quddiem. Dan is-suġġett ser jiġi diskuss aktar u l-ministri ser ikomplu l-konsultazzjonijiet tagħhom sabiex jilħqu kunsens wiesa' fi żmien debitu.
Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti t-triq 'il quddiem għal rieżami tal-governanza ekonomika
Fid-dawl tat-tnedija mill-ġdid tar-rieżami tal-governanza ekonomika mill-Kummissjoni, il-ministri ddiskutew il-proċess li permezz tiegħu l-laqgħat tal-Grupp tal-Euro (u l-Grupp tal-Euro fil-format inklużiv għall-punti rilevanti) ser jikkunsidraw ir-rieżami tal-governanza, u kellhom diskussjoni inizjali dwar kif il-Grupp tal-Euro jista' jindirizza l-isfidi għall-koordinazzjoni tal-politika fiskali u ekonomika fiż-żona tal-euro u għall-funzjonament tal-UEM f'ambjent ekonomiku ta' wara l-COVID.