Kif l-UE tirriżolvi banek li qed ifallu
L-UE żviluppat qafas robust biex timmaniġġa r-riżoluzzjoni ordnata ta' banek li qed ifallu sabiex tipproteġi l-istabbiltà finanzjarja, tiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet bankarji kritiċi, u timminimizza l-impatt fuq l-ekonomija u l-kontribwenti.
X'inhi r-riżoluzzjoni tal-banek?
Ir-riżoluzzjoni tal-banek hija proċess strutturat biex jittratta l-banek li qed ifallu. Dan japplika meta l-awtoritajiet jiddeterminaw li r-riżoluzzjoni tal-bank, pjuttost milli jpoġġuh taħt proċedimenti normali ta' insolvenza, tipproteġi aħjar l-istabbiltà finanzjarja u d-depożitanti u timminimizza r-riskju ta' rikors għal fondi pubbliċi.
Ir-riżoluzzjoni tal-banek tinvolvi l-użu ta' għodod u mekkaniżmi speċifiċi, bħal rikapitalizzazzjoni interna, il-bejgħ ta' unitajiet tan-negozju, istituzzjonijiet tranżitorji u separazzjonijiet tal-assi, biex l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-bank jiġu mmaniġġati b'mod effettiv.
Dan il-proċess huwa rregolat mid-direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek (BRRD) u, għal banek sinifikanti fl-unjoni bankarja, il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni (SRM).
Għaliex huwa meħtieġ mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta' banek li qed ifallu?
Qafas ta' riżoluzzjoni tal-banek tal-UE huwa kruċjali biex jiġi evitat il-piż tas-salvataġġi ffinanzjati mill-kontribwenti, filwaqt li jiġi żgurat li minflok, il-kostijiet tal-fallimenti tal-banek jiġġarrbu mill-azzjonisti u l-kredituri tal-banek.
Matul il-kriżi finanzjarja globali, il-gvernijiet kellhom isalvaw lill-banek biex jipprevjenu kollass totali tas-sistema finanzjarja, li kienet mhedda mill-implożjoni ta' titoli abbażi ta' ipoteki u l-kollass tas-suq tad-djar.
Dawn is-salvataġġi ġew iffinanzjati mill-kontribwenti minħabba li l-iskala tal-kriżi kienet teħtieġ intervent immedjat u sostanzjali biex terġa' tinkiseb il-fiduċja u l-istabbiltà fis-settur finanzjarju.
Il-qafas ta' riżoluzzjoni għandu l-għan li jipprevjeni xenarju bħal dan milli jerġa' jseħħ, billi jipprovdi approċċ ċar u unifikat għall-ġestjoni tal-fallimenti tal-banek mingħajr ma jkun hemm rikors għal fondi pubbliċi.
X'inhu l-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni?
Il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni (SRM) jiżgura approċċ ċentralizzat għar-riżoluzzjoni ta' banek sinifikanti u gruppi bankarji transfruntiera fl-unjoni bankarja.
Il-mekkaniżmu huwa mfassal biex:
Jipprevjeni r-riperkussjonijiet ta' kriżijiet fuq l-istati membri mhux parteċipanti.
Jelimina r-riskju li l-istati membri jieħdu deċiżjonijiet separati u potenzjalment inkonsistenti għar-riżoluzzjoni ta' gruppi bankarji transfruntiera.
Jipprevjeni lill-banek milli jkunu dipendenti fuq appoġġ iffinanzjat mill-gvern u milli jiddependu fuq approċċi differenti mill-istati membri.
Jikkomplementa s-sistema superviżorja tal-unjoni bankarja – il-mekkaniżmu superviżorju uniku.
L-SRM japplika għall-pajjiżi parteċipanti tal-unjoni bankarja: l-20 pajjiż taż-żona tal-euro u l-Bulgarija.
X'inhi l-istruttura tal-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni?
Il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni jaħdem permezz ta':
- bord uniku ta' riżoluzzjoni
- fond uniku ta' riżoluzzjoni
Il-bord uniku ta' riżoluzzjoni
Il-bord uniku ta' riżoluzzjoni (SRB) huwa aġenzija tal-UE kompletament indipendenti li taġixxi bħala l-korp ewlieni tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-SRM.
Il-mandat tal-SRB ikopri banek sinifikanti taħt il-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) u gruppi transfruntiera. Huwa inkarigat għal:
- l-ippjanar tar-riżoluzzjoni, jirrieżamina u jiffirma l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni mħejjija mill-banek biex jiżgura li jkunu lesti għal kriżijiet potenzjali
- l-implimentazzjoni, jeżegwixxi skemi ta' riżoluzzjoni f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni
- it-teħid ta' deċiżjonijiet, għandu l-awtorità li jiddeċiedi dwar azzjonijiet ta' riżoluzzjoni u dwar l-użu tal-fond uniku ta' riżoluzzjoni (SRF)
- Is-sorveljanza,, jipprovdi sorveljanza addizzjonali biex jiżgura konsistenza u effettività fil-proċess ta' riżoluzzjoni fl-istati membri kollha
L-SRB jaħdem mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE biex iwettaq il-mandat tiegħu.
Il-fond uniku ta' riżoluzzjoni
Il-fond uniku ta' riżoluzzjoni (SRF) huwa fond ta' emerġenza stabbilit f'livell sovranazzjonali li jista' jintuża fi żminijiet ta' kriżi.
L-SRF huwa mfassal biex:
- jiżgura r-riżoluzzjoni ordnata ta' banek li qed ifallu, wara li jkunu ġew eżawsti alternattivi oħrajn, bħall-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna
- jipprevjeni r-rikors għal flus il-kontribwenti bħala għodda għall-ġestjoni tal-kriżijiet
L-SRF huwa magħmul minn kontribuzzjonijiet minn 2 777 istituzzjoni ta' kreditu u ditta tal-investiment fil-21 pajjiż tal-unjoni bankarja tal-UE.
L-SRF huwa ffinanzjat mis-settur bankarju nnifsu. L-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment kollha fil-21 pajjiż li huma parti tal-unjoni bankarja tal-UE jridu jħallsu tariffa annwali (imsejħa kontribuzzjoni) lill-fond. L-ammont li kull bank irid iħallas huwa bbażat fuq il-komponenti tad-daqs u r-riskju tiegħu. Sal-2023, l-SRF kien laħaq €77.6 biljun.
Kif jaħdem il-proċess ta' riżoluzzjoni?
Il-mekkaniżmu jikkonsisti fil-passi li ġejjin:
- Il-Bank Ċentrali Ewropew jivvaluta jekk bank ikunx qed ifalli jew x'aktarx ifalli. Din il-valutazzjoni tqis kriterji bħal-livelli tal-kapital u tal-likwidità u/jew l-isfidi operazzjonali.
- Il-bord uniku ta' riżoluzzjoni jevalwa jekk ir-riżoluzzjoni tal-bank hijiex fl-interess pubbliku. Dan jinvolvi l-valutazzjoni tal-impatt potenzjali tal-falliment tal-bank fuq l-istabbiltà finanzjarja, il-protezzjoni tal-fondi tad-depożitanti u l-kontinwità tal-funzjonijiet bankarji kritiċi.
- Jekk ir-riżoluzzjoni titqies meħtieġa, il-bord uniku ta' riżoluzzjoni jabbozza skema ta' riżoluzzjoni. Din l-iskema tiddeskrivi l-għodod u l-miżuri li għandhom jintużaw, bħal rikapitalizzazzjoni interna, bejgħ ta' negozju, istituzzjoni tranżitorja jew separazzjoni tal-assi.
- Jekk il-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ma jintlaħqux, il-bank jiġi stralċat f'konformità mal-liġi nazzjonali.
- Jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jiġu ssodisfati, l-iskema ta' riżoluzzjoni tiġi approvata mill-Bord. Dan jibda perjodu ta' 24 siegħa li matulu l-Kummissjoni tista' jew tadotta l-iskema jew toġġezzjona għaliha. Barra minn hekk, meta l-iskema ta' riżoluzzjoni proposta tinvolvi l-użu tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF), il-Kummissjoni tista' tipproponi li l-Kunsill joġġezzjona għaliha jew japprova modifika materjali tal-ammont tal-SRF. Fin-nuqqas ta' oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, l-iskema ta' riżoluzzjoni tidħol fis-seħħ 24 siegħa wara li l-Bord ikun approvaha.
- Il-Bord jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-iskema biex jiżgura li din tipproċedi mingħajr xkiel u b'mod effettiv, filwaqt li jagħmel aġġustamenti kif meħtieġ biex jipproteġi l-istabbiltà finanzjarja.
Kif jaħdem il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (Infografika)
Għodod ta' riżoluzzjoni
- rikapitalizzazzjoni interna: tikkonverti d-debitu f'ekwità, biex hekk l-azzjonisti u l-kredituri jġarrbu t-telf. L-għan huwa li jiġi rikapitalizzat il-bank li qed ifalli u li tiġi restawrata l-vijabbiltà tiegħu mingħajr ma jkun hemm rikors għal fondi tal-kontribwenti.
- bejgħ ta' negozju: jittrasferixxi parti vijabbli ta' bank li qed ifalli lil istituzzjonijiet oħra. Din l-għodda għandha l-għan li tiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet u s-servizzi kritiċi tal-bank.
- istituzzjoni tranżitorja: tistabbilixxi bank temporanju biex tkompli bil-funzjonijiet kritiċi. L-istituzzjoni tranżitorja tista' topera għal perjodu limitat, tipikament sa sentejn, li jista' jiġi estiż b'sena.
- separazzjoni tal-assi: tiżola s-self improduttiv u l-assi tossiċi f'entità separata, spiss imsemmija "bank tal-assi ħżiena" jew vettura tal-immaniġġar tal-assi. Din l-għodda tgħin biex titnaddaf il-karta tal-bilanċ tal-bank li qed ifalli u tippermettilu jkompli bl-operazzjonijiet tiegħu.
Appoġġ finanzjarju
Fondi mill-fond ta' riżoluzzjoni jistgħu jintużaw biex jipprovdu appoġġ finanzjarju neċessarju, billi jiżguraw l-istabbiltà u l-kontinwazzjoni tas-servizzi bankarji essenzjali. Il-Kummissjoni trid tapprova l-użu tal-SRF, biex tiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat. Il-Kunsill għandu s-setgħa li joġġezzjona għall-użu tal-SRF, billi jipprovdi sorveljanza u direzzjoni strateġika addizzjonali.
X'inhu r-rwol tal-Kunsill?
Il-Kunsill:
- jaħtar il-membri tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni
- jiddetermina kif il-kontribuzzjonijiet ex-ante għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni għandhom isiru mis-settur bankarju (billi jiġi adottat att ta' implimentazzjoni)
- f'ċerti każijiet, jista' joġġezzjona għal skema partikolari ta' riżoluzzjoni li tinvolvi l-użu tal-SRF
L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Jannar 2025