Skip to content

Is-Semestru Ewropew fl-2015

Novembru

Stħarriġ annwali dwar it-tkabbir 2016

L-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2016 jipproponi li l-UE żżomm l-istess prijoritajiet ekonomiċi u soċjali bħal dawk tas-sena li għaddiet: li jerġa' jitnieda l-investiment, li jiġu ssoktati r-riformi strutturali u li jiġu żgurati politiki pubbliċi responsabbli dwar il-finanzi.

Rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija 2016

Ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija 2016 li tfassal mill-Kummissjoni Ewropea juri li l-istati membri tal-UE qed ikomplu jagħmlu progress fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati fis-snin preċedenti. Il-vulnerabbiltajiet assoċjati ma’ livelli għolja ta’ dejn għadhom sors ta’ tħassib, u l-bilanċi pożittivi f’għadd ta’ stati membri u fiż-żona tal-euro kollha x’aktarx jibqgħu għoljin matul is-sentejn li ġejjin. 

Il-Kummissjoni ser twettaq analiżijiet fil-fond tal-iżbilanċi makroekonomiċi fi 18-il stat membru: l-Awstrija,il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżvezja, il-Kroazja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija.

Pjan Direzzjonali tas-Semestru Ewropew fl-2016


Fis-17 ta’ Novembru 2015, il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE ppreżentat pjan direzzjonali għas-Semestru Ewropew tal-2016 lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali. Il-pjan direzzjonali jiddeskrivi l-passi ewlenin kollha li jirrigwardaw is-Semestru Ewropew fl-2016 u jipprovdi indikazzjonijiet preliminari dwar il-fokus ta’ diskussjonijiet futuri.

Il-pjan direzzjonali jkopri żewġ fażijiet tas-Semestru Ewropew: l-ewwel parti, b'aktar dettalji, sal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2016, u t-tieni waħda, aktar indikattiva, għall-perijodu bejn il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Marzu u Ġunju 2016.

Ser jiġi ppreżentat pjan direzzjonali aġġornat fir-rebbiegħa tal-2016.

Lulju

Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jadotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

Fl-14 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet għall-politiki ekonomiċi, tal-impjieg u fiskali tal-istati membri, kif ukoll l-opinjonijiet tiegħu dwarhom.

Ħareġ ukoll rakkomandazzjoni dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro inġenerali. 

Il-Kunsill ta wkoll spjegazzjonijiet f’dawk il-każijiet fejn it-test ta’ rakkomandazzjoni finali kien differenti mill-verżjoni tal-abbozz propost mill-Kummissjoni. 

Ir-rakkomandazzjonijiet inħarġu għal 26 mit-28 stat membru tal-UE. M’hemm l-ebda rakkomandazzjoni għal Ċipru u l-Greċja, billi l-politiki ekonomiċi tagħhom huma mmonitorjati taħt programmi ta’ aġġustament makroekonomiku.

Ġunju

Il-Kunsill Ewropew japprova rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi 

Fil-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2015, il-mexxejja approvaw b’mod ġenerali r-rakkomandazzjonijiet. speċifiċi għall-pajjiżi. 

Il-Kunsill jikkonferma r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

Fid-19 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill Ecofin ikkonferma l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-opinjonijiet tal-Kunsill dwar il-politiki ekonomiċi u fiskali tal-istati membri. 

Ikkonferma wkoll qbil dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni speċifika għaż-żona tal-euro inġenerali. Il-Kunsill ipprovda wkoll spjegazzjonijiet f’każijiet fejn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma kinux konformi mal-abbozz propost mill-Kummissjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għandhom jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju, qabel l-adozzjoni legali tagħhom mill-Kunsill Ecofin fl-14 ta’ Lulju 2015.

Fil-laqgħa tiegħu fit-18 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill EPSCO iddiskuta l-aspetti tal-impjiegi u tal-politika soċjali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

Minkejja it-titjib fl-ekonomija, il-ministri identifikaw għadd ta’ sfidi u riskji, speċjalment dawk relatati mal-:

  • faqar
  • inugwaljanza
  • koeżjoni soċjali
  • inklużjoni soċjali   

Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u qalu li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-impjiegi u dawk soċjali għandhom jiġu ttrattati bħala prijorità biex tiġi garantita l-istabbiltà taż-żona tal-euro

Mejju

Abbozz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

Fit-13 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal 26 stat membru u għaż-żona tal-euro. Il-Kunsill jadotta l-verżjoni finali tar-rakkomandazzjonijiet f’Lulju, wara diskussjonijiet fil-Kunsill u l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-2015 jinkludu l-għoti ta' spinta lill-investiment, l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali, it-twettiq ta' politika fiskali bilanċjata, it-titjib tal-politika dwar l-impjiegi u l-protezzjoni soċjali.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-analiżi fil-fond

Fil-konklużjonijiet tiegħu, adottati fil-laqgħa tal-Ecofin tas-7 ta’ Mejju, il-Kunsill qabel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jeżistu żbilanċi makroekonomiċi f’16-il stat membru: il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. 

Huwa qabel ukoll li jeżistu żbilanċi eċċessivi f’ħames stati membri: il-Bulgarija, il-Kroazja, Franza, l-Italja u l-Portugall. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra jekk għandux jingħata bidu għal proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku għall-Kroazja u Franza wara li eżaminat il-miżuri politiċi ta' dawn il-pajjiżi. 

L-iżbilanċi fi tliet stati membri taż-żona tal-euro - l-Irlanda, is-Slovenja u Spanja - huma meqjusa li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva

Huwa ppjanat monitoraġġ speċifiku fi stati membri bi żbilanċi eċċessivi u żbilanċi li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva. Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tħejji l-iskeda taż-żmien u l-kontenut ta’ dan il-monitoraġġ. (Fi Spanja u l-Portugall il-monitoraġġ ser jitwettaq taħt is-sorveljanza ta’ wara l-programm biex tiġi evitata d-duplikazzjoni).

L-iżbilanċi fis-Slovenja m’għadhomx jitqiesu eċċessivi. 

Il-Kunsill issottolinja li jinħtieġu azzjoni politika u riformi strutturali fl-istati membri kollha, partikolarment dawk li qed jiffaċċjaw żbilanċi makroekonomiċi li qed jaffettwaw il-funzjonament bla xkiel tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Marzu

Analiżi fil-fond tal-iżbilanċi makroekonomiċi

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-analiżi fil-fond tagħha tal-qagħda makroekonomika fis-16-il stat membru li fir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija tal-2015 ġew identifikati bħala pajjiżi li qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. (Ċipru u l-Greċja mhumiex soġġetti għal analiżi fil-fond fl-eżerċizzju tal-2015).

L-iskop tal-analiżi fil-fond huwa li tiġi eżaminata aktar in-natura tal-iżbilanċi identifikati: biex jiġi identifikat jekk humiex eċċessivi u jeħtiġux azzjoni politika deċiżiva jew jekk jistħoqqilhomx rakkomandazzjoni mill-Kunsill biex tibda proċedura ta' żbilanċ eċċessiv. 

Il-Kunsill Ewropew jipprovdi gwida ta’ politika għall-istati membri

Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa’ fid-19 u l-20 ta’ Marzu, approva t-tliet prijoritajiet tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir tal-2015:

  • investiment
  • riformi strutturali 
  • responsabbiltà fiskali

Il-mexxejja tal-UE stiednu lill-istati membri jirriflettu dawn il-prijoritajiet fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom u fil-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza tagħhom.

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa jikkonkludi l-ewwel fażi tas-Semestru Ewropew.

Rapport ta’ sintesi u pjan direzzjonali aġġornat

Fis-17 ta’ Marzu, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali ddiskuta rapport ta’ sintesi, li jiġbor fil-qosor diskussjonijiet u konklużjonijiet ta' diversi konfigurazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir tal-2015.

Id-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar is-Semestru Ewropew seħħew fil-kuntest ta’ inizjattivi politiċi ewlenin f’kull settur, bħall-ħolqien ta’ unjoni tal-enerġija, is-suq uniku diġitali, u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. 

Fost affarijiet oħra, ir-rapport jenfasizza l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi bħala l-aktar kwistjoni urġenti fi ħdan is-Semestru Ewropew. 

Ir-rapport ser jinforma d-diskussjonijiet dwar is-Semestru Ewropew tal-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew ta’ Marzu. 

Il-Kunsill ħa nota wkoll ta’ pjan direzzjonali aġġornat għas-Semestru tal-2015.

Id-dimensjoni soċjali tas-semestru

Fil-laqgħa tagħhom tad-9 ta’ Marzu 2015, il-ministri għall-impjiegi adottaw konklużjonijiet dwar l-aspetti tal-impjiegi u tal-politika soċjali tas-Semestru Ewropew 2015, inkluż dwar ir-rapport konġunt dwar l-impjiegi.                              

Huma enfasizzaw il-ħtieġa li:

  • tingħata spinta lid-dinamika tas-suq tax-xogħol
  • jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-protezzjoni soċjali
  • titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi
  • titjieb il-governanza tas-Semestru Ewropew    

Il-konklużjonijiet jinkludu sett ta’ linji gwida politiċi għal kull wieħed minn dawn l-oqsma ta’ azzjoni.

Rapport konġunt dwar l-impjiegi

Ir-rapport konġunt dwar l-impjiegi, li huwa mfassal mill-Kumitat tal-Impjiegi u jakkumpanja l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir, janalizza s-sitwazzjoni tal-impjiegi u dik soċjali fl-UE. 

Huwa jenfasizza għadd ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

  • impenn akbar fl-implimentazzjoni tal-garanzija għaż-żgħażagħ
  • għajnuna lil dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil sabiex jerġgħu lura għax-xogħol
  • tkomplija tar-riformi tas-suq tax-xogħol
  • tfassil ta’ sistemi ta’ taxxa u benefiċċji li jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjiegi

ir-rapport ser jintuża bħala bażi għal diskussjoni fil-Kunsill Ewropew f’Marzu.

Frar

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir 2015 u r-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija 

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet fis-17 ta’ Frar 2015 dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u r-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija għall-2015 mill-Kummissjoni.

Stħarriġ annwali dwar it-tkabbir

Il-Kunsill jaqbel b'mod ġenerali mal-analiżi mill-Kummissjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u l-isfidi politiċi fl-UE. Jaqbel li l-oqsma ta' prijorità għall-UE u l-istati membri fl-2015 għandhom ikunu:

• l-ixprunar tal-investiment
• it-tiġdid tal-impenn għar-riformi strutturali
• l-eżerċitar ta' responsabbiltà fiskali

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jistabbilixxu linji gwida politiċi għal kull wieħed minn dawn l-objettivi.

Il-Kunsill jilqa’ wkoll is-suġġerimenti tal-Kummissjoni għas-simplifikazzjoni tas-Semestru Ewropew u jissottolinja li din twassal għal żieda fl-appartenenza politika, il-prevedibbiltà, il-kontabbiltà u l-aċċettazzjoni tal-proċess. Twassal ukoll għal titjib fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u komparabbiltà aħjar tar-riżultati. 

Rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija 

Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kunsill innota li 16-il stat membru ser jiġu soġġetti għal analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni makroekonomika. L-għan tal-analiżi huwa li jiġi stabbiliti jekk jeżistux jew jekk hemmx is-sogru li jfeġġu żbilanċi makroekonomiċi f’dawn il-pajjiżi, u li tiġi identifikata n-natura tagħhom. Ir-riżultati huma mistennija fl-aħħar ta' Frar 2015, flimkien ma' dokumenti ta' ħidma tal-persunal f'dokument analitiku wieħed għal kull stat membru għall-ewwel darba. 

Il-Kunsill jistieden lill-istati membri biex jieħdu kont tal-kwistjonijiet identifikati fir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija waqt it-tħejjija tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom li jmiss u l-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza.