Skip to content

Arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR)

L-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR) jappoġġaw teħid ta' deċiżjonijiet rapidu u koordinat fil-livell politiku tal-UE għal kriżijiet maġġuri u kumplessi.

X'inhuma l-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR)?

Meta jkun hemm kriżi jew diżastru, ikunx naturali jew ikkawżat mill-bniedem, l-UE tista' tuża diversi mekkaniżmi settorjali ta' rispons għall-kriżijiet biex tipprovdi l-għajnuna u ssolvi s-sitwazzjoni.

L-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR) jappoġġaw teħid ta' deċiżjonijiet rapidu u koordinat fil-livell politiku tal-UE f'każ ta' kriżijiet maġġuri u kumplessi, inkluż atti terroristiċi.

Permezz ta' dan il-mekkaniżmu, il-presidenza tal-Kunsill tikkoordina r-rispons politiku għall-kriżi billi tlaqqa' flimkien:

  • l-istituzzjonijiet tal-UE
  • l-istati membri affettwati
  • atturi ewlenin oħra
Spjegazzjoni dwar kif jaħdem il-mekkaniżmu ta' rispons għal kriżijiet, IPCR
Kif jaħdem il-mekkaniżmu ta' rispons għal kriżijiet, IPCR (Infografika)

Kif jaħdem il-mekkaniżmu ta' rispons għal kriżijiet, IPCR (Infografika)

Kif taħdem fil-prattika l-koordinazzjoni tal-IPCR waqt kriżi

Fi żminijiet ta' kriżi, il-presidenza tal-Kunsill tlaqqa' flimkien atturi ewlenin, jiġifieri mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-istati membri affettwati, biex tiżgura l-koordinazzjoni u tindirizza n-nuqqasijiet.

Il-mekkaniżmu tal-Kunsill ta' koordinazzjoni għall-kriżijiet jista' jiġi skattat mill-presidenza jew fuq talba ta' stat membru taħt il-klawżola ta' solidarjetà.

Il-mekkaniżmu IPCR jappoġġa lill-presidenza tal-Kunsill, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-gvernijiet tal-istati membri għall-Unjoni Ewropea (Coreper) u l-Kunsill tal-UE, billi jipprovdi għodod speċifiċi biex:

  • jissimplifikaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni
  • jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni
  • jikkoordinaw ir-rispons għall-kriżijiet fil-livell politiku

L-għodda ewlenija hija laqgħa informali, li hija laqgħa ta' kriżi ppreseduta mill-presidenza tal-Kunsill u li għaliha jattendu rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-uffiċċju tal-President tal-Kunsill Ewropew, l-aġenziji rilevanti tal-UE, l-istati membri u l-esperti. Għodod oħra huma:

  • rapporti analitiċi biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jingħataw stampa ċara tas-sitwazzjoni attwali
  • pjattaforma web għall-iskambju u l-ġbir ta' informazzjoni
  • punt ta' kuntatt 24/7 biex jiġi żgurat kollegament kostanti bejn il-partijiet ikkonċernati

Il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni għall-kriżijiet jista' jiġi attivat għal avvenimenti li jseħħu kemm fl-UE kif ukoll barra minnha.

Modalitajiet ta' operazzjoni

Hemm żewġ modalitajiet ta' attivazzjoni, skont is-sitwazzjoni:

  • modalità ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni, li tiskatta l-ħolqien ta' rapporti analitiċi u l-użu tal-pjattaforma web biex sitwazzjoni partikolari tinftiehem aħjar u biex issir tħejjija għal eskalazzjoni possibbli
  • modalità ta' attivazzjoni sħiħa, li tinvolvi t-tħejjija ta' proposti għal azzjoni tal-UE li tiġi deċiża mill-Kunsill tal-UE jew mill-Kunsill Ewropew

F'każ ta' kriżi mingħajr attivazzjoni tal-IPCR, l-iskambju ta' informazzjoni jista' jiġi appoġġat permezz tal-modalità ta' monitoraġġ. Il-mekkaniżmu IPCR bħalissa huwa attivat f'modalità sħiħa għal tliet kriżijiet speċifiċi:

  • il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
  • is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
  • il-kriżi tal-migrazzjoni u r-refuġjati

Il-modalità ta' attivazzjoni sħiħa tippermetti li jiġu żviluppati miżuri ta' rispons ikkoordinati speċifiċi tal-UE fil-laqgħat immexxija mill-presidenza.

Għal aktar informazzjoni dwar l-għodod u l-modalitajiet ta' operazzjoni tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni għall-kriżijiet ara:

Tħejjija għall-kriżijiet

Il-Kunsill huwa involut f'diversi attivitajiet preparatorji biex jiżgura li l-mekkaniżmu IPCR waqt kriżi jaħdem tajjeb, ladarba jiġi attivat. Dawn l-attivitajiet jinkludu:

  • taħriġ dwar il-mekkaniżmu għall-partijiet ikkonċernati
  • eżerċizzji
  • kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar ir-riskji u l-ippjanar
  • network ta' esperti fil-komunikazzjoni f'każ ta' kriżi mill-istati membri u l-korpi tal-UE

Attivazzjonijiet attwali tal-IPCR

Attivazzjonijiet sħaħ

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Wara l-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati tal-Ħamas fl-Iżrael fis-7 ta' Ottubru 2023 u l-avvenimenti li bdew iseħħu fil-Lvant Nofsani, fis-16 ta' Ottubru l-presidenza Spanjola tal-Kunsill iddeċidiet li tattiva l-arranġamenti tal-IPCR fil-modalità ta' monitoraġġ.

Fid-19 ta' Ottubru 2023, il-presidenza aġġornat l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu IPCR għal modalità sħiħa.

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Wara l-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022, il-presidenza Franċiża tal-Kunsill iddeċidiet li tattiva l-arranġamenti tal-IPCR f'modalità sħiħa (fis-27 ta' Frar 2022).

Il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati

Wara l-kriżi tal-migrazzjoni fl-2015, il-presidenza Lussemburgiża ddeċidiet – f'Ottubru 2015 – li tattiva l-modalità ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni tal-mekkaniżmu IPCR għall-koordinazzjoni waqt kriżi.

F'Novembru 2015, il-presidenza aġġornat l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu IPCR għal modalità sħiħa. Ilu f'modalità sħiħa minn dak iż-żmien 'l hawn.

Modalità ta' monitoraġġ

Tifqigħa tal-Ebola

Fl-1 ta' Ġunju 2026, il-presidenza Ċiprijotta ddeċidiet li tuża l-IPCR fil-modalità ta' monitoraġġ biex tappoġġa l-iskambji ta' informazzjoni dwar it-tifqigħa tal-Ebola.

Tifqigħa tal-hantavirus

Wara d-diżattivazzjoni tal-attivazzjoni tal-IPCR fil-modalità ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni għat-tifqigħa tal-infezzjoni tal-hantavirus (Andes) fit-3 ta' Lulju 2026, infetħet paġna ta' monitoraġġ fuq il-pjattaforma web tal-IPCR.

Il-paġna ta' monitoraġġ tippermetti lill-istati membri, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jtellgħu informazzjoni rilevanti biex jappoġġaw l-għarfien tas-sitwazzjoni u jaqsmu kwalunkwe rapport jew materjal rilevanti ieħor li jifdal.

Attivazzjonijiet preċedenti tal-IPCR

Terremot fit-Turkija u s-Sirja

Wara t-terremot tas-6 ta' Frar 2023 fit-Turkija u s-Sirja, il-presidenza Żvediża tal-Kunsill iddeċidiet li tattiva l-IPCR f'modalità sħiħa biex tikkoordina l-miżuri ta' appoġġ tal-UE.

Fit-2 ta' Mejju 2023, il-presidenza Żvediża ddeċidiet li tiddiżattiva l-IPCR.

It-tifqigħa tal-coronavirus tal-COVID-19

F'Diċembru 2019, wara t-tifqigħa tal-COVID-19, il-presidenza Finlandiża tal-Kunsill iddeċidiet li tattiva l-arranġamenti tal-IPCR tal-UE fil-modalità ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni.

Minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni u s-setturi differenti affettwati, il-presidenza Kroata tal-Kunsill żiedet l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu IPCR għal modalità sħiħa fit-2 ta' Marzu 2020.

Fl-4 ta' Mejju 2023, il-presidenza Żvediża tal-Kunsill iddeċidiet li tiddiżattiva l-IPCR.

Interferenza barranija fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej f'Ġunju 2024

Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tiegħu tas-17 u t-18 ta' April 2024 u fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li kienu ġejjin, il-Kunsill Ewropew stieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw fir-rigward ta' "kwalunkwe riskju li jirriżulta mid-diżinformazzjoni, inkluż permezz tal-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin fil-proċessi elettorali".

Fl-24 ta' April 2024, il-presidenza Belġjana attivat l-arranġamenti tal-IPCR fil-modalità ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-interferenza barranija fil-qafas tal-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2024. L-attivazzjoni tal-IPCR serviet biex tappoġġa din il-kooperazzjoni billi tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-istati membri u l-istituzzjonijiet tal-UE.

Fil-25 ta' Ġunju 2024, il-presidenza Belġjana ddeċidiet li tiddiżattiva l-IPCR iżda li tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni. F'Ġunju 2025, il-presidenza Pollakka ddeċidiet li tiddiżattiva l-IPCR.



Għaliex l-UE teħtieġ mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet

Il-ħtieġa ta' mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet fil-livell tal-UE tfaċċat fil-bidu tas-snin 2000 wara li seħħew diversi avvenimenti drammatiċi, inkluż:

  • l-attakki terroristiċi ta' 9/11, imwettqa fl-Istati Uniti fl-2001
  • l-attakki terroristiċi f'Madrid fl-2004 u f'Londra fl-2005
  • it-tsunami fl-Oċean Indjan fl-2004

Fl-2006, il-Kunsill adotta l-arranġamenti għall-koordinazzjoni waqt emerġenza u kriżi (CCA). Is-CCA tfasslu biex ikunu pjattaforma għall-iskambju ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' azzjoni bejn l-istati membri f'każ ta' kriżi kbira.

Fl-2013, il-Kunsill kompla jibni fuq is-CAA billi adotta l-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR). Dan il-mekkaniżmu mtejjeb jipprovdi diversi benefiċċji, inkluż:

  • aktar flessibbiltà
  • aktar skalabbiltà
  • użu akbar tar-riżorsi, l-istrutturi u l-kapaċitajiet eżistenti

Fl-2018, il-Kunsill adotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tikkodifika f'att legali l-arranġamenti tal-IPCR.

Ara wkoll

A grid of icons representing EU civil protection, including emergency equipment, disaster relief, health care, flood and wildfire response, humanitarian aid and global cooperation, arranged around the European Union flag at the centre.
EU civil protection

EU civil protection

Għajnuna umanitarja

Għajnuna umanitarja

Ħelikopter għat-tifi tan-nar u xi elementi astratti li jirrappreżentaw ir-rispons għall-kriżijiet.
Rispons għall-kriżijiet

Rispons għall-kriżijiet