Skip to content

Industrija tat-turiżmu

L-UE qed taħdem biex tibni settur tat-turiżmu aktar sostenibbli u kompetittiv f'konformità mal-objettivi tal-UE, inkluż it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, kif ukoll dawk ta' innovazzjoni msaħħa, koeżjoni soċjali, u s-salvagwardja tal-wirt kulturali.

L-industrija tat-turiżmu f'ċifri

L-Ewropa hija d-destinazzjoni turistika ewlenija fid-dinja, u tilqa' miljuni ta' viżitaturi kull sena. Fl-2024, l-Unjoni Ewropea attirat 758 miljun viżitatur, u b'hekk saret id-destinazzjoni magħżula minn 38% tat-turisti kollha madwar id-dinja u ġġenerat benefiċċji ekonomiċi sinifikanti.

Dik is-sena, l-industrija tat-turiżmu ġġenerat madwar 10% tal-PDG tal-Unjoni u kienet tirrappreżenta 10% tal-impjiegi u 4.6 miljun negozju, li 99% minnhom huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Għal din ir-raġuni, it-turiżmu huwa industrija strateġika għall-UE li tikkontribwixxi għall-kompetittività ġenerali tal-Unjoni.

Turiżmu żbilanċjat

Madankollu, il-miljuni ta' viżitaturi li l-UE tilqa' kull sena mhumiex imqassma b'mod ugwali fost l-istati membri, jew fir-reġjuni u l-bliet tagħhom. Erba' pajjiżi tal-UE - Spanja, Franza, il-Ġermanja u l-Italja - flimkien jammontaw għal aktar minn 60% ta' soġġorni matul il-lejl.

Il-konċentrazzjoni ġeografika u staġjonali tal-flussi turistiċi tippreżenta sfida reali għall-industrija tat-turiżmu, peress li din toħloq pressjoni fuq xi destinazzjonijiet ("turiżmu eċċessiv") u opportunitajiet mitlufa f'oħrajn ("nuqqas ta' turiżmu").

Barra minn hekk, l-għadd dejjem jikber ta' turisti f'xi reġjuni qed ipoġġi pressjoni fuq l-infrastruttura, l-akkomodazzjoni u r-riżorsi, li jista' jwassal għal stress idriku, telf tal-bijodiversità u tniġġis.

Dawn ir-riskji jimminaw il-kompetittività fit-tul tat-turiżmu, l-aċċettazzjoni mill-komunitajiet lokali, u l-wirt kulturali.

L-industrija tat-turiżmu qed tiffaċċa wkoll sensiela ta' sfidi addizzjonali.

Impatti tat-tibdil fil-klima

L-ekosistema tat-turiżmu qed issir dejjem aktar esposta għat-tibdil fil-klima, inkluż avvenimenti ta' temp estrem, u b'hekk toħloq riskji sistemiċi għas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali.

Nuqqas ta' ħaddiema

Is-setturi tal-ospitalità u tat-turiżmu qed jiffaċċaw nuqqas strutturali ta' ħaddiema u diskrepanzi fil-ħiliet, li jillimitaw l-attraenza ġenerali tas-settur.

Żviluppi teknoloġiċi rapidi

L-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll il-ġbir u l-analiżi tad-data, għandhom il-potenzjal li jagħtu s-setgħa kemm lid-destinazzjonijiet turistiċi kif ukoll lill-vjaġġaturi.

Tensjonijiet ġeopolitiċi u inċertezza ekonomika

It-turiżmu huwa fost is-setturi li huma l-aktar esposti għal xokkijiet esterni, li jaffettwaw il-fiduċja tal-vjaġġaturi u - f'ħafna każijiet - il-mobbiltà tagħhom.

Settur tat-turiżmu tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiv

Fit-28 ta' Mejju 2026, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-bini ta' settur tat-turiżmu sostenibbli u kompetittiv għall-futur, b'enfasi fuq seba' oqsma:

  • komunitajiet lokali u ekwità soċjali
  • konnettività u mobbiltà sostenibbli
  • tranżizzjoni ekoloġika u tibdil fil-klima
  • trasformazzjoni diġitali, data u innovazzjoni
  • ħiliet u xogħol ta' kwalità
  • reżiljenza, ġestjoni adattiva u preparatezza għall-kriżijiet
  • governanza f'diversi livelli

Turiżmu bbilanċjat

Il-Kunsill jissottolinja l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni, inkluż permezz ta' politiki nazzjonali u reġjonali u l-politika ta' koeżjoni, lil destinazzjonijiet periferiċi, rurali, insulari, muntanjużi u remoti, bl-għan li jissaħħaħ il-bilanċ reġjonali u jiġi sfruttat il-potenzjal tat-turiżmu tagħhom.

Komunitajiet lokali impenjati

Il-Kunsill iħeġġeġ lill-istati membri biex isaħħu l-involviment tal-komunità u l-ekwità soċjali billi, fost affarijiet oħra:

  • jiżguraw il-parteċipazzjoni sinifikanti tar-residenti, tan-negozji lokali u tal-assoċjazzjonijiet turistiċi fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tat-turiżmu
  • jippromwovu mudelli tat-turiżmu li jxerrdu l-benefiċċji b'mod ġust, jirrispettaw il-kulturi lokali u jnaqqsu l-impatti negattivi mhux intenzjonati għar-residenti

Mobbiltà sostenibbli u multimodali

Il-Kunsill jisħaq l-importanza ta' soluzzjonijiet ta' trasport aċċessibbli, affordabbli, sostenibbli, multimodali u transfruntieri, inkluż għal reġjuni inqas magħrufa u ultraperiferiċi, u tat-tnaqqis tal-ostakli għall-moviment liberu.

Dan ser jgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tas-settur tat-trasport u biex jiġu żgurati vjaġġi bla xkiel għall-benefiċċju kemm tat-turisti kif ukoll tar-residenti.

L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika

L-aċċellerazzjoni tal-azzjoni ta' mitigazzjoni u ta' adattament, il-protezzjoni tal-bijodiversità u r-restawr tal-ekosistemi naturali huma indispensabbli għas-salvagwardja tal-attraenza u l-kompetittività tad-destinazzjonijiet turistiċi.

Għal dak l-għan, il-Kunsill jinkoraġġixxi, fost affarijiet oħra:

  • approċċi aktar riġenerattivi għat-turiżmu li huma ta' benefiċċju kemm għall-ambjent naturali kif ukoll għad-destinazzjonijiet turistiċi
  • mudelli ta' negozju fl-industrija tat-turiżmu li jkunu effiċjenti fir-riżorsi, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, u ċirkolari
  • il-ġestjoni tal-flussi turistiċi u l-promozzjoni ta' prodotti tat-turiżmu li huma aktar reżiljenti għall-impatt tat-tibdil fil-klima
  • kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ta' adattament tal-infrastruttura, il-protezzjoni kostali u marittima, u t-trasport f'żoni li huma esposti ħafna għar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima

Użu aħjar tal-għodod u d-data diġitali

Il-ġestjoni tad-destinazzjoni mmexxija mid-data u l-prattiki innovattivi tat-turiżmu huma kruċjali biex jiżdiedu l-kompetittività, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-industrija tat-turiżmu.

Għalhekk, il-Kunsill jappoġġa l-iżvilupp ta' servizzi innovattivi tat-teknoloġija tal-ivvjaġġar u tal-IA u l-użu tad-data biex jiġu antiċipati, ġestiti u ppjanati l-flussi tat-turiżmu, kif ukoll jitkejlu l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha.

Ħiliet aġġornati u kwalità mtejba tal-impjiegi

Impjiegi ta' kwalità għolja, kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u żvilupp tal-ħiliet huma essenzjali għall-kompetittività u r-reżiljenza fit-tul tas-settur tat-turiżmu.

F'dak il-kuntest, il-Kunsill jippromwovi l-użu ta', fost affarijiet oħra:

  • it-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema tat-turiżmu u għal dawk li qed ifittxu impjieg
  • strumenti li jappoġġaw il-ħiliet u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fit-turiżmu
  • għodod li janalizzaw u jbassru x-xejriet staġjonali u ġeografiċi tal-impjiegi
  • Servizzi ta' tqabbil fl-UE kollha biex jiġu indirizzati d-domanda staġjonali u d-differenzi fl-impjiegi

Preparatezza u rispons imsaħħa għall-kriżijiet

Peress li t-turiżmu huwa fost is-setturi l-aktar esposti għal xokkijiet esterni, il-kapaċità kollettiva ta' rispons rapidu u effettiv hija essenzjali għall-iżvilupp kontinwu tas-settur.

Għalhekk il-Kunsill jirrakkomanda:

  • l-iżvilupp ta' sistemi strutturati ta' valutazzjoni u prevenzjoni tar-riskju, ippjanar ta' kontinġenza u ta' twissija bikrija u titjib fil-komunikazzjoni tal-kriżijiet
  • l-użu ta' data f'ħin reali u sistemi ta' monitoraġġ għall-ġestjoni tal-flussi turistiċi u tal-viżitaturi ta' matul il-jum, u ż-żieda fid-diversifikazzjoni tal-prodotti tat-turiżmu
  • appoġġ għad-destinazzjonijiet f'termini ta' bini tar-reżiljenza u s-sostenibbiltà soċjali

Ara wkoll

Raġel u mara bilwieqfa ħdejn xulxin, it-tnejn iżommu bagalja u lebsin backpack, lesti biex jivvjaġġaw.
Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

Collage li fih għeliem ikoniċi bħat-Torri Eiffel, mitħna tar-riħ, it-Torri Mmejjel ta' Pisa, ajruplan jittajjar fuqhom, u vjaġġatur jiġbed bagalja waqt li jħares lejn mowbajl.
Pakketti tal-ivvjaġġar

Pakketti tal-ivvjaġġar

Protezzjoni konsulari

Protezzjoni konsulari

L-aħħar reviżjoni: 28 ta' Mejju 2026