Skip to content

Protezzjoni konsulari

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt jitolbu għajnuna mill-ambaxxata jew mill-konsolat ta' kwalunkwe stat membru tal-UE f'pajjiż mhux tal-UE jekk l-istat membru tagħhom ma jkollux rappreżentanza diplomatika hemmhekk.

Protezzjoni konsulari taċ-ċittadini tal-UE

Il-protezzjoni konsulari tirreferi għall-għajnuna mogħtija minn pajjiż liċ-ċittadini tiegħu li jkunu qed jgħixu jew jivvjaġġaw barra mill-pajjiż u li jkollhom bżonn l-għajnuna.

Ir-responsabbiltà primarja li tingħata għajnuna konsulari liċ-ċittadini tal-UE hija tal-istati membri individwali tal-UE. Iżda mhux kull stat membru tal-UE għandu ambaxxata jew konsolat f'kull pajjiż fid-dinja. Dan ifisser li xi ċittadini tal-UE m'għandhomx "rappreżentanza", peress li ma hemmx ambaxxata jew konsolat mill-istat membru tagħhom biex jgħinhom.

Id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE mingħajr rappreżentanza barra minn pajjiżhom

Fost id-drittijiet tagħhom marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jitolbu l-għajnuna mill-ambaxxata jew mill-konsolat ta' kwalunkwe pajjiż tal-UE jekk ikunu jeħtieġu għajnuna barra mill-UE u ma jkollhomx "rappreżentanza".

Fi kliem ieħor, l-istati membri kollha tal-UE meħtieġa jgħinu liċ-ċittadini tal-UE mingħajr rappreżentanza bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tagħhom stess.

Dan huwa magħruf bħala d-dritt għal trattament ugwali u huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE. Jinsab minqux fl-artikoli 20(2)(c) u 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u fl-artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Din l-għajnuna reċiproka fost l-istati membri hija ta' importanza partikolari f'każ ta' kriżi konsulari. Kriżi konsulari tfaqqa' meta l-ħajja, is-saħħa jew is-sigurtà ta' għadd kbir ta' ċittadini tal-UE f'pajjiż mhux tal-UE tkun f'riskju – bħal matul diżastri naturali, inċidenti kbar, jew perjodi ta' instabbiltà politika.

L-ambaxxati u l-konsolati tal-istati membri tal-UE jistgħu jagħtu l-għajnuna f'dawn is-sitwazzjonijiet:

Telf jew serq ta' passaport jew karta tal-identità

L-ambaxxata tista' toħroġ dokumenti proviżorji tal-ivvjaġġar biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jirritornaw f'pajjiżhom.

Arrest jew detenzjoni

L-ambaxxata tista' tagħti informazzjoni dwar is-sistema legali lokali u tgħin liċ-ċittadini tal-UE jsibu avukat.

Vittma ta' reat kriminali

L-ambaxxata tista' tgħin liċ-ċittadini tal-UE u tagħti pariri dwar il-passi li għandhom jittieħdu.

Inċident jew mard serju

L-ambaxxata tista' tgħin biex jiġu kkuntattjati l-kumpanija tal-assigurazzjoni, il-familja jew il-ħbieb taċ-ċittadini tal-UE li jiġu rikoverati l-isptar.

Sokkors u ripatrijazzjoni

L-ambaxxata tista' tgħin liċ-ċittadini tal-UEf'każ ta' emerġenza (jiġifieri kunflitt jew diżastru naturali).

Mewt

L-ambaxxata tista' tgħin liċ-ċittadini tal-UE jinnotifikaw lill-qraba u tgħin fir-reġistrazzjoni ta' mewt.

Biex jissaħħaħ u jiġi ffaċilitat id-dritt għall-protezzjoni konsulari, fl-2015 l-UE adottat direttiva dwar il-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE mingħajr rappreżentanza li jgħixu jew ikunu qed jivvjaġġaw barra mill-UE.

Din id-direttiva tippromwovi aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni fost l-awtoritajiet konsulari fl-UE.

Is-sit web indikat hawn taħt jagħti d-dettalji ta' kuntatt tal-ambaxxati u l-konsolati tal-pajjiżi kollha tal-UE, li jistgħu jkunu utli għalik biex titlob l-għajnuna.

F'konformità mad-direttiva dwar il-protezzjoni konsulari, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u n-network globali tiegħu ta' delegazzjonijiet tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istati membri tal-UE, jaqdu rwol ċentrali biex jitħares id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-protezzjoni konsulari.

B'mod partikolari, is-SEAE u d-delegazzjonijiet tiegħu tal-UE jiffaċilitaw sforzi kkoordinati tal-UE relatati mat-tħejjija u r-rispons konsulari għal kriżijiet.

Dokumenti proviżorji tal-ivvjaġġar

Id-dokumenti proviżorji tal-ivvjaġġar huma l-aktar t-tip ta' għajnuna li tingħata liċ-ċittadini tal-UE f'postijiet fejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom ma jkollux ambaxxata jew konsolat.

Dawn id-dokumenti jinħarġu lil ċittadini li l-passaporti jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom ikunu ntilfu, insterqu jew inqerdu. Huma essenzjali biex jgħinu lin-nies jirritornaw f'pajjiżhom b'moħħhom mistrieħ.

Ir-regoli dwar dokument proviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE ġew adottati għall-ewwel darba fl-1996. F'Ġunju 2019, l-UE adottat direttiva ġdida dwar din il-kwistjoni. Ir-regoli l-ġodda aġġornaw il-format u l-elementi ta' sigurtà tad-dokument proviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE, u ssimplifikaw il-formalitajiet għaċ-ċittadini tal-UE mingħajr rappreżentanza f'pajjiżi mhux tal-UE.

Dokument proviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE ġdid ilu disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE minn Diċembru 2025. Id-dokument proviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE l-ġdid jikkonsisti fi stiker u ktejjeb ta' daqs ta' passaport.

Stiker

Sticker tad-dokument proviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE

Ktejjeb (quddiem)

Formola tad-dokument proviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE (in-naħa ta' quddiem)

Ktejjeb (wara)

Formola tad-dokument proviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE (in-naħa ta' wara)

Id-dokument proviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE huwavalidu għall-perjodu meħtieġ biex jitlesta l-vjaġġ li għalih ikun inħareġ, flimkien ma' perjodu addizzjonali ta' konċessjoni ta' jumejn. Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-validità ta' tiegħu ma għandhiex taqbeż il-15-il jum tal-kalendarju.

Adattament tal-protezzjoni konsulari tal-UE għal sfidi ġodda

Fis-6 ta' Diċembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-Kunsill jirrieżamina d-direttivi dwar il-protezzjoni konsulari u dwar id-dokument proviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE biex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, speċjalment f'sitwazzjonijiet ta' kriżi.

Il-proposta tal-Kummissjoni tieħu minn esperjenzi reċenti, fosthom l-impatti konsulari li kellhom il-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u r-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE mill-Afganistan u s-Sudan.

Bħalissa l-Kunsill tal-UE qed jeżamina l-proposta.

Kif l-istati membri jaħdmu flimkien fejn tidħol il-protezzjoni konsulari

Billi mhux l-istati membri kollha għandhom preżenza fil-pajjiżi kollha tad-dinja, huwa essenzjali li l-pajjiżi tal-UE jikkooperaw biex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-UE li jkunu f'diffikultà jirċievu għajnuna bl-istess kundizzjonijiet.

In-network konsulari tal-istati membri jiltaqa' f'pajjiżi mhux tal-UE biex jiddiskuti kwistjonijiet ta' interess komuni li jikkonċernaw liċ-ċittadini tal-UE f'dak il-pajjiż.

Barra minn hekk, il-persunal konsulari tal-istati membri rappreżentati fil-pajjiż inkwistjoni jista' jiltaqa' mad-delegazzjoni tal-UE biex iħejju għal sitwazzjonijiet ta' kriżi, b'mod partikolari biex ifasslu pjan ta' kontinġenza komuni.

Id-dipartimenti konsulari u ċ-ċentri ta' kriżi tal-istati membri, kif ukoll id-delegazzjonijiet tal-UE, jużaw ukoll pjattaforma online għall-qsim ta' informazzjoni u l-ippjanar ta' kontinġenza.

Eżempji ta' koordinazzjoni

L-UE u l-istati membri tagħha ħadmu flimkien biex jagħtu għajnuna konsulari liċ-ċittadini tal-UE mingħajr rappreżentanza f'diversi okkażjonijiet, fosthom matul il-pandemija tal-COVID-19, il-kriżi fl-Afganistan, il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kunflitt fis-Sudan u l-kriżi fil-Lvant Nofsani.

L-evakwazzjonijiet mis-Sudan fl-2023 u r-ripatrijazzjonijiet minħabba l-COVID-19 fl-2020 kienu partikolarment diffiċli, minħabba l-kumplessità fl-ewwel każ u l-kwantitajiet fit-tieni.

Evakwazzjonijiet mis-Sudan

Meta f'April 2023 faqqa' kunflitt fis-Sudan, madwar 1 700 ċittadin tal-UE kienu preżenti fil-pajjiż, b'ħafna minnhom mingħajr rappreżentanza.

Bis-saħħa ta' koordinazzjoni effettiva tal-UE, l-istati membri tal-UE li mexxew l-operazzjonijiet ta' evakwazzjoni ħadu ħsieb ċittadini oħra tal-UE u anke ċittadini minn kontinenti oħra.

Ripatrijazzjonijiet minħabba l-COVID-19

Meta l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal restrizzjonijiet immedjati fuq l-ivvjaġġar fid-dinja kollha fl-ewwel xhur tal-2020, aktar minn 600 000 ċittadin tal-UE inqabdu barra minn pajjiżhom.

B'rispons għal dan, l-UE u l-istati membri tagħha malajr ingħaqdu biex jikkoordinaw sforzi ta' ripatrijazzjoni fuq skala kbira, u rnexxielhom jirritornaw liċ-ċittadini f'pajjiżhom.

Mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili

L-istati membri tal-UE u pajjiżi oħra li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili jistgħu jattivaw il-mekkaniżmu biex jitolbu l-għajnuna fl-appoġġ konsulari għaċ-ċittadini tagħhom, pereżempju fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' evakwazzjoni.

Fl-2024, il-mekkaniżmu għen biex kważi 1 400 ċittadin Ewropew ġew evakwati qawwijin u sħaħ minn postijiet bħall-Haiti, il-Lvant Nofsani, u Vanuatu. Fost l-operazzjonijiet fuq skala kbira tal-passat hemm:

  • ir-ripatrijazzjoni ta' 100 000 persuna matul il-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 (mir-ripatrijazzjoni totali ta' 600 000 ċittadin tal-UE)
  • l-evakwazzjoni mill-Afganistan ta' 3 000 ċittadin tal-UE u 7 000 ċittadin Afgan fl-2021

Ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE barra minn pajjiżhom

L-UE u l-istati membri tagħha jistgħu jwettqu inizjattivi konsulari flimkien jekk id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE jkunu qed jinkisru kontinwament jew jekk dawn ikunu f'ċirkostanzi diffiċli barra minn pajjiżhom.

Pereżempju inizjattiva konsulari tista' tintuża biex tiġi indirizzata l-problema ta' ċittadini tal-UE li jkunu qed jinżammu l-ħabs f'kundizzjonijiet ħżiena ħafna f'ċerti pajjiżi, mingħajr aċċess għall-ikel jew mediċina.

Wara inizjattiva konsulari, l-UE u l-istati membri tagħha jistgħu jagħtu wkoll bidu għal inizjattiva ta' kooperazzjoni konsulari. L-għan ta' din ikun li jitkomplew id-diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-pajjiż biex titjieb is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-UE.

Fil‑Kunsill

Il-Grupp ta' Ħidma dwar Affarijiet Konsulari (COCON) huwa l-korp tal-Kunsill bir-responsabbiltà li jiddiskuti kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kooperazzjoni konsulari. Dan jiffoka fuq l-iskambju ta' fehmiet u fuq il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni konsulari mal-istati membri tal-UE u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE

L-UE tiltaqa' regolarment mal-Istati Uniti, il-Kanada, in-Norveġja, l-Awstralja u New Zealand biex tiddiskuti kwistjonijiet ta' interess komuni u ta' kooperazzjoni. Il-presidenza tal-Kunsill tirrappreżenta lill-UE f'dawn il-laqgħat.

Id-diskussjonijiet jiffokaw fuq diversi suġġetti, fosthom:

  • it-tħejjija konsulari għall-kriżijiet u l-monitoraġġ tagħhom
  • il-kooperazzjoni b'rispons għal kriżijiet reċenti
  • inizjattivi ta' kooperazzjoni konsulari
  • l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet li jistgħu jkunu ta' interess reċiproku
  • il-qsim ta' informazzjoni

Ara wkoll

Raġel u mara bilwieqfa ħdejn xulxin, it-tnejn iżommu bagalja u lebsin backpack, lesti biex jivvjaġġaw.
Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

Arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR)

Arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR)

A grid of icons representing EU civil protection, including emergency equipment, disaster relief, health care, flood and wildfire response, humanitarian aid and global cooperation, arranged around the European Union flag at the centre.
EU civil protection

EU civil protection

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Awwissu 2026