Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Diċembru 2015 15:30

Emissjonijiet nazzjonali ta' sustanzi li jniġġsu l-arja: Il-Kunsill jilħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq limiti ġodda

Fis-16 ta' Diċembru 2015 il-Kunsill laħaq qbil dwar approċċ ġenerali għad-direttiva proposta biex jitnaqqsu l-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu (dik l-imsejħa d-Direttiva NEC il-ġdida). Dan il-qbil, li ntlaħaq waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ambjent, ser iservi bħala bażi għan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar dan il-fajl.

Din il-proposta leġislattiva tirrevedi l-limiti massimi annwali għal kull pajjiż għall-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja, billi tintroduċi impenji ġodda għal tnaqqis mill-2020 sal-2029 u mill-2030 'il quddiem.

L-għan huwa li r-riskji għas-saħħa u l-impatti ambjentali kaġun tat-tniġġis tal-arja jiġu indirizzati aktar, u biex id-dritt tal-UE jkun allinjat mal-impenji internazzjonali (wara r-reviżjoni tal-Protokoll ta' Gothenburg fl-2012).

Sustanzi li jniġġsu

Id-Direttiva NEC attwali tistipula limiti nazzjonali għall-emissjoni ta' erba' sustanzi li jniġġsu (id-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu, komposti organiċi volatili u l-ammonijaka). Il-pożizzjoni tal-Kunsill għad-direttiva l-ġdida tinkludi wkoll limiti massimi għal sustanza li tniġġes ġdida, il-materja partikolata fina, iżda mhux għall-metan kif kien propost mill-Kummissjoni. Din is-sustanza li tniġġes tħalliet barra mill-kamp ta' applikazzjoni minħabba tħassib ta' sovrapożizzjonijiet ma' miżuri futuri dwar il-klima u l-enerġija marbuta mal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

Impenji għal tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali

L-impenji għal tnaqqis nazzjonali mill-2020 sal-2029 għal kull sustanza li tniġġes fil-pożizzjoni tal-Kunsill huma identiċi għal dawk fil-Protokoll rivedut ta' Gothenburg. Madankollu l-impenji għal tnaqqis mill-2030 huma ġodda. Dawn huma bbażati fuq il-valutazzjoni teknika tal-potenzjal għal tnaqqis minn kull pajjiż, fuq l-istimi nazzjonali tal-emissjonijiet fl-2030 u fuq l-għan li jitnaqqas l-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa.

Fir-rigward tal-livelli ta' emissjoni intermedji għall-2025 proposti mill-Kummissjoni, il-Kunsill introduċa l-possibbiltà li l-istati membri jagħżlu triq mhux lineari fit-tnaqqis tagħhom jekk din tkun aktar effiċjenti.

Flessibbiltajiet

Il-Kunsill jipproponi ftit aktar flessibbiltà lill-istati membri. Pereżempju, jintroduċi l-possibbiltà ta' kalkolu tal-medja tal-emissjonijiet annwali mal-emissjonijiet għas-sena ta' qabel u ma' dawk tas-sena ta' wara. Dan jista' jiġi applikat meta stat membru ma jkunx f'pożizzjoni li jilħaq l-impenji tiegħu f'sena, minħabba temperaturi ta' kesħa jew sħana partikolari jew minħabba varjazzjonijiet ekonomiċi imprevedibbli.

Il-possibbiltà li n-nuqqas ta' konformità fir-rigward ta' sustanza li tniġġes waħda jiġi kkumpensat bi tnaqqis ekwivalenti ta' sustanza oħra għal żmien limitat hija wkoll proposta għal xi każijiet.

Barra minn hekk, stat membru jista' jitqies li kkonforma mal-obbligi tiegħu f'każijiet eċċezzjonali ta' interruzzjonijiet jew telf tal-kapaċità tal-provvista tal-enerġija jew it-tisħin.

Sekwenza u l-passi li jmiss

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha bħala parti mill-"Pakkett dwar il-kwalità tal-arja" f'Diċembru 2013. Il-Kunsill kellu żewġ dibattiti ta' orjentazzjoni f'Ġunju 2014 u f'Ġunju 2015. Il-Parlament Ewropew ivvota dwar l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta f'Ottubru 2015. L-approċċ ġenerali tal-Kunsill għandu jservi bħala bażi għan-negozjati mal-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil fi żmien qasir.

Il-President tal-Kunsill Ambjent, il-Ministru Dieschbourg tal-Lussemburgu, qal: "It-tniġġis tal-arja jaffettwa s-saħħa taċ-ċittadini kollha. Tinħtieġ azzjoni urġenti biex tittejjeb il-kwalità tal-arja fl-Ewropa. Wara diskussjonijiet diffiċli, illum ilħaqna kompromess ibbilanċjat, li għandu l-appoġġ ta' ħafna stati membri u għadu ambizzjuż. Għandna nħabirku biex ikollna riżultat li jirrispetta l-livell ta' ambizzjoni tad-direttiva u l-ispirtu tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima".

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024