Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 8 ta' Ġunju 2017 11:30

20 stat membru jilħqu qbil dwar id-dettalji marbutin mal-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

Fit-8 ta’ Ġunju, l-istati membri li huma parti mill-kooperazzjoni msaħħa dwar il-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) laħqu qbil dwar leġislazzjoni li tiddeskrivi l-funzjonament u r-rwol tiegħu fid-dettall.

L-UPPE ser ikollu l-awtorità, taħt ċerti kondizzjonijiet, li jinvestiga u jmexxi l-prosekuzzjoni b'rabta mal-frodi fil-konfront tal-UE u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Hu ser jgħaqqad l-isforzi marbutin mal-infurzar tal-liġi fuq livell nazzjonali u dawk Ewropej fil-ġlieda kontra l-frodi fil-konfront tal-UE.

L-uffiċċju ċentrali tal-UPPE ser ikun ibbażat fil-Lussemburgu. Id-data li fiha l-UPPE ser jassumi l-kompiti investigattivi u ta’ prosekuzzjoni tiegħu ser tiġi stabbilita mill-Kummissjoni abbażi ta’ proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew ladarba l-UPPE jkun twaqqaf. Din id-data mhix ser tkun qabel tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Il-funzjonament tal-UPPE

L-UPPE ser jaħdem bħala struttura kolleġġjali komposta minn żewġ livelli. Il-livell ċentrali ser jikkonsisti minn kap prosekutur Ewropew, li ser ikollu r-responsabbiltà ġenerali tal-uffiċċju. Il-livell deċentralizzat ser ikun magħmul minn prosekuturi delegati Ewropej li jkunu jinsabu fl-istati membri, li ser ikunu qed jieħdu ħsieb it-tmexxija ta’ kuljum ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali f'konformità mar-regoli u l-leġislazzjoni ta’ dak l-istat membru.

Il-livell ċentrali ser jimmonitorja, jidderieġi u jissorvelja l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kollha li jsiru mill-Prosekuturi Delegati Ewropej, biex b’hekk tiġi żgurata politika ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni konsistenti madwar l-Ewropa.

Għalkemm il-kompetenza tiegħu hi limitata għall-istati membri parteċipanti, l-UPPE ser jikkoopera mal-istati membri l-oħrajn tal-UE li mhumiex parteċipanti. F’dan ir-rigward, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar it-tressiq ta’ proposti xierqa biex tiġi żgurata l-effettività ta’ din il-kooperazzjoni ġudizzjarja.

Kooperazzjoni msaħħa

Il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa tnediet fit-3 ta’ April 2017 wara li ġie rreġistrat nuqqas ta’ qbil unanimu dwar il-proposta.

S’issa, 18-il stat membru ngħaqdu mal-kooperazzjoni msaħħa: il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

Barra minn hekk, żewġ stati membri oħra, jiġifieri l-Italja u l-Awstrija, esprimew l-intenzjoni tagħhom li jissieħbu fil-kooperazzjoni msaħħa.

Stati membri oħra jistgħu jingħaqdu mal-kooperazzjoni fi kwalunkwe ħin.

Kuntest

L-Unjoni u l-istati membri tagħha kultant jiffaċċaw każijiet kumplessi, pereżempju każijiet ta’ frodi b'rabta mal-fondi strutturali tal-UE jew frodi transfruntiera tal-VAT fuq skala kbira. F’dawn il-każijiet, l-investigaturi u l-prosekuturi kriminali nazzjonali spiss ma jkollhomx l-għodod meħtieġa biex jaġixxu malajr u b’mod effiċjenti b'mod transfruntier.

L-UPPE ser jindirizza dawn in-nuqqasijiet u jsaħħaħ il-ġlieda kontra reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għal baġit tal-Unjoni aktar b'saħħtu u protett aħjar.

L-UPPE ser jikkomplementa l-ħidma tal-OLAF u tal-Eurojust, li mhumiex mgħammra biex jinvestigaw jew iwettqu prosekuzzjoni ta’ każijiet kriminali individwali.

Il-passi li jmiss

Qabel l-adozzjoni finali tar-regolament dwar l-UPPE, jenħtieġ li tintalab l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Huwa mistenni li dan jista’ jseħħ qabel il-waqfa tas-sajf, li jippermetti l-adozzjoni finali tat-test f’Ottubru.

Skont il-"proċedura ta' approvazzjoni" il-Parlament Ewropew għandu s-setgħa li jaċċetta jew jirrifjuta proposta leġislattiva b'maġġoranza assoluta ta' voti, iżda ma jistax jemendaha.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024