Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 17 ta' Lulju 2017 19:50

Konvenzjoni ta' Aarhus: il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tal-UE għal-laqgħa li jmiss tal-partijiet

Fis-17 ta' Lulju 2017, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus (MoP-6) fir-rigward tal-każ li tressaq quddiem il-Kumitat ta' Konformità tal-Konvenzjoni kontra l-UE.

F'dan il-każ ta' konformità, il-Kumitat iqis li l-UE qed tikser ir-regoli tal-Konvenzjoni billi ma tagħtix biżżejjed aċċess għall-ġustizzja lill-organizzazzjonijiet ambjentali u lill-membri tal-pubbliku. Is-sejbiet huma deskritti f'abbozz ta' deċiżjoni ta' Aarhus, li ser jitressaq għall-kunsiderazzjoni mill-partijiet għall-Konvenzjoni fl-MoP-6.

B'mod speċifiku, il-Kumitat huwa tal-fehma li la r-regolament 1367/2006 tal-UE u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jimplimentaw jew jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti taħt il-Konvenzjoni.

Fid-deċiżjoni tal-Kunsill, l-UE - b'unanimità tal-istati membri kollha tagħha - taċċetta l-abbozz ta' deċiżjoni ta' Aarhus, bil-kondizzjoni li jsiru xi emendi sabiex jiġi ċċarat fost l-oħrajn li l-Laqgħa tal-Partijiet ma tkunx beħsiebha tirrikjedi lill-UE tinterferixxi fl-indipendenza tal-ġudikatura tagħha.

L-UE u l-istati membri tagħha jtennu l-impenn sħiħ tagħhom lejn il-prinċipji u l-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, kif ukoll ir-rispett sħiħ tagħhom għall-mekkaniżmu ta' konformità tagħha.

Il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni fil-minuti tal-Kunsill.

Fl-MoP-6 li jmiss li għandha ssir f'Budva (il-Montenegro) fil-11-15 ta' Settembru 2017, l-UE ser tippreżenta l-pożizzjoni tagħha bħala aċċettazzjoni kondizzjonali tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' Aarhus u tinsab lesta li taħdem b'mod kostruttiv u pożittiv mal-Kumitat ta' Konformità tal-Konvenzjoni u partijiet oħrajn fil-laqgħa. Fil-każ li jittieħed vot, l-UE ser tivvota għat-28 stat membru b'mod kollettiv f'dan ir-rigward.

Il-passi li jmiss

Din id-deċiżjoni tal-Kunsill tidħol fis-seħħ immedjatament wara l-adozzjoni tagħha u ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE mill-aktar fis possibbli.

Il-Kunsill issa ser jikkomunika din id-deċiżjoni lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fil-kuntest tat-tħejjijiet li għaddejjin għall-MoP-6.

Sfond

Il-Konvenzjoni ta' Aarhus hija ftehim multilaterali bil-għan li jiġu garantiti d-drittijiet pubbliċi għall-aċċess għall-informazzjoni, l-aċċess għall-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Flimkien mal-Protokoll dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti, il-Konvenzjoni hija waħda miż-żewġ strumenti internazzjonali legalment vinkolanti li jdaħħlu fis-seħħ u jimplimentaw il-prinċipju 10 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp.

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-2001 u għandha 47 parti mill-Ewropa u l-Asja Ċentrali. Dawn jinkludu t-28 stat membru tal-UE u l-UE, li approvata fis-17 ta' Frar 2005. Fil-livell tal-UE, l-obbligi tal-Konvenzjoni huma implimentati permezz tar-regolament 1367/2006, magħruf bħala r-regolament ta' Aarhus.

Fl-2008, l-organizzazzjoni mhux governattiva Client Earth ressqet każ quddiem il-Kumitat ta' Konformità tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-konformità insuffiċjenti tal-UE mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni. Wara diskussjonijiet twal, il-Kumitat ippreżenta s-sejbiet tiegħu lill-UE fis-17 ta' Marzu 2017.

Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal din id-deċiżjoni tal-Kunsill fid-29 ta' Ġunju 2017, fejn ipproponiet vot negattiv dwar l-approvazzjoni tas-sejbiet ta' dan il-każ ta' konformità. Il-Kunsill iddeċieda b'mod unanimu li jemenda din il-proposta.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024