- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 18 ta' Diċembru 2020 18:20
Il-Kunsill japprova l-istrateġija tal-UE dwar id-drogi għall-2021-2025
Illum il-Kunsill approva l-istrateġija tal-UE li tistabbilixxi l-qafas politiku u l-prijoritajiet għall-politika tal-UE dwar id-drogi fil-perjodu 2021-2025. L-istrateġija għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta' promozzjoni tas-saħħa, stabbiltà soċjali u sigurtà kif ukoll tikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni. Abbażi ta' din l-istrateġija, il-Kunsill ser iħejji pjan ta' azzjoni li ser jistabbilixxi miżuri konkreti biex jinkisbu dawn il-prijoritajiet.
B'din l-istrateġija, l-UE u l-istati membri tagħha jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal approċċ li huwa bbażat fuq l-evidenza, komprensiv u bbilanċjat bejn it-tnaqqis tad-domanda u l-provvista tad-drogi, bil-preservazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tiegħu. Fl-istess ħin, din l-istrateġija tuża t-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19 fil-qasam tad-drogi u tieħu approċċ orjentat lejn il-futur, li jippromwovi r-riċerka, l-innovazzjoni u l-prospettiva biex twieġeb b'mod aktar effettiv għall-isfidi li qed jiżdiedu u tantiċipahom.
Il-fenomenu tad-droga jaffettwa l-komunitajiet tagħna b'ħafna modi differenti, mis-saħħa u r-relazzjonijiet familjari u soċjali, għall-vjolenza u l-ħasil tal-flus. Dan huwa fenomenu li jinsab fid-dinja kollha u li l-ebda pajjiż ma jista' jindirizza waħdu. L-istrateġija tal-UE għall-2021-2025 tipprovdilna l-għodod biex nindirizzawh fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, flimkien mas-sħab internazzjonali tagħna. Din ser tippermettilna wkoll inkunu aktar proattivi biex nadattaw ir-rispons tagħna għall-bidliet fil-mod kif joperaw il-kriminali jew l-iżvilupp ta' sustanzi u xejriet ġodda. Daniela Ludwig, Kummissarju Federali Ġermaniż għad-Drogi
Fir-rigward tat-tnaqqis fil-provvista tad-drogi/it-tisħiħ tas-sigurtà, l-istrateġija timmira lejn l-aspetti kollha tas-suq tad-drogi illeċiti, u tinkludi l-prevenzjoni, id-dissważjoni u t-tfixkil tal-kriminalità relatata mad-drogi, b'mod partikolari l-kriminalità organizzata, permezz tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi, l-intelligence, l-interdizzjoni u l-konfiska ta' assi kriminali, l-investigazzjonijiet u l-ġestjoni tal-fruntieri. Dan il-qasam ta' prijorità kompla jissaħħaħ meta mqabbel mal-istrateġija għall-2013-2020, biex iwieġeb għall-iżviluppi ta' sfida fis-swieq Ewropej tad-drogi. Dawn huma kkaratterizzati minn disponibbiltà għolja ta' diversi tipi ta' drogi, sekwestri dejjem akbar, żieda fl-użu tal-vjolenza u profitti enormi, kif ukoll l-użu ta' pjattaformi tal-media soċjali, applikazzjonijiet u l-internet u d-darknet għat-traffikar tad-droga. Dawn il-karatteristiċi ma battewx matul il-kriżi tal-COVID-19, anzi komplew jikbru.
Il-qasam ta' politika tat-tnaqqis tad-domanda għad-drogi jikkonsisti f'firxa ta' miżuri ta' rinfurzar reċiproku li jinkludu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-intervent bikrija, il-konsulenza, it-trattament, ir-riabilitazzjoni, ir-riintegrazzjoni soċjali u l-irkupru. Din l-azzjoni jeħtieġ li tkun adatta għall-kuntest soċjali lokali u għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni fil-mira, tkun infurmata b'evidenza xjentifika, u tkun sikura u effettiva. Din jeħtieġ li tiġi żviluppata permezz tal-kollaborazzjoni mill-qrib ta' numru ta' servizzi tas-saħħa u ta' appoġġ soċjali. Il-kriżi tal-COVID-19 kixfet ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità ta' dawn l-azzjonijiet.
Żdied kapitolu ġdid iddedikat dwar l-indirizzar tal-ħsara relatata mad-droga. Din it-taqsima tinkludi miżuri u politiki biex jiġu evitati jew jitnaqqsu r-riskji u l-ħsara soċjali u għas-saħħa possibbli għal dawk li jieħdu d-droga, għas-soċjetà u f'ambjenti ta' ħabs. Din tkopri aspetti bħat-tnaqqis tal-prevalenza u l-inċidenza ta' mard infettiv relatat mad-drogi, il-prevenzjoni ta' dożi eċċessivi u mwiet relatati mad-drogi u l-provvista ta' alternattivi għal sanzjonijiet koerċittivi.
L-istrateġija tidentifika wkoll tliet temi trażversali b'appoġġ għall-oqsma ta' politika:
- il-kooperazzjoni internazzjonali: jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala medjatur globali għal politika dwar id-drogi ffukata fuq il-persuni u orjentata lejn id-drittijiet tal-bniedem permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, reġjuni u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li jissaħħaħ l-impenn għal politiki dwar id-drogi orjentati lejn l-iżvilupp u miżuri ta' żvilupp alternattivi.
- ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-prospettiva: l-UE u l-istati membri jiġu pprovduti bil-kapaċitajiet komprensivi neċessarji ta' riċerka u prospettiva biex jindirizzaw l-isfidi relatati mad-droga b'mod aktar rapidu u proattiv, li jżid it-tħejjija biex iwieġbu għal sfidi futuri.
- il-koordinazzjoni, il-governanza u l-implimentazzjoni: tiġi żgurata l-implimentazzjoni ottimali tal-istrateġija, inkluż permezz tal-azzjoni ewlenija taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u tal-Europol, bl-involviment tas-soċjetà ċivili u bil-provvista ta' riżorsi adegwati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex din tinkiseb.
Kuntest
L-istrateġija tal-UE dwar id-drogi 2013-2020 u ż-żewġ pjanijiet ta' azzjoni approvati fuq dik il-bażi pprovdew il-prijoritajiet għall-politika tal-UE dwar id-drogi matul dawn l-aħħar snin. F'Lulju 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat evalwazzjoni ta' din l-istrateġija u aġenda tal-UE dwar id-drogi għall-2021-2025. Abbażi ta' dan, il-korpi tal-Kunsill elaboraw l-istrateġija tal-UE dwar id-drogi 2021-2025.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Frar 2025