"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku: il-Kunsill jilħaq qbil
Illum il-Kunsill laħaq qbil (approċċ ġenerali) dwar proposta biex jiġi emendat id-disinn tas-suq tal-elettriku (EMD) tal-UE. Dan ser jippermetti lill-presidenza tal-Kunsill tibda negozjati mal-Parlament Ewropew biex jintlaħaq qbil finali.
Inħossni kburija ngħid li llum għamilna pass strateġiku lejn il-futur tal-UE. Wasalna għal qbil li sa ftit snin ilu lanqas biss konna nimmaġinawh. Bis-saħħa ta' dan il-qbil, il-konsumaturi madwar l-UE ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn aktar stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, anqas dipendenza fuq il-fjuwils fossili u protezzjoni aħjar minn kriżijiet fil-futur. Ser inħaffu wkoll l-użu tas-sorsi rinnovabbli, sors ta' enerġija orħos u aktar nadifa għaċ-ċittadini tagħna.
Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi president tal-gvern ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Ir-riforma għandha l-għan li tagħmel il-prezzijiet tal-elettriku inqas dipendenti fuq il-prezzijiet volatili tal-fjuwils fossili, tipproteġi lill-konsumaturi minn żidiet qawwija fil-prezzijiet, taċċellera l-użu tal-enerġiji rinnovabbli u ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur.
Il-proposta hija parti minn riforma usa' tad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE li tinkludi wkoll regolament iffukat fuq it-titjib tal-protezzjoni tal-Unjoni kontra l-manipulazzjoni tas-suq permezz ta' monitoraġġ u trasparenza aħjar (REMIT). Intlaħaq qbil rigward approċċ ġenerali dwar ir-REMIT matul il-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (enerġija) fid-19 ta' Ġunju 2023.
Swieq tal-elettriku fit-tul
Ir-riforma għandha l-għan li tistabbilizza s-swieq tal-elettriku fit-tul billi ssaħħaħ is-suq għal ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs), li tiġġeneralizza kuntratti bidirezzjonali għad-differenza (CfDs) u li ttejjeb il-likwidità tal-"forward market".
Il-Kunsill qabel li l-istati membri jippromwovu l-adozzjoni ta' ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija, billi jneħħu ostakli mhux ġustifikati u proċeduri jew imposti sproporzjonati jew diskriminatorji. Il-miżuri jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħra, skemi ta' garanzija bi prezzijiet tas-suq sostnuti mill-istat, garanziji privati u faċilitazzjonijiet li jiġbru flimkien id-domanda għall-PPAs.
Il-Kunsill qabel li l-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza (kuntratti fit-tul konklużi minn entitajiet pubbliċi biex jappoġġaw l-investimenti, li jżidu l-prezz tas-suq meta jkun baxx u jitolbu lill-ġeneratur iħallas ammont lura meta l-prezz tas-suq ikun ogħla minn ċertu limitu, sabiex jipprevjenu profitti eċċessivi mhux mistennija) ikunu l-mudell obbligatorju li jintuża meta jkun involut finanzjament pubbliku f'kuntratti fit-tul, b'xi eċċezzjonijiet.
Il-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza japplikaw għal investimenti f'faċilitajiet ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażati fuq l-enerġija mir-riħ, l-enerġija solari, l-enerġija ġeotermali, l-enerġija idroelettrika mingħajr riżerva u l-enerġija nukleari. Dan jipprovdi prevedibbiltà u ċertezza.
Ir-regoli għas-CfDs bidirezzjonali jkunu japplikaw biss wara perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin (ħames snin għal proġetti ta' assi ibridi offshore konnessi ma' żewġ żoni tal-offerti jew aktar) wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament, sabiex tinżamm iċ-ċertezza legali għall-proġetti li għaddejjin.
Il-Kunsill żied il-flessibbiltà fil-mod kif id-dħul iġġenerat mill-istat permezz tas-CfDs bidirezzjonali jiġi ridistribwit. Id-dħul jiġi ridistribwit lill-klijenti finali u jistgħu jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw il-kostijiet tal-iskemi tal-appoġġ dirett tal-prezzijiet jew l-investimenti biex jonqsu l-ispejjeż tal-elettriku għall-klijenti finali.
Mekkaniżmu ta' kapaċità
Il-mekkaniżmi ta' kapaċità huma miżuri ta' appoġġ li l-istati membri jistgħu jintroduċu bħala rimunerazzjoni għall-impjanti tal-enerġija sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fuq medda ta' żmien medja u twila. Il-Kunsill qabel li jneħħi n-natura temporanja ta' dawn il-miżuri.
Il-Kunsill introduċa deroga mir-rekwiżiti eżistenti rigward il-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-ġeneraturi biex jirċievu appoġġ mill-mekkaniżmi ta' kapaċità, taħt kundizzjonijiet stretti u sal-31 ta' Diċembru 2028.
L-istati membri qablu wkoll li l-proċeduri tal-approvazzjoni għall-mekkaniżmi ta' kapaċità jeħtieġ li jiġu ssimplifikati. Il-Kunsill ippropona bidliet li jiffukaw fuq is-simplifikazzjoni tal-proċedura fil-qafas attwali tal-mekkaniżmu ta' kapaċità. Talab ukoll lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dettaljat li jivvaluta modi ulterjuri possibbli ta' simplifikazzjoni tal-proċess ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta' kapaċità. Ir-rapport ikun segwit minn proposti biex il-proċess jiġi ssimplifikat tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament.
Protezzjoni tal-konsumatur
Il-Kunsill introduċa kjarifiki għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Huwa qabel li l-protezzjoni tal-konsumatur tissaħħaħ billi tiġi stabbilita għażla libera ta' fornitur u l-possibbiltà ta' aċċess kemm għal prezzijiet dinamiċi tal-elettriku, kuntratti b'terminu fiss kif ukoll kuntratti bi prezz fiss, għajr jekk il-fornituri ma joffrux kuntratti fissi, u dment li dan ma jnaqqasx id-disponibbiltà ġenerali ta' kuntratti fissi.
Il-Kunsill qabel dwar regoli aktar stretti minn qabel għall-fornituri fl-istrateġiji tagħhom għall-iħħeġġjar tal-prezzijiet biex iħarsu lill-klijenti minn varjazzjonijiet fis-swieq bl-ingrossa. Huwa qabel li l-klijenti vulnerabbli jkunu protetti minn qtugħ tal-provvista billi jiġu stabbiliti sistemi ta' "fornitur tal-aħħar istanza" li jiżguraw il-kontinwità tal-provvista tal-inqas għall-klijenti domestiċi, jekk ma jeżistux diġà sistemi bħal dawn.
Ġie maqbul ukoll li l-klijenti kollha jkollhom id-dritt għal skemi ta' kondiviżjoni tal-enerġija (użu, qsim u ħżin ta' enerġija awtoġenerata) u li d-drittijiet kollha tal-konsumatur jiġu estiżi għall-klijenti finali involuti fi skemi ta' kondiviżjoni tal-enerġija.
Prezzijiet aċċessibbli tal-enerġija matul kriżi
Bir-regoli attwali, l-istati membri jistgħu japplikaw prezzijiet regolati tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi foqra u vulnerabbli, u bħala miżura tranżizzjonali għall-unitajiet domestiċi u l-mikrointrapriżi kemm jekk ikun hemm kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku kif ukoll jekk le. Ir-riforma żżid opzjoni temporanja li jiġu applikati prezzijiet regolati, saħansitra inqas mill-kost, għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fi żminijiet ta' kriżi.
L-istati membri saħħew ir-rwol tal-Kunsill fid-dikjarazzjoni ta' kriżi temporanja reġjonali jew kriżi fl-Unjoni kollha b'rabta mal-prezzijiet tal-elettriku. Emendaw ukoll il-kundizzjonijiet għad-dikjarazzjoni ta' kriżi tal-prezzijiet tal-elettriku sabiex il-kriżi tiġi ddikjarata meta prezzijiet medji għoljin ħafna tal-elettriku bl-ingrossa jkunu mistennija jdumu mhux inqas minn sitt xhur, u żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku bl-imnut ikunu mistennija jkomplu għal mill-inqas tlett xhur.
Il-Kunsill qabel li l-istati membri jistgħu japplikaw limitu massimu fuq id-dħul eċċessiv mis-suq mill-elettriku prodott minn ġeneraturi bi spejjeż marġinali aktar baxxi bħal sorsi ta' enerġija rinnovabbli, nukleari u linjite ("ġeneraturi inframarġinali") sat-30 ta' Ġunju 2024, soġġett għall-istess kundizzjonijiet bħall-miżura ta' emerġenza dwar id-dħul inframarġinali adottata fis-6 ta' Ottubru 2022.
Il-passi li jmiss
L-approċċ ġenerali ser iservi bħala mandat għan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni. L-eżitu tan-negozjati ser ikollu jiġi adottat formalment mill-Kunsill u mill-Parlament.
Informazzjoni ġenerali
Ir-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tipproponi li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-suq tal-elettriku u li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-Unjoni kontra l-manipulazzjoni tas-suq permezz ta' titjib fil-monitoraġġ u t-trasparenza (REMIT).
Il-Kummissjoni adottat il-proposti dwar ir-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-UE fl-14 ta' Marzu 2023.