"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta għar-rieżami tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS1), ippreżentata mill-Kummissjoni fis-17 ta' Lulju 2026 biex jissaħħu l-ambizzjoni klimatika u d-dekarbonizzazzjoni kosteffettiva, filwaqt li tiġi appoġġata l-kompetittività industrijali. Is-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet hija l-ewwel u l-akbar suq tal-karbonju fid-dinja. Tirrikjedi li l-kumpaniji jħallsu għall-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra, sabiex tinkoraġġixxi tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u tiffinanzja t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Ir-rieżami propost għandu l-għan li jaġġusta s-suq tal-karbonju għall-mira tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet b'90% sal-2040.
Irridu niżguraw li s-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tkun adattata għall-10 snin li ġejjin. L-għan tagħna huwa li nallinjaw is-suq tal-karbonju tagħna mal-ambizzjoni klimatika tagħna b'mod li jwassal ukoll għall-kompetittività industrijali. Il-presidenza Irlandiża qed tiffoka biex sa Diċembru tilħaq qbil sabiex jitwettaq impenn ewlieni tal-pjan direzzjonali "Ewropa Waħda, Suq Wieħed".
Darragh O'Brien, Ministru għall-Klima, l-Enerġija u l-Ambjent tal-Irlanda
Matul is-sessjoni, il-ministri ddiskutew il-livell ta' ambizzjoni tar-rieżami tal-ETS, jiġifieri t-trajettorja ta' wara l-2030 għal-limitu massimu annwali tal-emissjonijiet u l-użu ta' krediti internazzjonali tal-karbonju u assorbimenti permanenti domestiċi tal-karbonju. Huma vvalutaw ukoll il-mekkaniżmi ta' finanzjament proposti u esprimew il-fehmiet tagħhom dwar l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti fis-sistema u l-ħtieġa li jiġi indirizzat ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Diversi ministri esprimew il-prijoritajiet tagħhom fir-rigward tal-estensjoni tal-ambitu tas-sistema għas-settur tal-avjazzjoni, dak marittimu u dak tal-iskart.
Id-dibattitu ta' orjentazzjoni pprovda gwida għall-ħidma li għaddejja fil-korpi preparatorji tal-Kunsill. Ir-rieżami tal-ETS huwa inkluż fil-pjan direzzjonali "Ewropa Waħda, Suq Wieħed".
Tibdil fil-klima: x'qed tagħmel l-UE (informazzjoni ġenerali)
COP31 dwar it-tibdil fil-klima
Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar it-tħejjijiet għall-COP31, il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima, li ser issir mid-9 sal-20 ta' Novembru 2026 f'Antalya (it-Turkija) bil-presidenza konġunta tat-Turkija u l-Awstralja. Il-konklużjonijiet jistabbilixxu l-pożizzjoni ta' negozjar u l-objettivi strateġiċi tal-UE għall-avveniment.
Fil-COP31, l-UE ser tiffoka fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u ser tappella għal azzjoni rapida u bbażata fuq ix-xjenza biex tiġi evitata kull frazzjoni addizzjonali ta' grad ta' tisħin u nerġgħu lura għal trajettorja ta' 1.5 C. Filwaqt li żammew mal-prinċipju tal-multilateraliżmu, il-ministri rrikonoxxew ir-rwol ċentrali tal-qafas u l-proċessi tan-Nazzjonijiet Uniti relatati mat-tibdil fil-klima, filwaqt li enfasizzaw l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-istati membri kollha tal-UE fil-COP31 u affermaw mill-ġdid il-prinċipju tas-solidarjetà bejniethom.
Ftehimiet internazzjonali u r-rwol tal-Kunsill (informazzjoni ġenerali)
COP17 dwar il-bijodiversità
Il-ministri approvaw konklużjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE qabel il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bijodiversità (COP17) tal-2026, li ser issir mid-19 sat-30 ta' Ottubru f'Yerevan (l-Armenja).
Il-konferenza li jmiss tal-partijiet – li ssir kull sentejn – ser timmarka l-ewwel rieżami globali tal-implimentazzjoni tal-qafas globali tal-bijodiversità ta' Kunming-Montreal u t-twettiq tat-23 mira tiegħu bl-għan li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, fosthom wegħda li jiġu protetti mill-inqas 30% taż-żoni fuq l-art u fuq il-baħar sal-2030. Fil-COP17, l-UE ser tappella għal azzjonijiet aċċellerati fil-politiki u s-setturi kollha biex jintlaħqu dawn il-miri.
Il-Kunsill jissottolinja t-theddida globali kontinwa mit-telf tal-bijodiversità u jinsab allarmat ħafna dwar il-gravità u l-urġenza li jirriżultaw mill-kriżijiet dinjija interkonnessi tat-telf tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis, u d-degradazzjoni tal-ekosistemi fuq l-art u fl-ilma ħelu u l-oċeani.
F'era fejn jiġu ttestjati kemm il-multilateraliżmu kif ukoll il-protezzjoni tan-natura, l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ li tikseb eżiti pożittivi għall-bijodiversità fil-COP17. Ma jistax jitbaxxa l-livell ta' ambizzjoni li ntlaħaq qbil dwaru fil-qafas globali tal-bijodiversità. Ser nappellaw għall-aċċellerazzjoni tal-azzjoni globali u enfasi mġedda biex l-isforzi jiġu integrati fl-ekonomija u s-soċjetà kollha.
Christopher O'Sullivan, Ministru tal-Istat fid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni, il-Gvern Lokali u l-Wirt b'responsabbiltà speċjali għan-Natura, il-Wirt u l-Bijodiversità tal-Irlanda
Direttivi dwar l-għasafar u l-ħabitats: ikla informali ta' nofsinhar
Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom diskussjoni informali dwar id-direttivi dwar l-għasafar u l-ħabitats. Huma ffukaw fuq l-isfida doppja li jiġu żgurati standards xierqa għall-protezzjoni tan-natura u l-ħtieġa li titħaffef is-simplifikazzjoni u tingħata spinta lill-kompetittività.
Protezzjoni tan-natura (informazzjoni ġenerali)
Affarijiet oħra
F'seduta pubblika, flimkien mal-Kummissjoni, il-presidenza Irlandiża rrappurtat dwar is-17-il sessjoni tal-konferenza tal-partijiet għall-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni (UNCCD COP17). Din saret fil-Mongolja mis-17 sat-28 ta' Awwissu 2026 u kienet l-ewwel COP tat-tliet konvenzjonijiet ta' Rio li saru din is-sena.
F'seduta pubblika, il-presidenza Irlandiża u l-Kummissjoni aġġornaw lill-Kunsill dwar l-eżiti tas-70 Laqgħa tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni, li saret fl-Awstralja bejn is-27 ta' Settembru u t-2 ta' Ottubru 2026.
L-Awstrija, appoġġata miċ-Ċekja u l-Estonja, qajmet punt pubbliku dwar il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata r-responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) għall-produtturi ż-żgħar u s-suq intern skont ir-regolament dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ.
Il-Litwanja, appoġġata mill-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja u l-Polonja, appellat pubblikament biex il-Konvenzjoni ta' Espoo tiġi allinjata mal-prijoritajiet tal-prontezza tad-difiża tal-Ewropa.
Il-Polonja, appoġġata mill-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja u s-Slovakkja, ipprovdiet informazzjoni dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) skont id-direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (UWWTD) u l-applikazzjoni ġusta tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas".
F'seduta pubblika, il-Belġju pprovda informazzjoni dwar il-ħtieġa ta' standards Ewropej uniformi bbażati fuq is-saħħa għall-metaboliti fl-ilma tax-xorb.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.