"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Ftehimiet internazzjonali u r-rwol tal-Kunsill

Tgħallem dwar ir-rwol ċentrali li għandu l-Kunsill fil-ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi, reġjuni u organizzazzjonijiet internazzjonali mhux tal-UE, u għaliex u kif l-UE tikkonkludi dawn il-ftehimiet.

X'jagħmel il-Kunsill fil-ftehimiet internazzjonali

Il-Kunsill tal-UE għandu rwol ċentrali fin-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet. Huwa involut fl-istadji kollha tal-proċedura, mill-għoti tal-mandat għan-negozjati lin-negozjatur (normalment il-Kummissjoni), sal-awtorizzazzjoni tal-iffirmar tal-ftehim u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar il-kunsens tal-UE li tintrabat bih.

Fil-biċċa l-kbira, il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu relatati ma' ftehimiet internazzjonali permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata. Madankollu, jivvota b'unanimità f'oqsma fejn tkun meħtieġa l-unanimità għal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħat-tassazzjoni, u għal kategoriji speċifiċi ta' ftehimiet, bħal ftehimiet ta' assoċjazzjoni.

Ir-rwoli tal-istituzzjonijiet tal-UE fin-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali u l-passi proċedurali huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Ħafna korpi preparatorji tal-Kunsill jikkontribwixxu għat-tħejjija, in-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, inkluż il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali u l-gruppi ta' ħidma li jiffukaw fuq oqsma ġeografiċi jew ta' politika speċifiċi.

Għaliex l-UE tinvolvi ruħha fi ftehimiet internazzjonali

Il-ftehimiet internazzjonali huma kruċjali għall-UE peress li javvanzaw l-objettivi ta' politika tagħha, jippromwovu l-interessi ekonomiċi tagħha u jsaħħu l-influwenza globali tagħha billi jiddefendu l-valuri tagħha fix-xena dinjija.

Huma jistgħu jkopru oqsma wesgħin, bħall-kummerċ, il-kooperazzjoni u l-iżvilupp, jew jittrattaw oqsma speċifiċi ta' politika bħas-sajd, id-dwana, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija.

Il-ftehimiet internazzjonali jrawmu l-kooperazzjoni dinjijau huma għodda essenzjali għaż-żamma tal-istabbiltà, il-predittività, is-sigurtà u l-ekwità mad-dinja kollha. Dawn jgħinu jippreservaw ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli peress li jistabbilixxu regoli u standards komuni.

Billi jaġixxu bħala entità waħda fl-Unjoni Ewropea, l-istati membri tal-UE jibbenefikaw minn aktar setgħa ta' negozjar meta jagħmlu ftehimiet ma' partijiet terzi.

Tipi ta' ftehimiet internazzjonali

L-UE nnegozjat u kkonkludiet aktar minn 1000 ftehim internazzjonali ma' pajjiż jew pajjiżi mhux fl-UE, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħad-WTO jew in-NU.

L-aktar tipi komuni ta' ftehimiet konklużi mill-UE jinkludu:

  • ftehimiet ta' assoċjazzjoni
  • ftehimiet ta' kummerċ ħieles
  • ftehimiet ta' sħubija ekonomika
  • ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni

L-UE tista' tikkonkludi ftehimiet internazzjonali, dment li l-konklużjoni tal-ftehim tkun:

  • prevista fit-trattati
  • meħtieġa biex jinkiseb wieħed mill-objettivi ta' politika tal-UE msemmija fit-trattati
  • prevista f'att tal-UE legalment vinkolanti
  • li x'aktarx taffettwa r-regoli komuni jew tibdel il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom

Il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE, bħala persuna ġuridika, jorbtu lill-istituzzjonijiet u l-istati membri tagħha.

Dawn huma parti integrali mid-dritt tal-UE u jaqgħu f'kategorija għalihom, peress li huma separati mil-leġiżlazzjoni primarja (trattati tal-UE) u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (regolamenti u direttivi). Is-saħħa legali tagħhom hija superjuri għal dik ta' leġiżlazzjoni sekondarja, li għalhekk trid tkun konformi magħhom.

Sospensjoni ta' ftehimiet internazzjonali

Abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni biex jissospendi parzjalment jew kompletament l-applikazzjoni ta' ftehim internazzjonali jew biex itemm ftehim fid-dawl ta' sitwazzjoni partikolari.

Xi eżempji jinkludu:

  • is-sospensjoni tal-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża mar-Russja b'reazzjoni għall-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna (2022)
  • is-sospensjoni tal-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża mal-Belarussja b'reazzjoni għall-attakki ibridi mnedija mir-reġim ta' Lukashenka (2021)
  • is-sospensjoni parzjali tal-ftehim ta' kooperazzjoni mas-Sirja b'reazzjoni għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim Sirjan (2011)
  • is-sospensjoni ta' partijiet mill-ftehim ta' Cotonou maż-Żimbabwe minħabba tħassib li għadu għaddej dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (2010)

Ara wkoll

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Frar 2026