Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 10-11/03/2016, 10 u 11 ta' Marzu 2016

Riżultati ewlenin

Affarijiet Interni

Il‑Kunsill laqa' l‑eżitu tal‑Kunsill Ewropew dwar il‑kooperazzjoni bejn l‑UE u t‑Turkija. Hija tgħin trażżan l‑influss ta' migrazzjoni u tevita li persuni jafdaw ħajjithom f'idejn traffikanti bla skrupli. Meta jintlaħaq ftehim, il‑ministri għall‑migrazzjoni ser jaqdu rwol importanti fl‑implimentazzjoni ta' dawn il‑miżuri. Ninsabu lesti biex nagħmlu dan. Klaas Dijkhoff, Ministru għall‑Immigrazzjoni tan‑Netherlands

Migrazzjoni

Il‑ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is‑sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni u l‑implimentazzjoni tad‑dikjarazzjoni maqbula fil‑laqgħa tal‑Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal‑UE tas‑7 ta' Marzu, wara l‑laqgħa tagħhom mal‑Prim Ministru Tork.

Il‑ministri eżaminaw b'mod partikolari s‑sitwazzjoni attwali tal‑implimentazzjoni tal‑miżuri li ttieħdu diġà biex jitwaqqfu malajr il‑flussi, jiġu protetti l‑fruntieri esterni tal‑UE, titnaqqas il‑migrazzjoni illegali, titħares l‑integrità taż‑żona Schengen u jitnaqqsu l‑konsegwenzi umanitarji negattivi tas‑sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni.

Gwardja Ewropea tal‑fruntiera u tal‑kosta 

Il‑ministri evalwaw il‑ħidma fuq il‑proposta għal gwardja Ewropea tal‑fruntiera u tal‑kosta. L‑aġenzija proposta għandha tiġbor flimkien ir‑riżorsi mill‑Frontex u l‑istati membri sabiex tissorvelja l‑flussi migratorji, tidentifika punti dgħajfa u tirreaġixxi f’sitwazzjonijiet meta l‑fruntiera esterna tal‑UE tkun f'riskju.

L‑għan tal‑Presidenza huwa li tintlaħaq pożizzjoni tal‑Kunsill dwar it‑test kollu sal‑Kunsill ĠAI ta' April bil‑għan li jinkiseb qbil mal‑Parlament Ewropew sa Ġunju, kif mitlub mill‑Kunsill Ewropew.

Armi

Il‑Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il‑proposta għal direttiva dwar il‑kontroll tal‑akkwist u l‑pussess ta' armi li tirrieżamina u tikkompleta d‑direttiva attwali 91/477/KEE, b'kont meħud tal‑attakki terroristiċi reċenti.

Il‑ministri qablu dwar xi linji gwida għat‑tkomplija tal‑ħidma fil‑livell tekniku. L‑għan tal‑Presidenza huwa li tintlaħaq pożizzjoni fil‑Kunsill sa Ġunju.

Ard van der Steur, Ministru għall‑Ġustizzja tan‑Netherlands qal: "Kellna skambju ta' fehmiet sinċier u utli dwar il‑ħames suġġetti speċifiċi tal‑proposta tal‑Kummissarju biex tiġi emendata d‑Direttiva dwar l‑armi tan‑nar. L‑esperti ser ikomplu jaħdmu fuq il‑proposta bil‑għan li jintlaħaq approċċ ġenerali sa Ġunju li ġej”.

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Il‑ministri ddiskutew u ħadu nota ta' rapport imħejji mill-Koordinatur tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu dwar is-segwitu tal-implimentazzjoni tal-miżuri dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Ir‑rapport jagħti ħarsa ġenerali u rakkomandazzjonijiet utli dwar l‑oqsma fejn għadu meħtieġ aktar progress, bħall‑kondiviżjoni ta' informazzjoni u s‑sigurtà tal‑fruntieri.

Ġustizzja

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Il‑ministri għall‑ġustizzja adottaw il‑pożizzjoni ta' negozjar tal‑Kunsill dwar il‑proposta għal Direttiva dwar il‑ġlieda kontra t‑terroriżmu.

Id‑Direttiva proposta ssaħħaħ il‑qafas legali tal‑UE sabiex jitwaqqaf milli jseħħu attakki terroristiċi, b'mod partikolari billi tikkriminalizza atti ta' tħejjija bħal taħriġ u vjaġġi barra mill‑pajjiż għal skopijiet ta’ terroriżmu, u b'hekk tikkontribwixxi għall‑ġlieda kontra l‑fenomenu tal‑ġellieda barranin. Il‑proposta ssaħħaħ ukoll ir‑regoli dwar id‑drittijiet tal‑vittmi tat‑terroriżmu.  

Il‑presidenza ser tibda negozjati mal‑Parlament Ewropew hekk kif dan ikun adotta l‑pożizzjoni tiegħu.

Aħna nqisu s‑suq uniku diġitali bħala prijorità u għalhekk neħtieġu regoli kuntrattwali moderni għall‑era diġitali. Kemm il‑konsumaturi kif ukoll l‑imprendituri ser jibbenefikaw minn regoli ġodda Ewropej għall‑provvista ta' kontenut diġitali. Ard van der Steur, Ministru għas‑Sigurtà u l‑Ġustizzja tan‑Netherlands

Aġenda Diġitali

Il‑ministri evalwaw il‑ħidma li saret fil‑livell tekniku fuq il‑proposti ġodda għal Direttivi dwar id-dritt kuntrattwali: waħda dwar il‑provvista ta' kontenut diġitali u l‑oħra dwar il‑bejgħ online u bejgħ ieħor mill‑bogħod ta' prodotti.

Huma qablu dwar l‑importanza li jinħoloq ambjent modern u favorevoli għan‑negozju biex l-operaturi tas-suq jagħtu spinta lill-kummerċ elettroniku bejn il-fruntieri tal-UE, filwaqt li tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi u jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

Fuq is‑suġġeriment tal‑presidenza, il‑ministri ddeċidew li l‑ewwel jikkonċentraw ħidmithom fuq l‑eżami tal‑proposta dwar il‑provvista ta' kontenut diġitali b’kont meħud tal‑ħtieġa għal koerenza ġenerali bejn ir‑regoli dwar il‑bejgħ online u offline, u bejn il‑bejgħ ta' prodotti u l‑provvista ta' kontenut diġitali. 

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025