Skip to content

L-aħħar azzjonijiet ta' politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima

It-tranżizzjoni klimatika hija prijorità ewlenija għall-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-UE. It-tnedija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew f'Diċembru 2019 tat spinta ġdida lill-politika u l-azzjoni dwar il-klima fil-livell tal-UE.

Hawn taħt tingħata ħarsa ġenerali lejn l-aktar leġiżlazzjoni u inizjattivi ta' politika reċenti tal-UE relatati mal-klima.

Lesti għall-mira ta' 55%

L-UE qed taħdem fuq ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha relatata mal-klima, l-enerġija u t-trasport taħt l-hekk imsejjaħ pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" sabiex tallinja l-liġijiet attwali mal-għanijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050. Il-pakkett jinkludi, fost l-oħrajn:

  • ir-reviżjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS)
  • regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi
  • direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
  • regolament dwar l-użu tal-art u forestrija
  • regolament dwar l-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi u l-vannijiet

Liġi Ewropea dwar il-klima

Bħala wieħed mill-elementi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-liġi Ewropea dwar il-klima għandha l-objettiv li tistabbilixxi fil-leġiżlazzjoni l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-UE sal-2050. F'Diċembru 2020, il-ministri għall-ambjent tal-UE laħqu qbil rigward approċċ ġenerali dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal liġi Ewropea dwar il-klima, inkluż mira ġdida tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra netti ta' mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-1990, skont il-gwida mogħtija mill-Kunsill Ewropew fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2020.

color: inherit; F'April 2021, in-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku proviżorju dwar il-liġi Ewropea dwar il-klima. Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari f'Ġunju 2021, u temm il-proċedura ta' adozzjoni.

Il-liġi Ewropea dwar il-klima tistabbilixxi mira vinkolanti tal-UE dwar il-klima ta' tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b'mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-1990. L-UE ser timmira wkoll li tikseb volum ogħla ta' bir tal-karbonju nett sal-2030.

Ir-regolament jistabbilixxi Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima li ser jipprovdi pariri xjentifiċi u rappurtar indipendenti dwar il-miżuri klimatiċi tal-UE. Huwa ppreveda mira klimatika intermedja għall-2040 li għandha tiġi stabbilita fis-snin li ġejjin.

Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima

F'Ġunju 2021, il-ministri tal-UE għall-ambjent approvaw konklużjonijiet li japprovaw l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. L-istrateġija tiddeskrivi viżjoni fit-tul għall-UE biex issir soċjetà reżiljenti għall-klima li hija kompletament adattata għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima sal-2050.

Il-miżuri previsti fl-istrateġija huma:

  • ġbir u kondiviżjoni aħjar tad-data biex jitjieb l-aċċess għal u l-iskambju tal-għarfien dwar l-impatti klimatiċi
  • soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura biex jgħinu fil-bini tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u jipproteġu l-ekosistemi
  • integrazzjoni tal-adattament fil-politiki makrofiskali

Il-konklużjonijiet jagħtu gwida politika lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġija. Huma jipprovdu wkoll gwida għall-preżentazzjoni ta' komunikazzjoni dwar l-Adattament tal-UE qabel il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima (COP26).

F'April 2020, il-Kunsill adotta regolament ġdid biex jitnaqqas ir-riskju ta' nuqqas ta' ilma għat-tisqija tal-għelejjel. Ir-regoli huma mfassla biex jgħinu lill-Ewropa tadatta għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima. Ir-regolament, li huwa kompletament konformi mal-ekonomija ċirkolari, jiffaċilita l-użu tal-ilma urban mormi trattat għat-tisqija agrikola, u b'hekk itejjeb id-disponibbiltà tal-ilma u jgħin biex jiġi evitat in-nuqqas ta' ikel.

L-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima ser tgħin lill-UE tkun ippreparata aħjar biex tittratta l-impatti tat-tibdil fil-klima.

Emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport

F'April 2019, ġew deċiżi limiti ta' emissjonijiet aktar stretti għall-karozzi u l-vannijiet biex jiġi żgurat li mill‑2030 'il quddiem, vetturi ġodda jarmu fuq medja inqas CO2 meta mqabbla mal‑livelli tal‑2021:

  • karozzi – 37.5% inqas ta' CO2
  • vannijiet – 31% inqas ta' CO2

F'Ġunju 2019 ġew adottati limiti għal trakkijiet u vetturi tqal oħrajn. Ir-regoli l-ġodda ser jirrikjedu li l-manifatturi jnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn trakkijiet ġodda, meta mqabbla mal-livelli tal-2019, b'medja ta':

  • 15% mill-2025
  • 30% mill-2030

Skema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet

Fi Frar 2018, l-UE adottat regoli riveduti għall-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS). L-iskema, stabbilita fl-2005, hija l-ewwel suq importanti tal-karbonju fid-dinja u għadha l-akbar wieħed. Hija tistabbilixxi limitu massimu fuq kemm jistgħu jarmu CO2 l-industrija peżanti u l-impjanti tal-enerġija. Il-volum totali ta' emissjonijiet permessi jitqassam lill-kumpaniji bħala permessi li jistgħu jiġu skambjati.

F'Diċembru 2019, l-UE u l-Iżvizzera qablu li jorbtu s-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tagħhom. Dan il-ftehim ser ikun ta' benefiċċju reċiproku għall-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera, peress li r-rabta bejn sistemi ta' limitu u skambju tista' żżid id-disponibbiltà ta' opportunitajiet ta' tnaqqis u ttejjeb il-kosteffiċjenza tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet.

Kondiviżjoni tal-isforz

L-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn setturi li jaqgħu barra mill-ambitu tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet huma rregolati mill-hekk imsejjaħ regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi, li jistabbilixxi miri vinkolanti għat-tnaqqis annwali tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-istati membri għall-2021-2030.

Ir-regolament għandu l-għan li jiżgura li dawn is-setturi jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Is-setturi jinkludu binjiet, agrikoltura (emissjonijiet mhux tas-CO2), maniġġjar tal-iskart u trasport (eskluż l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali).

Użu tal-art u forestrija

F'Mejju 2018, ġie adottat regolament ġdid biex jitjiebu l-protezzjoni u l-ġestjoni tal-art u l-foresti. Permezz ta' dan ir-regolament, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) ġew inkorporati fil-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030.

Enerġija nadifa

Tliet kwarti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE huma kkawżati mill-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija. L-UE qed taħdem għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija – element ċentrali tat-tranżizzjoni ekoloġika.

F'Diċembru 2020, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġiji dwar l-enerġija rinnovabbli offshore u l-idroġenu li kienu ġew proposti mill-Kummissjoni. Fil-vidjokonferenza informali tagħhom fl-istess xahar, il-ministri għall-enerġija tal-UE ddiskutew l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija.

L-istati membri tal-UE huma meħtieġa jippreżentaw u jaġġornaw regolarment il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs) tagħhom biex jirrappurtaw dwar il-kontributi tagħhom għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi rinnovabbli u għall-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet. L-NECPs ġew introdotti fi ħdan l-istrateġija tal-unjoni tal-enerġija u l-ewwel pjanijiet ikopru l-perjodu 2021-2030.

Ġew stabbiliti wkoll aktar azzjonijiet ta' politika mill-Kunsill fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u bħala parti mill-istrateġija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn jinkludu l-mekkaniżmu għal tranżizzjoni ġusta, l-istrateġija "mill-għalqa sal-platt", l-istrateġija għall-bijodiversità u l-istrateġija industrijali Ewropea.

Ritratt li juri nixfa

Fuq quddiem fir-rigward tat-tibdil fil-klima

L-UE hija impenjata li tmexxi l-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima. Il-mexxejja tal-UE jaspiraw li jilħqu l-għan ambizzjuż li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi. Billi jaħdmu flimkien fid-deċennji li ġejjin, il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jitnaqqsu kemm jista' jkun u li jittieħdu miżuri biex ipattu għal kwalunkwe emissjonijiet li jkun fadal.