Skip to content

Timeline - Financing the climate transition

  • 2025

    27 ta' Ottubru

    Il-Kunsill japprova ċ-ċifri tal-finanzjament għall-klima għall-2024

    Fl-2024, l-Unjoni Ewropea u s-27 stat membru tagħha kkontribwew €31.7 biljun f'finanzjament għall-klima minn sorsi pubbliċi u mmobilizzaw ammont addizzjonali ta' €11.0biljun ta' finanzjament privat biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

    Illum il-Kunsill ippubblika ċ-ċifri, bi tħejjija għall-Konferenza tal-Partijiet dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (COP30 & CMA 7), li ser issir mill-10 sal-21 ta' Novembru f'Belém, il-Brażil.

  • 2025

    10 ta' Ottubru

    Il-Kunsill japprova konklużjonijiet qabel il-COP30

    Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima bil-ħsieb tal-konferenza tan-NU tal-2025 dwar it-tibdil fil-klima (COP30), li ser issir f'Belém bejn l-10 u l-21 ta' Novembru 2025.

    Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jinnota t-tħassib serju tiegħu li l-2024 kienet l-aktar sena sħuna rreġistrata, skont is-sejbiet tal-aġġornament dwar il-klima deċennali 2025 tal-Organizzazzjoni meteoroloġika dinjija.

    Il-konklużjonijiet jaffermaw mill-ġdid ukoll l-impenn tal-UE u tal-istati membri tagħha għall-għan kollettiv internazzjonali li jiġu mobilizzati $100 biljun fis-sena f'finanzjament għall-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li l-pajjiżi terzi jintalbu jikkontribwixxu.

  • 2024

    5 ta' Novembru

    Il-Kunsill japprova ċ-ċifri tal-finanzjament għall-klima għall-2023

    Fl-2023, l-UE u l-istati membri tagħha kkontribwew €28.6 biljun f'finanzjament għall-klima minn sorsi pubbliċi u mmobilizzaw ammont addizzjonali ta' €7.2 biljun f'finanzjament privat biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra u fl-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

    Il-Kunsill approva ċ-ċifri llum, bi tħejjija għad-29 Konferenza tal-Partijiet għall-Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP29), li ser issir mill-11 sat-22 ta' Novembru f'Baku, l-Ażerbajġan.

  • 2024

    8 ta' Ottubru

    Il-Kunsill japprova konklużjonijiet qabel il-COP29

    Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima qabel il-laqgħa tal-konvenzjoni qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (UNFCCC) f'Baku, l-Ażerbajġan (COP 29).

    Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jissottolinja li l-UE u l-istati membri tagħha huma impenjati għall-għan attwali li l-pajjiżi żviluppati jimmobilizzaw kollettivament $100 biljun fis-sena f'finanzjament għall-klima sal-2025.

  • 2023

    23 ta' Novembru

    Il-Kunsill japprova ċ-ċifri tal-finanzjament għall-klima għall-2022

    Fl-2022, l-Unjoni Ewropea u s-27 stat membru tagħha kkontribwew €28.5 biljun f'finanzjament għall-klima minn sorsi pubbliċi u mmobilizzaw ammont addizzjonali ta' €11.9biljunf'finanzjament privat biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

    Il-Kunsill approva dawn iċ-ċifri llum, bi tħejjija għall-Konferenza tal-Partijiet dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (COP28), li ser issir mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru f'Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda.

    Bar chart li tirrappreżenta l-evoluzzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Ewropa għall-finanzjament għall-klima mill-2013 sal-2024.
    Il-kontribuzzjoni tal-Ewropa għall-finanzjament għall-klima (f'biljuni ta' euro) (Infografika)

    Il-kontribuzzjoni tal-Ewropa għall-finanzjament għall-klima (f'biljuni ta' euro) (Infografika)

  • 2023

    23 ta' Ottubru

    Bonds ekoloġiċi Ewropej: il-Kunsill jadotta regolament ġdid għall-promozzjoni ta' finanzi sostenibbli

    Fit-23 ta' Ottubru, il-Ministri adottaw regolament dwar il-ħolqien ta' bonds ekoloġiċi Ewropej.

    Ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għall-emittenti tal-bonds li jixtiequ jużaw l-isem "bond ekoloġiku Ewropew" jew "EuGB" għal bonds li jiddikjaraw li huma ambjentalment sostenibbli.

  • 2023

    28 ta' Frar

    Bonds ekoloġiċi Ewropej: il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim

    In-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar il-ħolqien ta' bonds ekoloġiċi Ewropej (EuGB).

    Ir-regolament il-ġdid għandu l-għan li jipprevjeni l-greenwashing fis-suq tal-bonds. L-emittenti tal-bonds ser ikunu jistgħu juru li qed jiffinanzjaw proġetti ekoloġiċi allinjati mat-tassonomija tal-UE, filwaqt li l-investituri ser ikunu jistgħu jidentifikaw bonds ekoloġiċi ta' kwalità għolja aktar faċilment.

  • 2022

    28 ta' Ottubru

    Il-Kunsill japprova ċ-ċifra tal-finanzjament għall-klima għall-2021

    Fl-2021, l-UE u l-istati membri tagħha impenjaw €23.04 biljun f'finanzjament għall-klima minn sorsi pubbliċi biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

    Il-Kunsill approva ċ-ċifra bi tħejjija għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima (COP27) f’Sharm-el-Sheikh. Iċ-ċifra hija bbażata fuq ir-regoli dettaljati ta' rappurtar tal-UE dwar il-finanzjament għall-klima stabbiliti fir-regolament dwar il-governanza.

  • 2022

    4 ta' Ottubru

    Finanzjament għall-klima: il-Kunsill japprova konklużjonijiet

    Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jissottolinjaw l-impenn qawwi tiegħu li jikseb riżultati konkreti fil-qasam tal-finanzjament għall-klima, qabel il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (COP27) f’Sharm-el-Sheikh.

    Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill fakkar li l-UE u l-istati membri tagħha huma l-akbar kontributur għall-finanzjament pubbliku internazzjonali għall-klima, u mill-2013 'l hawn il-kontribuzzjoni tagħhom għall-finanzjament għall-klima żdiedet b'aktar mid-doppju biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Kunsill appella wkoll lil donaturi oħra biex iżidu l-isforzi tagħhom, u jistenna li l-għan kollettiv ta' mobilizzazzjoni tal-finanzjament għall-klima ta' $100 biljun fis-sena jintlaħaq fl-2023.

  • 2022

    13 ta' April

    Finanzi sostenibbli: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej

    Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, wieħed mill-istrumenti ewlenin għall-finanzjament ta' investimenti relatati ma' teknoloġiji ekoloġiċi, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi kif ukoll l-infrastrutturi tat-trasport u tar-riċerka sostenibbli.

    Dan ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għall-emittenti ta' bonds li jixtiequ jużaw l-isem "Bond Ekoloġiku Ewropew" jew "EuGB" għall-bonds ambjentalment sostenibbli tagħhom magħmula disponibbli għall-investituri fl-Unjoni, u jistabbilixxi sistema ta' reġistrazzjoni u qafas superviżorju għar-rieżaminaturi esterni tal-bonds ekoloġiċi Ewropej.

  • 2021

    29 ta' Ottubru

    Il-Kunsill japprova ċ-ċifra tal-finanzjament għall-klima għall-2020

    Fl-2020, l-UE u l-istati membri tagħha impenjaw €23.39 biljun f'finanzjament għall-klima biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

    Il-Kunsill approva din iċ-ċifra, li hija bbażata fuq regoli ġodda u aktar dettaljati ta' rappurtar tal-UE dwar il-finanzjament għall-klima, bi tħejjija għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima - COP26 fi Glasgow.

  • 2021

    5 ta' Ottubru

    Finanzjament għall-klima: il-Kunsill japprova konklużjonijiet

    Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima, qabel il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima (COP26) fi Glasgow.

    Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill jenfasizza li l-UE u l-istati membri tagħha jkomplu jappoġġaw bil-qawwa l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi. Il-Kunsill enfasizza wkoll l-impenn tiegħu li jżid il-kontribuzzjoni għall-finanzjament internazzjonali għall-klima u l-ħtieġa li tittejjeb il-mobilizzazzjoni ta' finanzjament privat.

  • 2020

    23 ta' Novembru

    Finanzjament għall-klima: il-Kunsill jappella għal appoġġ imsaħħaħ mill-istituzzjonijiet finanzjarji

    Il-Kunsill ħareġ dikjarazzjoni li tissottolinja l-kontribuzzjoni tal-UE għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjament internazzjonali għall-klima.

    Iċ-ċifri mill-2019 jikkonfermaw li l-UE għadha l-akbar kontributur ta' finanzjament pubbliku għall-klima lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'kontribuzzjoni ta' madwar 22 biljun euro fl-2019 li hija aktar mid-doppju meta titqabbel mal-2013.

    Id-dikjarazzjoni tenfasizza wkoll l-impenn tal-UE biex tħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika. Il-pjan ta' rkupru tal-UE, Next Generation EU, u l-baġit fit-tul 2021-2027 jirriflettu wkoll din il-prijorità.

    Fid-dikjarazzjoni, il-Kunsill jappella lill-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali, reġjonali u multilaterali kollha biex ikomplu u jsaħħu l-appoġġ tagħhom.

  • 2020

    29 ta' Ottubru

    Finanzjament għall-klima: il-kontribuzzjonijiet tal-UE u tal-istati membri komplew jiżdiedu fl-2019

    Il-kontribuzzjonijiet mill-UE u mill-istati membri tagħha biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra u jlaħħqu mal-impatti tat-tibdil fil-klima komplew jiżdiedu fl-2019, li jikkonferma xejra ta' żieda kostanti mill-2013 'l hawn.

    L-appoġġ tal-finanzjament għall-klima pprovdut mill-UE u mill-istati membri tagħha (ir-Renju Unit inkluż) ammonta għal 23.2 biljun fl-2019, żieda ta' 6.9% meta mqabbel mal-2018. It-total mingħajr ir-Renju Unit kien ta' €21.9 biljun, żieda ta' 7.4% meta mqabbel mat-total għall-UE 27 fl-2018.

    Il-kontribuzzjoni tal-finanzjament għall-klima titqies bħala pass importanti fl-implimentazzjoni tal-ftehim legalment vinkolanti dwar it-tibdil fil-klima li ntlaħaq f'Pariġi f'Diċembru 2015.

    Bar chart li tirrappreżenta l-evoluzzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Ewropa għall-finanzjament għall-klima mill-2013 sal-2024.
    Il-kontribuzzjoni tal-Ewropa għall-finanzjament għall-klima (f'biljuni ta' euro) (Infografika)

    Il-kontribuzzjoni tal-Ewropa għall-finanzjament għall-klima (f'biljuni ta' euro) (Infografika)

  • 2020

    15 ta' April

    Finanzi sostenibbli: il-Kunsill jadotta sistema ta' klassifikazzjoni unifikata tal-UE

    Il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi sistema ta' klassifikazzjoni madwar l-UE, jew ''tassonomija'', li ser tipprovdi lin-negozji u lill-investituri lingwa komuni biex jidentifikaw dawk l-attivitajiet ekonomiċi li huma meqjusa ambjentalment sostenibbli.

    It-tassonomija ser tippermetti lill-investituri biex jiffukaw mill-ġdid l-investimenti tagħhom fuq teknoloġiji u negozji aktar sostenibbli. Ser tkun kruċjali biex tippermetti lill-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050 u tilħaq il-miri tal-ftehim ta' Pariġi għall-2030. Dawn jinkludu tnaqqis ta' 40% fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, li għalih il-Kummissjoni tistma li l-UE trid ixxejjen diskrepanza fl-investiment ta' madwar EUR 180 biljun fis-sena.

    L-inizjattiva hija parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar il-finanzi sostenibbli tal-2018.

  • 2019

    18 ta' Diċembru

    L-UE tilħaq qbil politiku dwar tassonomija unifikata

    L-ambaxxaturi għall-UE approvaw qbil politiku milħuq bejn il-presidenza Finlandiża tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar sistema ta' klassifikazzjoni fil-livell tal-UE, jew tassonomija. It-tassonomija ser tipprovdi lin-negozji u lill-investituri lingwaġġ komuni biex jidentifika liema attivitajiet ekonomiċi jistgħu jitqiesu sostenibbli mil-lat ambjentali.

    It-tassonomija ser tippermetti lill-investituri jorjentaw mill-ġdid l-investimenti tagħhom lejn teknoloġiji u negozji aktar sostenibbli. Ser tkun strumentali biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050 u tilħaq il-miri tal-ftehim ta' Pariġi għall-2030.

  • 2019

    8 ta' Novembru

    Il-Kunsill jadotta regolamenti dwar finanzi sostenibbli

    Il-Kunsill adotta żewġ regolamenti bil-għan li l-finanzi jsiru aktar ekoloġiċi, skont l-objettivi tal-ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

    L-ewwel riforma tintroduċi obbligi ta' żvelar dwar kif il-kumpaniji finanzjarji jintegraw fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-investiment.

    It-tieni riforma toħloq tipi ġodda ta' parametri referenzjarji maħsuba biex jagħtu aktar informazzjoni dwar il-marka tal-karbonju ta' portafoll ta' investiment.

  • 2019

    25 ta' Settembru

    Ftehim dwar tassonomija unifikata tal-UE

    L-ambaxxaturi għall-UE approvaw il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-proposta biex tinħoloq tassonomija unifikata tal-UE ta' attivitajiet ekonomiċi sostenibbli. Bħalissa, m'hemm l-ebda sistema ta' klassifikazzjoni komuni fil-livell tal-UE jew fil-livell globali li tiddefinixxi x'inhi attività ekonomika ambjentalment sostenibbli.

  • 2019

    7 ta' Marzu

    Ftehim dwar l-obbligi ta' trasparenza

    Il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar il-proposta li tintroduċi obbligi ta' trasparenza dwar kif il-kumpaniji finanzjarji jinkorporaw fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-investiment.

  • 2019

    25 ta' Frar

    Ftehim dwar parametri referenzjarji ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju

    Il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar il-proposta għal ħolqien ta' kategorija ġdida ta' parametri referenzjarji ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju bl-għan li tingħata aktar informazzjoni dwar il-marka tal-karbonju ta' portafoll ta' investiment.

  • 2018

    19 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jilħaq qbil dwar pożizzjoni rigward parametri referenzjarji ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u rekwiżiti ta' żvelar

    L-ambaxxaturi għall-UE approvaw il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar żewġ proposti tal-pakkett ta' finanzi sostenibbli:

    • il-proposta li tintroduċi obbligi tal-iżvelar dwar kif kumpaniji finanzjarji jintegraw fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fid-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom;
    • il-proposta li toħloq kategorija ġdida ta' parametri referenzjarji finanzjarji li għandhom bħala objettiv l-għoti ta' aktar informazzjoni dwar il-marka tal-karbonju ta' portafoll ta' investiment.
  • 2018

    24 ta' Mejju

    Il-Kummissjoni tippreżenta proposti leġislattivi dwar il-finanzi sostenibbli

    F'Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta' miżuri bħala segwitu għall-pjan ta' azzjoni tagħha dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli. Il-pakkett jinkludi 3 proposti mmirati lejn:

    • l-istabbiliment ta' sistema ta' klassifikazzjoni unifikata tal-UE ta' attivitajiet ekonomiċi sostenibbli ("tassonomija")
    • it-titjib tar-rekwiżiti ta' żvelar dwar kif l-investituri istituzzjonali jintegraw fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) fil-proċessi tar-riskju tagħhom
    • il-ħolqien ta' kategorija ġdida ta' parametri referenzjarji li ser tgħin lill-investituri jqabblu l-marka tal-karbonju tal-investimenti tagħhom.

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Ottubru 2025