L-Att dwar is-Swieq Diġitali
L-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) għandu l-għan li jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-pjattaformi diġitali, irrispettivament mid-daqs tagħhom, biex tiżdied l-għażla għall-konsumaturi u jiġu promossi opportunitajiet ġodda għan-negozji ż-żgħar.
X'inhu l-Att dwar is-Swieq Diġitali?
L-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) jiffoka fuq l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji diġitali kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom.
Id-DMA għandu l-għan li jiggarantixxi settur diġitali kompetittiv u ġust.
Objettivi
Jipprojbixxi prattiki inġusti minn pjattaformi online li għandhom l-akbar sehem mis-suq.
Jagħmilha possibbli li utenti kummerċjali joffru għażla akbar lill-konsumaturi.
Jipprovdi servizzi aħjar u prezzijiet aktar ġusti għall-konsumaturi.
Jimponi drittijiet u obbligi ċari għall-pjattaformi online il-kbar.
Jippromwovi l-innovazzjoni u ambjent ta' pjattaformi online aktar ġust għal start-ups tat-teknoloġija.
Id-DMA jistabbilixxi regoli ċari għall-pjattaformi l-kbar, il-"gwardjani", li jipprovdu l-hekk imsejħa "servizzi ewlenin ta' pjattaforma", biex jiġi żgurat li ma jabbużawx mill-pożizzjoni tagħhom, pereżempju, billi jiffavorixxu l-prodotti tagħhom stess jew iżommu lill-utenti milli jinstallaw applikazzjonijiet esterni.
Il-Kunsill adotta d-DMA fit-18 ta' Lulju 2022, u dan daħal fis-seħħ fit-2 ta' Mejju 2023.
Id-DMA huwa parti mill-pakkett tal-UE dwar is-servizzi diġitali, li jinkludi wkoll l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA).
Kemm id-DMA kif ukoll id-DSA jfittxu li jipproteġu lill-utenti minn prattiki inġusti, filwaqt li jappoġġaw l-innovazzjoni fl-ekonomija diġitali.
Att dwar is-Servizzi Diġitali
Gwardjani
Biex titqies bħala gwardjan, pjattaforma diġitali għandha:
- jew ikollha fatturat annwali fl-Unjoni Ewropea ta' mill-inqas €7.5 biljun fl-aħħar tliet snin inkella jkollha valutazzjoni tas-suq ta' mill-inqas €75 biljun
- ikollha mill-inqas 45 miljun utent finali fix-xahar
- ikollha mill-inqas 10 000 utent kummerċjali stabbiliti fl-UE
- tikkontrolla wkoll servizz ewlieni ta' pjattaforma wieħed jew aktar f'mill-inqas tliet stati membri
Minħabba d-daqs tagħhom, il-gwardjani jgawdu vantaġġi sinifikanti fuq kompetituri iżgħar u għandhom pożizzjoni dominanti fis-suq diġitali.
Mill-10 000 pjattaforma diġitali li jeżistu fl-UE, ftit biss minnhom jikkwalifikaw bħala gwardjani skont id-DMA, u l-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati fl-Istati Uniti.
S'issa l-Kummissjoni Ewropea identifikat sebgħa gwardjani, li jipprovdu 23 servizz ewlieni ta' pjattaforma:
- Alphabet
- Amazon
- Apple
- Booking
- ByteDance
- Meta
- Microsoft
Obbligi ġodda għall-gwardjani
Id-DMA jistabbilixxi sensiela ta' regoli li l-gwardjani jridu jikkonformaw magħhom. Dawn ir-regoli jipprojbixxu lill-gwardjani milli jagħmlu ċerti affarijiet kif ukoll jobbligawhom jagħmlu oħrajn.
X'ma jistgħux jagħmlu l-gwardjani
Ma jistgħux jikklassifikaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom stess aktar 'il fuq minn dawk ta' kumpaniji oħra.
Ma jistgħux jipprevjenu lil żviluppaturi milli jużaw pjattaformi ta' pagament ta' parti terza għall-bejgħ ta' apps.
Ma jistgħux jipproċessaw id-data personali tal-utenti għal reklamar immirat, sakemm ma jingħatax il-kunsens.
Ma jistgħux jistabbilixxu kundizzjonijiet inġusti għall-utenti kummerċjali
Ma jistgħux jinstallaw minn qabel ċerti applikazzjonijiet ta' software jew jipprevjenu lill-utenti milli jneħħuhom faċilment.
Ma jistgħux jirrestrinġu l-utenti kummerċjali tal-pjattaformi.
X'ser ikollhom jagħmlu l-gwardjani
Iridu joffru għażla akbar, bħall-għażla ta' ċertu software fuq is-sistema operattiva ta' utent.
Jeħtieġ jiżguraw li t-tneħħija tal-abbonament minn servizzi ewlenin tal-pjattaforma tkun faċli daqs l-abbonament.
Ikollhom jipprovdu informazzjoni dwar l-għadd ta' utenti li jżuru l-pjattaformi tagħhom biex jiġi determinat jekk il-pjattaforma tistax tiġi identifikata bħala gwardjan.
Jeħtieġ jagħtu lill-utenti kummerċjali aċċess għad-data dwar il-prestazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni jew tar-reklamar tagħhom fuq il-pjattaforma.
Iridu jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe akkwist jew fużjoni.
Ikollhom jiżguraw li l-funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi ta' messaġġi istantanji jkunu interoperabbli, jiġifieri l-utenti jkunu jistgħu jibagħtu messaġġi, messaġġi bil-vuċi jew fajls.
X'jiġri jekk il-gwardjani ma jikkonformawx mar-regoli?
Meta kumpanija online kbira tkun ġiet identifikata bħala gwardjan, tkun trid tikkonforma mar-regoli tad-DMA fi żmien sitt xhur.
Jekk gwardjan jikser ir-regoli stabbiliti mid-DMA, jissogra multa sa 10% tal-fatturat totali tiegħu madwar id-dinja. Fil-każ ta' reċidività, tista' tiġi imposta multa sa 20% tal-fatturat tiegħu madwar id-dinja.
F'każ li gwardjan sistematikament jonqos milli jikkonforma mad-DMA, jiġifieri jikser ir-regoli mill-inqas tliet darbiet fi tmien snin, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiftaħ investigazzjoni tas-suq u, jekk ikun meħtieġ, timponi rimedji komportamentali jew strutturali.
Benefiċċji tal-Att dwar is-Swieq Diġitali
Il-kompetizzjoni ġusta tas-servizzi diġitali hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-kumpaniji u l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod mill-opportunitajiet diġitali.
Billi jistabbilixxi sett ta' regoli għall-pjattaformi online kbar, id-DMA jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji iżgħar u n-negozji l-ġodda biex jidħlu fis-suq diġitali, jinnovaw u jikkompetu.
Billi tiżdied l-għażla, il-konsumaturi jibbenefikaw ukoll minn prezzijiet aktar baxxi u servizzi ta' kwalità ogħla.
Il-kummerċ elettroniku fl-UE
L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Novembru 2025