Il-kummerċ elettroniku fl-UE
Fatti u ċifri
Il-kummerċ elettroniku - ix-xiri ta' oġġetti jew servizzi permezz tal-internet - huwa integrali fl-imġiba tal-konsumatur fl-UE.
Fl-2024, 77% tal-utenti tal-internet xtraw oġġetti jew servizzi online. Is-sehem ta' klijenti online kiber minn 57% fl-2010 għal 77% fl-2024, żieda ta' 20 punt perċentwali (pp).
Il-persuni ta' bejn il-25 u l-44 sena huma l-akbar xerrejja online
Fl-2024, l-adulti żgħażagħ u dawk ta' età medja fl-UE aċċettaw ix-xiri online bi ħġarhom. 89% tal-utenti tal-internet ta' bejn 25 u 34 sena kienu involuti fix-xiri online, segwiti mill-qrib minn 86% ta' dawk bejn 35 u 44 sena.
Perċentwal ta' utenti tal-internet li xtraw online fl-2024 skont il-grupp ta' età
Perċentwal ta' utenti tal-internet li xtraw online fl-2024 skont il-grupp ta' età:
- 16 sa 24 sena: 83%
- 25 sa 34 sena: 89%
- 35 sa 44 sena: 86%
- 45 sa 54 sena: 78%
- 55 sa 64 sena: 67%
- 65 sa 74 sena: 53%
Aktar ma persuna tkun edukata, aktar ikun probabbli li tixtri online
89% tal-persuni b'livell għoli ta' edukazzjoni xtraw online fl-2024, meta mqabbla ma' 58% tal-persuni bi ftit jew bl-ebda edukazzjoni formali.
Ix-xiri online fl-2024 skont il-livell tal-edukazzjoni
- L-ebda edukazzjoni formali jew edukazzjoni formali baxxa (edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell): 58% tal-utenti tal-internet li xtraw online.
- Edukazzjoni formali medja (edukazzjoni sekondarja għolja jew edukazzjoni postsekondarja mhux terzjarja): 76% tal-utenti tal-internet li xtraw online.
- Edukazzjoni formali għolja (edukazzjoni pprovduta minn universitajiet, kulleġġi, istituti ta' taħriġ tekniku u skejjel vokazzjonali): 89% tal-utenti tal-internet li xtraw online.
L-ilbies, iż-żraben u l-aċċessorji huma l-aktar oġġetti mixtrija online
Fl-2024, l-aktar oġġetti mixtrija online kienu jinkluduħwejjeġ, żraben, aċċessorji, oġġetti kulturali, servizzi tat-trasport u biljetti għal avvenimenti.
Perċentwal ta' persuni li xtraw online skont it-tip ta' oġġett jew servizz fl-2024
Kummerċ elettroniku skont il-pajjiż tal-UE
L-Irlanda, in-Netherlands u d-Danimarka għandhom l-ogħla rati ta' xiri online, b'aktar minn 90% tal-utenti tal-internet f'dawn il-pajjiżi jixtru oġġetti jew servizzi online. Pajjiżi bħall-Bulgarija, l-Italja u r-Rumanija għandhom l-aktar rati baxxi, b'inqas minn 60% tal-utenti tal-internet jixtru online.
Bejn l-2010 u l-2024, l-aktar tkabbir sinifikanti fix-xiri online ġie osservat fl-Estonja (żieda ta' 56 pp), fil-Litwanja (+55 pp) u fl-Ungerija (+51 pp).
Utenti tal-internet li xtraw online fl-2024 mqabbla mal-2010
Grafika turi l-perċentwal ta' utenti tal-internet li xtraw online fl-2024 meta mqabbel mal-2010.
Fl-2024, l-Irlanda (96%), in-Netherlands (94%) u d-Danimarka (91%) kellhom l-ogħla rati ta' xiri online, filwaqt li l-Bulgarija (57%), ir-Rumanija (60%), u l-Italja (60%) irreġistraw l-inqas.
Fl-2010, id-Danimarka (76.1%), in-Netherlands (74%), u l-Ġermanja (72.7%) kellhom l-ogħla rati ta' xiri online, bir-Rumanija (9.1%), il-Bulgarija (11%), u l-Litwanja (17.3%) juru l-aktar rati baxxi.
X'bidliet hemm għall-kummerċ elettroniku skont id-DSA
L-objettivi tal-att dwar is-servizzi diġitali (DSA), adottati f'Ottubru 2022, huma li jinħoloq ambjent online aktar sikur, aktar trasparenti u aktar kompetittiv għall-utenti u l-kumpaniji diġitali, u li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali fl-ispazju diġitali.
Id-DSA ġab diversi bidliet ewlenin li għandhom impatt fuq il-kummerċ elettroniku.
żieda fit-trasparenza
il-bejjiegħa issa jridu joffru informazzjoni aktar ċara dwar il-prodott u s-servizz
protezzjoni akbar tal-konsumatur
dispożizzjonijiet aħjar għall-protezzjoni tal-konsumaturi minn kontenut ta' ħsara u frodi
regolamenti aktar stretti dwar ir-reklamar
ir-reklami mmirati jeħtieġu aktar trasparenza u jagħtu aktar kontroll lill-utenti
irfigħ tar-responsabbiltà tal-pjattaformi
is-swieq iridu jaġixxu malajr kontra prodotti illegali
Ara wkoll
Att dwar is-Servizzi Diġitali
Protezzjoni tal-konsumaturi
Kif l-UE tiġġieled il-kontenut ta' ħsara online
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Lulju 2026