"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Skeda ta' żmien: Politika spazjali tal-UE

  • 2025

    23 ta' Mejju

    Il-Kunsill jappella għal użu aħjar tad-data spazjali biex jissaħħaħ il-maniġġar ta' kriżijiet

    Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-użu ta' data satellitari li:

    • jissottolinjaw l-importanza tal-osservazzjoni tad-dinja u data spazjali oħra għar-reżiljenza u t-tħejjija għall-kriżi
    • jenfasizzaw il-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa u l-użu tad-data satellitari kollha disponibbli - pubblika, privata u kummerċjali biex jiġu indirizzati aħjar it-tibdil fil-klima, id-diżastri u l-kriżijiet li jħallu impatt fuq is-sigurtà Ewropea u dik dinjija
    • jappellaw għall-użu tal-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji oħra biex jiżguraw ipproċessar aħjar tad-data
    • jirrakomandaw miżuri ta' sigurtà biex jiġġieldu theddid potenzjali (bħal attakki ċibernetiċi)
  • 2024

    23 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar il-kontribut tal-ispazju għall-kompetittività tal-Ewropa

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar "it-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa permezz tal-ispazju".

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jenfasizzaw l-importanza dejjem akbar tal-ispazju f'bosta oqsma tal-politika tal-UE u l-isfidi soċjoekonomiċi, għall-patt ekoloġiku, it-tranżizzjoni diġitali u l-kompetittività ġenerali tal-UE.

    Barra minn hekk:

    • jissottolinjaw il-ħtieġa li jissaħħaħ l-użu tad-data spazjali
    • jappellaw għal żvilupp aktar b'saħħtu tas-settur spazjali billi jiġi żgurat u miżjud kemm l-investiment pubbliku kif ukoll dak privat
    • jenfasizzaw li l-ispazju huwa vitali għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika
    • jappellaw għall-espansjoni tas-settur spazjali Ewropew u għal sħubijiet kollaborattivi globali
  • 2023

    8 ta' Diċembru

    L-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni attwali

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar "L-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju: is-sitwazzjoni attwali".

    Il-konklużjonijiet:

    • saħqu fuq l-urġenza li jiġi żviluppat approċċ tal-UE għall-immaniġġjar tat-traffiku spazjali
    • enfasizzaw l-importanza li jitqiesu l-ħtiġijiet kemm ċivili kif ukoll militari tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju
    • issottolinjaw ir-rwol tas-sistema ta' sorveljanza u insegwiment fl-ispazju tal-UE
  • 2023

    14 ta' Novembru

    Il-Kunsill japprova konklużjonijiet dwar l-ewwel Strateġija Spazjali tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża

    Il-Kunsill fakkar fl-impenn li ilu stabbilit tal-UE għad-dritt internazzjonali u għall-valuri u l-prinċipji gwida żviluppati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, u afferma mill-ġdid ir-rieda tal-istati membri tal-UE li jkomplu jaħdmu biex jistabbilixxu normi, regoli u prinċipji ta' mġiba responsabbli fil-firxa sħiħa ta' attivitajiet spazjali.

  • 2023

    23 ta' Mejju

    Il-Kunsill jappella għal approċċ Ewropew dwar il-ġestjoni tat-traffiku fl-ispazju

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-"Użu ġust u sostenibbli tal-ispazju" fi żmien meta l-orbiti qed ikunu dejjem aktar konġestjonati b'oġġetti spazjali.

    Il-konklużjonijiet:

    • jappellaw għal miżuri ta' mitigazzjoni għall-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-iskart spazjali eżistenti
    • jipproponu li jissaħħu l-kapaċitajiet, pereżempju, permezz tal-kontribut tas-servizz ta' sorveljanza u insegwiment fl-ispazju tal-Unjoni Ewropea, f'kollaborazzjoni mal-aġenzija tal-UE għall-programm spazjali, biex jitmexxa 'l quddiem approċċ tal-UE għall-ġestjoni tat-traffiku spazjali
    • jirrikonoxxu li l-ispazju huwa ġid komuni globali u għandu jibqa' ħieles għall-esplorazzjoni u l-użu mill-istati kollha
  • 2023

    7 ta' Marzu

    Il-Kunsill jadotta programm ta' konnettività bbażata fl-ispazju

    Il-ministri adottaw regolament dwar il-programm ta' konnettività sigura tal-UE għall-2023-2027. Il-programm jistabbilixxi għanijiet għall-Unjoni Ewropea biex tuża kostellazzjoni satellitari tal-UE msejħa "IRIS²" (Infrastruttura għar-Reżiljenza, l-Interkonnettività u s-Sigurtà bis-Satellita) li ser tipprovdi servizzi ta' komunikazzjoniultraveloċi u ta' sigurtà għolja sal-2027.

    IRIS² ser jgħin biex jittejbu r-reżiljenza u s-sovranità tal-UE peress li l-gvernijiet ser jibbenefikaw minn din is-sistema ta' komunikazzjoni bbażata fl-ispazju għal servizzi bħal:

    • il-protezzjoni ta' infrastruttura kritika
    • is-sorveljanza
    • l-appoġġ għall-azzjoni esterna
    • il-ġestjoni tal-kriżijiet

    Il-programm jikkontribwixxi wkoll għat-tranżizzjoni diġitali tal-UE u jsaħħaħ il-kompetittività tas-servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita tal-UE.

  • 2022

    10 ta' Ġunju

    Il-ministri jadottaw konklużjonijiet dwar l-immaniġġar tat-traffiku fl-ispazju u l-programm Copernicus

    Il-ministri adottaw konklużjonijiet dwar l-immaniġġar tat-traffiku fl-ispazju (STM), li jissottolinjaw l-importanza tat-tisħiħ tas-sorveljanza tal-UE fl-ispazju u l-kapaċitajiet ta' traċċar tal-UE u tal-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istandardizzazzjoni. Dan ser jamplifika l-vuċi tal-UE fix-xena internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-immaniġġar tat-traffiku fl-ispazju.

    L-approċċ tal-UE għall-immaniġġar tat-traffiku fl-ispazju ser inaqqas ir-riskju ta' kolliżjonijiet u jiżgura li l-ispazju jibqa' sikur u sostenibbli.

    Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar Copernicus sal-2035, biex jgħin fit-tħejjija tal-futur tal-programm spazjali Copernicus. Dawn jistabbilixxu viżjoni għall-2035 u gwida politika għall-programm Copernicus ibbażata fuq tliet pilastri ewlenin: il-Patt Ekoloġiku, it-tranżizzjoni diġitali, u s-sigurtà, li flimkien jikkontribwixxu għal Ewropa aktar reżiljenti.

  • 2021

    26 ta' Novembru

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar "l-ispazju għal kulħadd"

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar "l-ispazju għal kulħadd", filwaqt li enfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mill-istati membri kollha fis-settur spazjali u tat-tisħiħ tar-rabta bejn is-setturi spazjali u dawk mhux spazjali.

    L-ispazju huwa wieħed mis-setturi teknoloġiċi li qed jikber bl-aktar rata mgħaġġla fl-UE, iżda l-kapaċitajiet tas-settur spazjali Ewropew mhumiex imqassma b'mod uniformi. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu inklużi negozji ġodda, intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju (SMEs) u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (mid-caps) fost il-partijiet ikkonċernati parteċipanti, peress li dawn jistgħu jgħinu biex iwieġbu għall-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima u kwistjonijiet ta' sigurtà.

  • 2021

    28 ta' Mejju

    Spazju Ġdid għall-Persuni - Konklużjonijiet tal-Kunsill

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ħtieġa ta' approċċ Ewropew għal spazju ġdid biex jixpruna settur spazjali tal-UE innovattiv u kompetittiv. L-"Ispazju Ġdid għall-Persuni" jista' jikkontribwixxi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE u jsaħħaħ ir-reżiljenza Ewropea, filwaqt li jwieġeb ukoll għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini.

  • 2021

    28 ta' Mejju

    L-Ispazju għall-Persuni fiż-żoni kostali Ewropej - Konklużjonijiet tal-Kunsill

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-programmi spazjali tal-UE Copernicus, Galileo u EGNOS sabiex jittejbu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-kwalità tal-ħajja tan-nies fiż-żoni kostali Ewropej.

  • 2021

    19 ta' April

    Programm spazjali tal-UE: il-Kunsill jadotta pożizzjoni fl-ewwel qari

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar ir-regolament propost li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-UE li jammonta għal €14.8 biljun għas-snin 2021 sal-2027.

    Skont il-qbil politiku li ntlaħaq f'Diċembru li għadda bejn il-koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew huwa mistenni li japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari f'April 2021. Wara l-adozzjoni formali, ir-regolament ser japplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2021.

  • 2021

    12 ta' Jannar

    "Azzjoni spazjali fil-qalba tal-awtonomija strateġika Ewropea"

    Il-President Charles Michel għamel diskors ta' merħba waqt it-13-il Konferenza Ewropea dwar l-Ispazju bit-titlu "L-ispazju jħaddan dinja li qiegħda tinbidel: ekoloġika, diġitali, reżiljenti & amp; sigura" li saret fit-12 u t-13 ta' Jannar 2021. Id-diskors ta' Michel enfasizza r-rwol tas-settur spazjali fl-istrateġija ġenerali tal-UE u ffoka fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll fuq l-iżgurar ta' aktar awtonomija strateġika għall-Ewropa.

    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    L-Ewropa diġà hija attur ewlieni fl-ispazju. Jekk irridu nkunu aktar b'saħħitna u aktar kunfidenti fina nfusna fix-xenarju globali, irridu nkunu wkoll aktar b'saħħitna fl-ispazju. [...] L-iżvilupp tas-settur spazjali tagħna ser jgħinna nsaħħu l-awtonomija strateġika tagħna – l-għan numru wieħed tal-ġenerazzjoni tagħna, fil-fehma tiegħi.
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2020

    16 ta' Diċembru

    Programm Spazjali tal-UE: Il-presidenza tal-Kunsill tilħaq qbil politiku mal-Parlament Ewropew

    In-negozjaturi tal-Kunsill tal-UE u tal-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku proviżorju dwar ir-regolament propost li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-UE li jmiss għall-2021-2027.

    Pakkett finanzjarju ta' €14.8 biljun fi prezzijiet attwali (€13.2 biljun fi prezzijiet tal-2018) ġie allokat għall-programm, imqassam kif ġej:

    • Galileo u EGNOS: €9 biljun
    • Copernicus: €5.4 biljun
    • SSA u GOVSATCOM: €442 miljun

    It-test ser jiġi ppreżentat lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill għal analiżi/approvazzjoni politika nhar il-Ġimgħa 18 ta' Diċembru 2020. Wara l-approvazzjoni politika kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament Ewropew, dan ser ikun il-bażi għall-adozzjoni futura tar-regolament propost fit-tieni qari.

  • 2020

    20 ta' Novembru

    Il-ministri ddiskutew ir-rwol tal-Ewropa fl-ekonomija spazjali globali

    Il-ministri għall-ispazju kellhom skambju informali ta' fehmiet dwar ir-rwol tal-Ewropa fl-ekonomija spazjali globali permezz ta' vidjokonferenza. Huma ddiskutew kif l-UE tista' ttejjeb il-kompetittività tal-industrija spazjali tagħha u taqdi rwol akbar fit-tiswir ta' reġimi regolatorji internazzjonali.

    Abbażi tal-konklużjonijiet adottati fil-11 ta' Novembru 2020, il-ministri ħejjew ukoll il-laqgħa tal-għaxar Kunsill tal-Ispazju, li saret permezz ta' vidjokonferenza fl-istess jum.

    Fl-aħħar nett, il-ministri ħadu nota tal-programm ta' ħidma tal-presidenza Portugiża li jmiss fil-qasam tal-ispazju (l-ewwel semestru tal-2021).

  • 2020

    11 ta' Novembru

    Il-Kunsill jappella għal politika spazjali tal-UE aktar b'saħħitha

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-kontribut Ewropew fl-istabbiliment ta' prinċipji ewlenin għall-ekonomija spazjali globali bi tħejjija għall-għaxar laqgħa tal-Kunsill tal-Ispazju mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), li għandha ssir fl-20 ta' Novembru 2020.

    It-test jagħti orjentazzjonijiet importanti għall-politika spazjali Ewropea futura.

    Il-Kunsill jinnota li qed tinħoloq industrija spazjali Ewropea u ktajjen tal-provvista kompetittivi ħafna, li jippermettu lill-Ewropa tipparteċipa (u tikkontribwixxi) fit-tkabbir globali tal-ekonomija spazjali. Huwa jappella lill-atturi kollha biex jaħdmu lejn l-iżgurar ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali u ekonomiji miftuħa.

    Il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa għan-nondipendenza teknoloġika Ewropea u jfakkar fl-importanza li jinżamm aċċess sigur, awtonomu, affidabbli, kosteffettiv u affordabbli għall-ispazju. Tingħata attenzjoni partikolari lill-immaniġġar tat-traffiku fl-ispazju u ċ-ċibersigurtà spazjali.

    Sabiex jinkisbu dawn l-objettivi, il-Kunsill jenfasizza l-importanza ta' azzjonijiet koordinati mill-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-istati membri rispettivi tagħhom biex tissaħħaħ il-politika spazjali Ewropea.

  • 2020

    4 ta' Ġunju

    Politika dwar l-ispazju għal ekonomija sostenibbli: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet

    Il-Kunsill adotta sett ta' konklużjonijiet li jiffukaw fuq ir-rwol tal-politika dwar l-ispazju fl-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari:

    • l-ispazju għal tkabbir sostenibbli fit-tul
    • l-edukazzjoni u l-ħiliet għall-ispazju

    Il-Kunsill issottolinja l-ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp ta' settur spazjali Ewropew sostenibbli li jissodisfa d-domanda tal-ġenerazzjonijiet futuri u jiggarantixxi l-kompetittività Ewropea.

    Il-Kunsill appella wkoll lill-Kummissjoni Ewropea biex, flimkien mal-istati membri u b'kooperazzjoni mal-industrija, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-akkademiċi, tidentifika nuqqasijiet u lakuni futuri ta' ħiliet, u biex tikkunsidra soluzzjonijiet possibbli u inizjattivi mmirati.

  • 2020

    29 ta' Mejju

    Il-ministri jiddiskutu r-rwol tal-ispazju fl-irkupru tal-UE

    Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif jistgħu jżidu l-benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-applikazzjonijiet spazjali. Huma ddiskutew il-kontribut tad-data, is-servizzi u t-teknoloġiji spazjali għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE, u l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19.

    Blaženka Divjak, il-ministru għax-xjenza u l-edukazzjoni tal-Kroazja
    It-teknoloġiji spazjali qed jaqdu rwol kruċjali fit-tiftix ta' soluzzjonijiet u biex is-soċjetajiet tagħna jkunu jistgħu jiġġieldu l-kriżi attwali u kwalunkwe kriżi oħra. Huma għodda siewja fl-isforzi tagħna biex nippromwovu żvilupp reżiljenti u sostenibbli tas-soċjetajiet tagħna. Aħna ser nipprovdu lis-settur spazjali finanzjament u riżorsi umani adegwati sabiex nissalvagwardjaw is-sovranità Ewropea fl-ispazju.
    Blaženka Divjak, il-ministru għax-xjenza u l-edukazzjoni tal-Kroazja
    Blaženka Divjak, il-ministru għax-xjenza u l-edukazzjoni tal-Kroazja
  • 2019

    29 ta' Novembru

    Soluzzjonijiet spazjali għal Artiku sostenibbli: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rwol tas-servizzi bbażati fuq l-ispazju fl-iżgurar ta' reġjun Artiku sostenibbli.

    Il-ministri tal-UE ħeġġew lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Aġenzija tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) biex jikkollaboraw b'mod attiv mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), u l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta' Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT).

  • 2019

    28 ta' Mejju

    Konklużjonijiet tal-Kunsill: Spazju, faċilitatur tal-kompetittività

    Il-Kunsill iddiskuta modi kif jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ispazju.

    Il-ministri appellaw għal aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni marbuta mal-ispazju.

    Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar l-ispazju bħala faċilitatur ta’ ekonomija tal-UE aktar kompetittiva.

  • 2019

    13 ta' Marzu

    L-UE ssawwar il-programmi spazjali futuri tagħha

    L-UE qed tfassal il-programm tal-politika spazjali tagħha għas-snin 2021-2027. L-ambaxxaturi għall-UE kkonfermaw il-fehim komuni milħuq mill-presidenza tal-Kunsill mal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament dwar programm spazjali tal-UE.

    Ir-regolament ser jiżgura:

    • data u servizzi relatati mal-ispazju ta' kwalità għolja, aġġornati u siguri
    • żieda fit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE minħabba l-użu ta' tali data u servizzi
    • aktar sigurtà u awtonomija strateġika tal-UE
    • rwol aktar b'saħħtu għall-UE bħala attur ewlieni fis-settur tal-ispazju

    L-aspetti finanzjarji u aspetti oħra tal-programm spazjali tal-UE ser jiddependu mill-qbil futur dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, il-baġit fit-tul tal-UE.

  • 2018

    19 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni dwar il-programm spazjali tal-UE

    L-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' regolament dwar programm spazjali futur tal-UE. Din il-pożizzjoni tippermetti l-bidu ta' negozjati mal-Parlament Ewropew.

    Għan ewlieni tar-regolament il-ġdid huwa li jiżgura data u servizzi relatati mal-ispazjuta' kwalità għolja, aġġornati u siguri.

  • 2018

    29 ta' Mejju

    Il-Kunsill jiddiskuti l-futur tal-politika spazjali

    Il-ministri ddiskutew il-futur tal-politika Ewropea dwar l-ispazju, b'mod partikolari fil-kuntest tas-suq uniku diġitali.

    Fil-kuntest tal-ekonomija diġitali, l-ispazju għandu rwol dejjem aktar importanti x'jaqdi. Huwa infrastruttura inviżibbli użata biex jinkisbu u jitqassmu data u informazzjoni. Dan iwassal biex ifeġġu forom ġodda ta' mudelli tan-negozju. Emil Karanikolov, Ministru għall-Ekonomija tal-Bulgarija
  • 2017

    30 ta' Novembru - 1 ta' Diċembru

    Il-Kunsill imexxi 'l quddiem il-programmi spazjali tal-UE

    Il-Kunsill iddiskuta t-triq 'il quddiem għall-programmi spazjali tal-UE u adotta konklużjonijiet dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programm Copernicus.

    Il-ministri rrikonoxxew li l-programmi emblematiċi Galileo u Copernicus diġà qed jikkontribwixxu għall-benessri taċ-ċittadini Ewropej u għat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE. Żiedu jgħidu li d-data spazjali għandha potenzjal kbir fit-titjib tal-opportunitajiet ta' impjieg.

  • 2017

    29 u 30 ta' Mejju

    Il-Kunsill jistabbilixxi prijoritajiet għall-istrateġija spazjali

    Il-Kunsill kellu dibattitu dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija spazjali għall-Ewropa. Hu adotta wkoll konklużjonijiet li ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija.

    Il-ministri tennew li l-programmi spazjali tal-UE Galileo u Copernicus huma eżempji li rnexxew tal-benefiċċji u l-vantaġġi li l-integrazzjoni Ewropea tista' twassal mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE, iżda wkoll għad-dinja kollha.

  • 2016

    28 u 29 ta' Novembru

    Il-Kunsill jappoġġa strateġija spazjali ġdida

    Il-Kunsill laqa' l-istrateġija spazjali l-ġdida għall-Ewropa proposta mill-Kummissjoni Ewropea fis-26 ta' Ottubru 2016.

    Il-ministri kellhom dibattitu pubbliku dwar dawk l-azzjonijiet fl-istrateġija li jistgħu jwasslu għal benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini u l-kumpanniji Ewropej, u li jkollhom impatt pożittiv kbir fuq il-kompetittività tal-UE.

  • 2016

    26 ta' Mejju

    L-UE ser tiffoka fuq il-benefiċċji tad-data spazjali

    Il-Kunsill iddiskuta modi kif jista' jitjieb l-użu tad-data spazjali minn programmi spazjali Ewropej biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi.

    L-eżitu tad-diskussjoni ser jipprovdu kontribut għall-inizjattiva tal-Kummissjoni "Strateġija Spazjali għall-Ewropa", li ser tinħareġ fil-ħarifa tal-2016.

    Il-ministri indikaw li d-data, l-applikazzjonijiet u s-servizzi spazjali, flimkien mal-iżvilupp rapidu tal-ekonomija diġitali, jistgħu joffru benefiċċji enormi:

    • għall-politiki pubbliċi
    • għas-settur privat
    • għas-soċjetà inġenerali

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Mejju 2025