"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Spjegazzjoni tal-iskrinjar tal-investiment dirett barrani

Ir-regoli tal-UE dwar l-iskrinjar tal-investiment barrani jippermettu lill-istati membri jikkontrollaw l-investimenti barranin fl-UE u jindirizzaw kwalunkwe riskju għas-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Dan isir f'kooperazzjoni ma' stati membri oħra u mal-Kummissjoni.

X'inhu l-investiment dirett barrani?

L-investiment dirett barrani (IDB) huwa meta investitur effettivament jakkwista parteċipazzjoni f'kumpanija tal-UE jew kontroll tagħha. L-IDB huwa differenti mill-investiment ta' portafoll, fejn investitur jixtri ishma f'kumpanija mingħajr ma jipparteċipa fil-ġestjoni jew il-kontroll tal-kumpanija.

Bħall-kummerċ internazzjonali, l-IDB tipikament jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u jista' jiffaċilita t-trasferiment transfruntier ta' oġġetti, servizzi u kapital.

IDB eżoġenu u endoġenu

L-investiment dirett barrani jista' jkun eżoġenu jew endoġenu. L-IDB eżoġenu huwa meta investituri barranin jinvestu f'pajjiż jew f'reġjun u l-IDB endoġenu huwa meta investituri domestiċi jinvestu fi swieq barranin.

Tipikament l-IDB jitkejjel permezz ta' żewġ indikaturi ewlenin: stokks u flussi.

Stokks

L-istokks tal-IDB jagħtu stampa ta' kemm ikun jeżisti investiment barrani f'mument partikolari, u juru l-valur akkumulat totali.

L-istokk tal-IDB endoġenu huwa l-valur tal-ekwità tal-investituri tal-UE (interess proprjetarju f'kumpanija) u self nett lil kumpaniji barra mill-pajjiż.

L-istokk tal-IDB eżoġenu huwa l-valur tal-ekwità tal-investituri barranin u s-self nett lil kumpaniji residenti fl-UE.

Flussi

Il-flussi tal-IDB huwa indikatur tal-moviment, li juri l-valur ta' investimenti ġodda f'perjodu ta' żmien partikolari. Dan jikkonsisti fi tranżazzjonijiet ta' ekwità, investiment mill-ġdid ta' qligħ u tranżazzjonijiet ta' dejn bejn il-kumpaniji.

Il-flussi ta' IDB eżoġenu huwal-valur ta' investimenti barranin ġodda li jkunu deħlin fl-UE f'perjodu partikolari.

Il-flussi ta' IDB endoġenu huwa l-valur tal-investimenti li l-kumpaniji tal-UE jagħmlu barra l-pajjiż fl-istess perjodu.

L-IDB f'numri

L-UE hija l-fornitur ewlieni tad-dinja ta' investiment barrani u l-aqwa destinazzjoni globali għalih.

Fi tmiem l-2024, l-investimenti endoġeni mill-UE ammontaw għal €12.34 triljun u l-investimenti eżoġeni lejn l-UE ammontaw għal €10.59 triljun. Dawk iċ-ċifri jinkludu l-investimenti intra-UE (meta kumpanija minn pajjiż wieħed tal-UE tinvesti f'pajjiż ieħor tal-UE).

Jekk jitqiesu biss l-investimenti mhux tal-UE, allura l-investimenti endoġeni mill-UE ammontaw għal €9.31 triljun u l-investimenti eżoġeni lejn l-UE ammontaw għal €7.04 triljun.

Il-ħames sħab ewlenin kemm għall-investimenti eżoġeni kif ukoll għal dawk endoġeni huma:

  • l-Istati Uniti
  • ir-Renju Unit
  • l-Iżvizzera
  • il-Gżejjer Cayman
  • Singapore
Verżjoni testwali

Ċart alluvjali bl-aqwa 8 sorsi ta' IDB:

  • l-Istati Uniti: 31%
  • ir-Renju Unit: 17.5%
  • l-Iżvizzera: 8.9%
  • il-Gżejjer Cayman: 5%
  • Singapore: 3.9%
  • Bermuda: 3.5%
  • il-Kanada: 3.3%
  • il-Ġappun: 3.3%
Verżjoni testwali

Ċart alluvjali bl-aqwa 8 direzzjonijiet ta' IDB:

  • l-Istati Uniti: 28.7%
  • ir-Renju Unit: 19.5%
  • l-Iżvizzera: 8.4%
  • il-Gżejjer Cayman: 3%
  • Singapore: 2.7%
  • Bermuda: 2.6%
  • il-Kanada: 2.6%
  • il-Ġappun: 2.5%

Entitajiet bi skop speċjali

Entità bi skop speċjali (SPE) hija entità ġuridika - bħal sussidjarja, kumpanija azzjonarja, jew veikolu ta' finanzjament - maħluqa f'pajjiż prinċipalment għal skopijiet finanzjarji, fiskali, jew regolatorji aktar milli biex twettaq attivitajiet ekonomiċi reali hemmhekk.

L-SPEs għandhom rwol sinifikanti fl-IDB. Fi tmiem l-2024 kienu jirrappreżentaw 29% tal-istokkijiet totali tal-IDB tal-UE miżmuma barra mill-pajjiż, u 34% tal-istokkijiet tal-IDB miżmuma mill-bqija tad-dinja fl-UE.

L-objettivi tal-investiment tal-UE

L-UE hija waħda mill-aktar postijiet miftuħa għall-investiment fid-dinja u ssegwi politika koordinata dwar l-IDB. L-UE tinnegozja u timplimenta wkoll regoli tal-investiment fi ftehimiet kummerċjali jew fi ftehimiet ta' investiment separati.

L-għanijiet ewlenin tal-politika ta' investiment tal-UE jinkludu:

  • l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwivalenti biex la l-investituri tal-UE u lanqas dawk barranin ma jiġu diskriminati jew trattati ħażin
  • l-iffaċilitar tal-investimenti fl-UE permezz ta' ambjent tan-negozju prevedibbli u trasparenti
  • l-inkoraġġiment ta' investimenti li jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali

Regoli dwar l-iskrinjar

L-UE għandha fis-seħħ regoli dwar l-iskrinjar tal-IDB, biex l-istati membri jkunu jistgħu jivverifikaw l-investimenti barranin fl-UE u jindirizzaw kwalunkwe riskju għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku. Huma jagħmlu dan f'kooperazzjoni ma' stati membri oħra u mal-Kummissjoni Ewropea.

Il-kooperazzjoni fl-UE kollha u l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-investimenti minn barra l-pajjiż huma meħtieġa minħabba li l-IDB fi stat membru wieħed jista' joħloq riskji għas-sigurtà jew l-ordni pubbliku fi stat membru ieħor jew saħansitra fl-UE kollha.

Il-Kunsill l-ewwel adotta regolament dwar l-iskrinjar tal-IDB fil-5 ta' Marzu 2019, u r-regoli ilhom japplikaw minn Ottubru 2020. Fost affarijiet oħra, ir-regolament ħoloq mekkaniżmu ta' kooperazzjoni biex jitqajjem u jiġi diskuss tħassib marbut ma' investimenti speċifiċi, stabbilixxa rekwiżiti għal mekkaniżmi ta' skrinjar fil-livell nazzjonali u għamilha possibbli għall-Kummissjoni li toħroġ opinjonijiet dwar kwalunkwe investiment li jhedded is-sigurtà ta' aktar minn stat membru wieħed.

Biex ikun hemm rispons aħjar għall-isfidi ġġenerati mit-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru u l-iżviluppi teknoloġiċi, filwaqt li tinżamm ukoll il-pożizzjoni tal-UE bħala waħda mill-aktar żoni miftuħa għall-investiment fid-dinja, fl-2024 il-Kummissjoni ressqet proposta biex ittejjeb ir-regoli dwar l-iskrinjar tal-IDB. Filwaqt li jibnu fuq rieżami ta' 1200 każ ta' IDB li sar bejn l-2021 u l-2024, ir-regoli l-ġodda ser:

  • jiżguraw li l-istati membri kollha jkollhom fis-seħħ mekkaniżmu ta' skrinjar, b'regoli nazzjonali aktar armonizzati
  • jestendu l-iskrinjar tal-UE biex jiġu inklużi investimenti minn investituri tal-UE li fl-aħħar mill-aħħar huma kkontrollati minn individwi jew negozji minn pajjiż mhux tal-UE

F'Ġunju 2026, il-Kunsill adotta formalment r-regolament rivedut. Fost affarijiet oħra, ir-regoli l-ġodda ser jintroduċu kamp ta' applikazzjoni settorjali minimu, li jirrikjedi li l-istati membri kollha jiskrinjaw l-investimenti barranin fi:

  • oġġetti b'użu doppju u tagħmir militari
  • teknoloġiji iperkritiċi
  • materja prima kritika
  • entitajiet kritiċi fl-enerġija, it-trasport u l-infrastruttura diġitali
  • infrastruttura elettorali
  • sett limitat ta' entitajiet tas-sistema finanzjarja

Ir-regoli ser jibdew japplikaw 18-il xahar wara li jidħol fis-seħħ ir-regolament rivedut.

L-arranġamenti riveduti għall-iskrinjar tal-IDB huma parti mill-istrateġija tal-UE biex issaħħaħ is-sigurtà ekonomika tagħha u biex tipproteġi s-setturi strateġiċi tal-industrija minn investimenti riskjużi minn investituri barranin.

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Settembru 2026