Servizzi tal-media awdjoviżiva
Bħal oġġetti u servizzi oħrajn, il-media awdjoviżiva hi soġġetta għar-regoli tas-suq uniku Ewropew.
Id-direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva (AVMSD) ħejjiet it-triq li twassal lejn suq uniku Ewropew għas-servizzi tal-media awdjoviżiva permezz ta':
- armonizzazzjoni ta' ċerti regoli marbutin mal-forniment ta' servizzi awdjoviżivi
- faċilitazzjoni tal-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva madwar l-UE abbażi tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini
L-AVMSD tistabbilixxi l-bażi għal suq tal-UE għas-servizzi awdjoviżivi li jkun miftuħ u ġust. Id-direttiva tirregola kemm ix-xandir televiżiv tradizzjonali kif ukoll servizzi fuq talba ġodda, għalkemm fuq livell differenti.
Il-kronoloġija li tidher hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn id-dibattiti li qed isiru bħalissa fil-Kunsill bil-għan li d-direttiva tiġi aġġornata.
Fid-dawl ta' bidliet teknoloġiċi rapidi, il-feġġ ta' mudelli ġodda ta' operat u t-tibdil fl-imġiba tat-telespettaturi, il-Kummissjoni ddeċidiet li timmodernizza d-direttiva u f'Mejju 2016 adottat proposta emendatorja. Fost l-elementi ewlenin tal-proposta nsibu:
- l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva biex tkopri pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-videos, biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-minorenni u l-protezzjoni kontra l-inċitament għall-mibegħda u l-vjolenza
- aktar allinjament tar-regoli li japplikaw għal servizzi lineari u għal servizzi fuq talba biex it-televiżjoni ssir aktar kompetittiva meta mqabbla mal-fornituri ta' servizzi ta' video fuq talba
- it-tisħiħ tal-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali u l-ħolqien ta' korp Ewropew ta' regolaturi nazzjonali (ERGA) biex jiġi żgurat li din id-direttiva tiġi implimentata aħjar u b'mod aktar armonizzat
L-AVMSD hi parti mill-istrateġija tas-suq uniku diġitali li għandha l-għan li tiżgura li l-ekonomija, l-industrija u s-soċjetà fl-Ewropa jibbenefikaw kemm jista' jkun mill-era diġitali l-ġdida. Is-suq u t-teknoloġija qed jiżviluppaw b'mod rapidu, u l-UE trid tiżgura li r-regoli rilevanti jżommu l-pass ma' dawn il-bidliet.
Iktar minn miljun ċittadin tal-UE huma impjegati direttament fis-settur awdjoviżiv u tal-media. Jeħtieġ li s-settur awdjoviżiv u tal-media jadatta u joħloq qafas tal-media għas-seklu 21.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini hu element fundamentali tad-direttiva. Il-fornituri tas-servizzi huma soġġetti biss għar-regoli li japplikaw fil-pajjiż fejn ikunu stabbiliti. Bħala medja, 31% tas-servizzi video fuq talba disponibbli f'wieħed mill-istati membri huma stabbiliti fi stat membru ieħor.
Għalfejn jeħtieġ li l-istrateġija tiġi riveduta?
Minn meta ġiet adottata fl-2010, l-isfera tal-media awdjoviżiva nbidlet b'mod sinifikanti. It-telespettaturi, u b'mod partikolari l-minorenni, qegħdin jitbiegħdu mit-televiżjoni tradizzjonali lejn id-dinja online, filwaqt li l-piż regolatorju fuq it-televiżjoni hu ferm ikbar.
Dan ma jkoprix biss il-media iktar tradizzjonali bħat-televiżjoni (inkluż ir-riklami, l-isponsorizzazzjoni, l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali fil-programmi tat-TV), iżda wkoll pubblikazzjonijiet diġitali u servizzi online tal-media ġodda. Il-proposta għandha l-għan li tkopri l-pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-videos u s-servizzi ta' videos fuq talba ("video-on-demand"). Il-media soċjali ġiet inkluża fi stadju iktar tard fid-diskussjonijiet.
Għalhekk, id-direttiva tintroduċi flessibbiltà f'każ li r-restrizzjonijiet li japplikaw biss għat-televiżjoni ma jibqgħux ġustifikati. Fl-istess ħin, tiżgura li l-konsumaturi ser ikunu protetti biżżejjed fid-dinja tas-servizzi fuq talba u tal-Internet, filwaqt li tiżgura li l-innovazzjoni ma tinħonoqx. L-idea hi li jinkiseb bilanċ bejn il-kompetittività u l-protezzjoni tal-konsumaturi.
L-UE fl-era ġdida diġitali
il-ħin li n-nies iqattgħu quddiem it-TV qed jonqos
il-ħin li ż-żgħażagħ iqattgħu quddiem it-TV naqas b'7.5%
il-proporzjon tal-kondiviżjoni tal-videos mit-traffiku fl-internet mill-konsumaturi mistenni jiżdied minn 64% fl-2014 għal 80% sal-2019
L-għan tal-proposta huwa li twieġeb għall-bidliet teknoloġiċi u tas-suq mingħajr preċedent li ġabet magħha t-transizzjoni diġitali sabiex tiġi ppreservata l-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva Ewropea, filwaqt li jiġu ppreservati l-interessi tal-pubbliku ġenerali, bħal:
- il-protezzjoni tal-minorenni
- il-libertà u l-pluraliżmu tal-media
- id-diversità kulturali
- il-protezzjoni tal-konsumaturi
Il-proposta tipprovdi r-regoli meħtieġa għat-tiswir tal-iżviluppi teknoloġiċi bil-għan tal-protezzjoni taċ-ċittadini tagħna u b'mod partikolari tat-tfal tagħna minn kontenut awdjoviżiv ta' ħsara, bħall-inċitament għall-mibegħda, il-vjolenza u t-terroriżmu, filwaqt li tiġi ppreservata l-libertà tal-espressjoni.
Wara konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-Kummissjoni, il-kwistjonijiet li ġejjin ġew identifikati bħala dawk li għandhom jiġu rieżaminati fl-AVMSD riveduta:
- jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-servizzi tal-media awdjoviżiva
- jingħata livell ottimali ta' protezzjoni tal-konsumaturi
- l-utenti jiġu protetti u jiġu pprojbiti l-inċitament għall-mibegħda u d-diskriminazzjoni
- jiġi promoss il-kontenut awdjoviżiv Ewropew
- jissaħħaħ is-suq uniku
- jissaħħu l-libertà u l-pluraliżmu tal-media
- jingħata aċċess għall-informazzjoni u l-kontenut lill-persuni b'diżabilità
Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA)
L-ERGA jlaqqa' lill-kapijiet jew lir-rappreżentanti ta' livell għoli ta' korpi regolatorji indipendenti nazzjonali fil-qasam tas-servizzi awdjoviżivi, biex jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-AVMSD tal-UE.
Fid‑dettall
Il-qbil bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew joħloq bilanċ bejn ir-regoli attwali u l-ħtieġa ta' riforma. Ir-regoli l-ġodda:
- joħolqu kondizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi kollha fil-qasam tal-protezzjoni tat-telespettaturi, b'mod indipendenti mis-servizz li jipprovdu u l-pjattaforma li jużaw. L-utenti ser jingħataw l-istess livell ta' protezzjoni kemm jekk ikunu qed jaraw film fuq it-televiżjoni tradizzjonali kif ukoll jekk jarawh fuq it-televiżjoni b'servizzi fuq talba.
- jintroduċu responsabbiltà ċara għall-pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-videos biex itejbu l-protezzjoni tal-minorenni u l-utenti kollha minn kontenut vjolenti jew ta' ħsara, kif ukoll mid-diskors ta' mibegħda. L-istati membri ser ikunu jistgħu jieħdu azzjoni permezz tar-regolaturi awdjoviżivi nazzjonali tagħhom kontra dawk l-operaturi li ma jirrispettawx ir-regoli
Element importanti tar-regoli l-ġodda huwa l-estensjoni tal-ambitu għall-pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-videos u għas-servizzi fuq talba li għandhom l-għan li:
- iżidu d-diversità kulturali u jippromwovu l-kontenut Ewropew, peress li fornituri tas-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba ser ikollhom jiżguraw li mill-anqas 30% tal-katalgi tagħhom jikkonsistu f'kontenut Ewropew u li dan jingħata l-prominenza adegwata
- jagħmlu disponibbli riżorsi li għandhom jiġu investiti fil-produzzjoni ta' kontenut Ewropew billi l-istati membri jistgħu jeżiġu kontribuzzjoni finanzjarja mill-fornituri ta' servizzi tat-televiżjoni u ta' media fuq talba, inkluż dawk stabbiliti fi stat membru ieħor, b'eżenzjonijiet li jistgħu jagħmluha aktar faċli għal negozji ġodda u kumpanniji żgħar
Elementi distintivi oħra tar-regoli l-ġodda jinkludu:
- it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet awdjoviżivi tal-istati membri permezz tat-tisħiħ tal-grupp tar-regolaturi Ewropej għas-servizzi tal-media awdjoviżiva (ERGA) u l-istabbiliment tar-rwol tiegħu fil-leġislazzjoni tal-UE
- il-garanzija tal-flessibbiltà peress li l-istati membri ser ikunu jistgħu jadattaw ir-regoli għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u anki jadottaw regoli aktar stretti jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan
Fil‑Kunsill
F'Mejju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bħala parti mill-istrateġija tagħha għal suq uniku diġitali. Il-proposta ilha tiġi eżaminata fil-Kunsill matul diversi presidenzi u f'Novembru 2016 il-Presidenza Slovakka ppreżentat rapport ta' progress.
F'Mejju 2017, il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali, waqt li l-ikbar diverġenzi bejn il-fehmiet tal-Ministri kienu rigward l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni għall-pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-videos, id-dispożizzjonijiet rigward il-ġurisdizzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej f'servizzi fuq talba. Tmien stati membri opponew l-approċċ ġenerali, l-iktar minħabba l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni għall-kontenut awdjoviżiv fuq il-media soċjali u l-kwota ta' 30% ta' xogħlijiet Ewropej imposta fuq is-servizzi fuq talba u l-possibbiltà li jintalbu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn ċerti xandara televiżivi.
B'kollox saru 10 trilogi. Id-disa' trilogu informali li sar fis-26 ta' April 2018 ippermetta li jintlaħaq qbil politiku b'rabta ma' kwistjonijiet pendenti ewlenin, biex b'hekk witta t-triq għall-qbil finali li ntlaħaq matul l-aħħar trilogu fis-6 ta' Ġunju 2018.
Fit-13 ta' Ġunju, il-Coreper ikkonferma t-test ta' kompromess finali. It-test finali ntbagħat lill-Parlament Ewropew għal approvazzjoni u adozzjoni fl-ewwel qari.
Fis-6 ta' Novembru 2018, il-Kunsill adotta d-direttiva.
Kuntest
Id-direttiva attwali tal-UE dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva tirregola, fuq il-livell tal-UE, il-koordinazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-media awdjoviżiva kollha, kemm ix-xandiriet televiżivi tradizzjonali kif ukoll is-servizzi fuq talba.
Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika biex issir taf il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha dwar kif l-isfera tal-media awdjoviżiva Ewropea tista' tiġi adattata għall-era diġitali. Il-konsultazzjoni damet għaddejja minn Lulju sa Settembru 2015.
Dokumenti u pubblikazzjonijiet relatati
-
2019
21 ta' NovembruIl-Kunsill jiddiskuti modi biex jissaħħaħ is-settur awdjoviżiv
Il-Kunsill kellu dibattitu pubbliku, intitolat "Il-vantaġġi, il-potenzjal ta' innovazzjoni u l-kompetittività globali tal-industriji kulturali, kreattivi u awdjoviżivi Ewropej".
-
2018
6 ta' NovembruIl-Kunsill jadotta regoli ġodda għall-protezzjoni tal-minorenni u għal aktar kontenut tal-UE
L-UE taġġorna r-regoli għas-servizzi tal-media awdjoviżiva; it-televiżjoni tradizzjonali u servizzi ġodda bħax-xandir fuq talba issa ser ikollhom kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Barra minn hekk daħlu regoli ġodda għall-pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-videos li jiżguraw li t-telespettaturi, u b'mod partikolari l-minorenni, ikunu protetti aħjar minn kontenut vjolenti jew ta' ħsara jew diskors ta' mibegħda.
Ir-regoli l-ġodda għandhom ukoll l-għan li jżidu d-diversità kulturali u jippromwovu l-kontenut Ewropew billi jintroduċu kwota ta' mill-anqas 30 % ta' kontenut Ewropew fil-katalgu ta' fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba.
-
2018
13 ta' ĠunjuIl-Kunsill jaqbel dwar regoli ġodda għall-protezzjoni tal-minorenni u għal aktar kontenut tal-UE
L-ambaxxaturi għall-UE kkonfermaw il-ftehim għall-modernizzazzjonitar-regoli eżistenti dwar il-provvista ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fl-Ewropa. Dan sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn is-settur tax-xandir tradizzjonali, jiġifieri t-televiżjoni, u s-servizzi l-ġodda bħal servizzi ta' video fuq talba, pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-videos u l-kontenut awdjoviżiv fuq in-netwerks soċjali. L-objettivi jinkludu:
- il-protezzjoni aħjar tat-telespettaturi
- l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni
- il-promozzjoni tal-kontenut awdjoviżiv Ewropew
-
2017
22 u 23 ta' MejjuL-adattament għat-tibdil teknoloġiku, filwaqt li jiġu ppreservati l-kompetittività Ewropea u l-valuri fundamentali fis-servizzi awdjoviżivi
Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar il-proposta għal direttiva riveduta dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva. Kien hemm diversi kwistjonijiet li kkawżaw diverġenzi fil-fehmiet:
- il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva
- ir-regoli marbutin mal-ġurisdizzjoni
- il-kwota għax-xogħlijiet Ewropej
- il-kontribuzzjonijiet finanzjarji