Ikel ġdid
Fl-2013, il-Kummissjoni żvelat proposta għal regolament dwar ikel ġdid, maħsuba sabiex jiġu aġġornati r-regoli eżistenti li jmorru lura għall-1997.
Il-progress xjentifiku u teknoloġiku wassal għal bidliet fil-produzzjoni tal-ikel, u ġġenera ingredjenti u metodi ta’ produzzjoni ġodda bħan-nanoteknoloġija. Barra minn hekk, it-turiżmu tal-massa u l-migrazzjoni kabbru l-interess f'ikel - bħal insetti jew frott tropikali - li ma kienx jagħmel parti mid-dieti tradizzjonali fl-UE.
Dan żied il-ħtieġa li l-konsumaturi jkollhom moħħhom mistrieħ mis-sikurezza ta’ prodotti ġodda fis-suq.
B’mod ġenerali, il-leġislazzjoni proposta għandha l-għan li tiffaċilita aktar il-moviment liberu ta’ ikel ġdid fis-suq uniku tal-UE filwaqt li jinżamm il-livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel.
Hija tfittex li tħaffef il-proċedura tal-awtorizzazzjoni li tivvaluta s-sikurezza tal-ikel qabel ma jitqiegħed fis-suq. Għandha wkoll l-għan li tiċċara d-definizzjoni ta’ ikel ġdid.
Fis-16 ta’ Novembru 2015, il-Kunsill adotta regoli ġodda, kif approvati mill-Parlament Ewropew fit-28 ta’ Ottubru 2015.
X'inhu “ikel ġdid” fis-suq tal-UE?
Huwa ikel li ma kienx ikkunsmat 'fi kwantità sinifikanti' fl-UE qabel Mejju 1997, meta daħal fis-seħħ l-ewwel regolament f'dan il-qasam. Id-definizzjoni tinkludi ikel b’ingredjenti ġodda jew ikel li għalih jiġi applikat proċess ġdid ta’ produzzjoni. L-eżempji jinkludu:
- prodotti tat-tip tal-ħalib u prodotti tat-tip tal-jogurt miżjudin b'esteri fitosteroli
- fosfolipidi minn isfar tal-bajd
- proteini koagulati tal-patata u idrolisati tagħhom
Regoli ġodda
It-test miftiehem jintroduċi għadd ta’ bidliet għar-regoli eżistenti.
Proċedura ta’ awtorizzazzjoni aktar mgħaġġla
Bir-regoli l-ġodda l-proċedura tal-awtorizzazzjoni ser tieħu medja ta’ madwar 18-il xahar minflok it-tliet snin ta' bħalissa.
Ir-regoli l-ġodda ser jissostitwixxu s-sistema preżenti ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali b'waħda fuq livell ta' UE. Dan ikun ifisser li, ladarba jkun awtorizzat u miżjud fil-lista tal-UE, ikel ġdid jista’ jitqiegħed fis-suq minn kwalunkwe operatur kummerċjali tal-ikel. B'hekk, negozji oħra ma jkollhomx bżonn jerġgħu jressqu applikazzjoni għall-istess ikel ġdid.
L-abbozz ta’ regolament ser itejjeb ukoll it-trasparenza tal-proċedura, billi jippermetti lil kwalunkwe parti interessata tibgħat informazzjoni xjentifika lill-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, u b'hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tat-testijiet, speċjalment fuq l-annimali.
Nanomaterjali
Ir-regoli ġodda jkopru ikel li fih jew li jikkonsisti minn nanomaterjali manifatturati u jirrikjedu li l-metodi tal-ittestjar applikati għall-analiżi jkunu adegwati għall-karatteristiċi ta’ dawk il-materjali.
Il-Kummissjoni għandha mandat biex tadatta skont il-progress tekniku d-definizzjoni ta’ nanomaterjali manifatturati jew id-definizzjonijiet miftehma f'livell internazzjonali.
Klonazzjoni
Ir-regoli l-ġodda ser japplikaw għal ikel minn kloni tal-annimali, sakemm jidħlu fis-seħħ regoli speċifiċi dwar is-suġġett. Abbozz mill-Kummissjoni tar-regoli dwar il-klonazzjoni bħalissa qed jiġi diskuss fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew.
Ikel minn tessuti u insetti
Ir-regoli l-ġodda ser japplikaw ukoll għal ikel magħmul minn kultura ta' tessut u ta' ċelloli kif ukoll minn insetti. B'riżultat ta' dan, ikunu wkoll soġġetti għal proċedura ta' awtorizzazzjoni.
Dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda
Wara li l-Kunsill adotta regoli ġodda fis-16 ta’ Novembru 2015, dawn ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-11 ta’ Diċembru 2015 u daħlu fis-seħħ 20 jum wara. Dawn ser ikunu applikabbli fil-pajjiżi tal-UE sentejn wara d-dħul fis-seħħ tagħhom.