Skip to content

Is-Semestru Ewropew fl-2016

Novembru

Stħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2017

L-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2017 jipproponi li l-istati membri tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

  • li tingħata spinta ġdida lill-investiment
  • li jsiru riformi strutturali
  • li tiġi żgurata politika fiskali pubblika responsabbli

Qed issir enfasi wkoll fuq l-importanza li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali bħala mod biex jiġi stimulat aktar tkabbir inklużiv u fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-produttività.

Rapport konġunt dwar l-impjiegi

Ir-rapport konġunt dwar l-impjiegi jikkonkludi li l-impjiegi u s-sitwazzjoni soċjali fl-UE qed jitjiebu fi sfond ta' rkupru ekonomiku moderat. Il-biċċa l-kbira tal-indikaturi tas-suq tax-xogħol urew titjib fl-2016. Ir-rata tal-qgħad baqgħet tonqos u f'Settembru 2016 kienet 8.6% (10% fiż-żona tal-euro). Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul ukoll kompla jonqos, għalkemm għadu għoli f'diversi stati membri.

Rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija

Ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija mill-Kummissjoni Ewropea jagħti analiżi tas-sitwazzjoni fil-kuntest ta' rkupru ekonomiku li qed ikompli iżda li għadu fraġli.

Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel analiżijiet fil-fond fi 13-il stat membru biex tivvaluta jekk hux possibbli li dawn qed iġarrbu żbilanċi: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.

Għall-istati membri li jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja, is-sorveljanza tal-iżbilanċi tagħhom u l-monitoraġġ tal-miżuri korrettivi jsiru fil-kuntest tal-programmi ta' għajnuna tagħhom. Din is-sena dan jikkonċerna lill-Greċja.

Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro għall-2017

L-abbozz ta' rakkomandazzjoni għall-2017, fost miżuri oħrajn, jipproponi li ż-żona tal-euro għandha tikseb pożizzjoni fiskali pożittiva, timplimenta politiki li jappoġġaw it-tkabbir, taqbel dwar skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti u tikkunsidra miżuri oħrajn biex issaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Ottubru

Il-Kunsill jiddiskuti t-tagħlimiet meħuda mis-Semestru Ewropew 2016

Fl-11 ta’ Ottubru, il-Kunsill iddiskuta t-tagħlimiet meħuda mis-Semestru Ewropew tal-2016 u fejn hemm lok għat-titjib fiċ-ċiklu li jmiss tas-Semestru Ewropew.

Id-diskussjoni saret eżerċizzju annwali fil-Kunsill bl-għan li jitjieb kontinwament il-funzjonament tas-Semestru. L-iskambju ta’ fehmiet kien ibbażat fuq ittra mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Il-Kumitat enfasizza żewġ oqsma fejn tenħtieġ aktar ħidma wara s-Semestru Ewropew 2016: sjieda nazzjonali u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

Sabiex ikun hemm titjib f’dawn iż-żewġ aspetti, il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata iktar pubbliċità lill-proċess u jiġu inkoraġġuti aktar djalogi bilaterali bejn l-istati membri kif ukoll evalwazzjonijiet bejn il-pari bejniethom.

Huwa jappella wkoll għal aktar koordinazzjoni u konsistenza bejn ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea lill-istati membri, speċjalment bejn ir-rakkomandazzjonijiet immirati lejn kwistjonijiet fiskali u l-pożizzjoni fiskali u r-rakkomandazzjonijiet għal riformi strutturali.

Lulju

Il-Kunsill Ewropew japprova rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

Fit-12 ta' Lulju 2016 il-Kunsill approva r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs). Ta wkoll spjegazzjonijiet f'każijiet fejn il-Kunsill kien emenda r-rakkomandazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni. Biex tiġi evitata duplikazzjoni, ma hemmx CSRs għall-Greċja, peress li l-pajjiż hu soġġett għal programmi ta’ aġġustament makroekonomiku.

Ġunju

Il-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet finali speċifiċi għall-pajjiżi, jikkompleta s-Semestru Ewropew 2016

Il-Kunsill jadotta formalment ir-rakkomandazzjonijiet għall-istati membri tal-UE, wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju. Dan huwa l-pass finali fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2016.

Ir-rakkomandazzjonijiet jikkonċentraw fuq il-politiki ekonomiċi, fiskali u tal-impjieg u r-riformi strutturali tal-istati membri, skont is-sitwazzjoni ta' kull pajjiż. Il-gvernijiet huma mistennija jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet matul l-2016.

Ir-rakkomandazzjonijiet għal Spanja u l-Portugall ġew kemxejn aġġornati skont il-passi xierqa li għandhom jittieħdu fil-qafas tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

Iċ-ċiklu l-ġdid tas-Semestru Ewropew jibda tard fil-ħarifa tal-2016.

Deċiżjonijiet dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv

Fit-12 ta’ Lulju, il-Kunsill adotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu li l-Portugall u Spanja ma ħadux azzjoni effettiva f’rispons għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2013, li tat parir biex jiġu kkoreġuti d-defiċits tal-gvern tagħhom sal-2015 u l-2016 rispettivament.

Wara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill u f’konformità mar-regoli tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni Ewropea mistennija tippreżenta proposta għal sanzjonijiet fi żmien 20 jum. Is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu multi ta’ mhux aktar minn 0.2% tal-PDG u sospensjoni parzjali tal-finanzjament disponibbli mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE.

Id-Deċiżjonijiet dwar is-sanzjonijiet ser jitqiesu bħala adottati dment li l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor fi żmien għaxart ijiem wara l-proposta tal-Kummissjoni.

Spanja u l-Portugall jistgħu jibagħtu talba motivata biex jitnaqqsu jew jiġu kkanċellati s-sanzjonijiet fi żmien għaxart ijiem.

Il-Kunsill Ewropew japprova rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

Fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta’ Ġunju, il-Kunsill Ewropew approva r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, wara li ġew analizzati u approvati minn diversi konfigurazzjonijiet tal-Kunsill.

Il-Kunsill japprova r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2016

Fis-17 ta’ Ġunju, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji approva r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għal 27 stat membru għall-2016. M’hemm ebda rakkomandazzjoni għall-Greċja, peress li l-politiki ekonomiċi tagħha qed isirilhom monitoraġġ taħt programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ikopru l-programmi nazzjonali ta’ riforma ppreżentati mill-istati membri aktar kmieni din is-sena u jinkludu l-opinjonijiet tal-Kunsill dwar il-programmi nazzjonali ta’ stabbiltà u konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu wkoll pariri li joħorġu mill-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi.

Il-Kunsill approva wkoll dokument li jispjega l-bidliet li għamel fl-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi proposti mill-Kummissjoni Ewropea.

Xi partijiet tal-programmi nazzjonali ta’ riforma ġew eżaminati mill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur fl-14 ta’ Ġunju 2016.

Proċedura ta' defiċit eċċessiv

Fis-17 ta’ Ġunju, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ddeċieda li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv f’Ċipru, l-Irlanda u s-Slovenja ġiet ikkoreġuta. Għalhekk ħassar id-deċiżjonijiet rispettivi tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f’dawk il-pajjiżi. Id-deċiżjonijiet ittieħdu abbażi tal-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea.

Mejju

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-analiżijiet fil-fond tal-2016 u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2015

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet fil-laqgħa tal-Ecofin tal-25 ta’ Mejju.

Il-Kunsill jaqbel mar-riżultati tal-analiżi fil-fond imwettqa mill-Kummissjoni f’19-il stat membru, kif ukoll mal-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni tas-sitwazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi f’dawk il-pajjiżi li, skont il-kriterji, jistgħu jvarjaw minn (żbilanċi) noneżistenti għal eċċessivi.

Fost kwistjonijiet oħra, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa ta’ azzjoni politika u impenn qawwi favur riformi strutturali fl-istati membri kollha, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-iżbilanċi jaffettwaw il-funzjonament tajjeb taż-żona tal-euro.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2015, il-Kunsill ikkonkluda li r-riżultati mhumiex uniformi bejn l-oqsma tal-politika u bejn l-istati membri u li fi ftit każijiet biss sar progress sostanzjali. F’dan il-kuntest, hemm ħtieġa urġenti ta’ titjib fil-kundizzjonijiet għall-investiment sabiex jiġi attirat aktar investiment privat fl-ekonomija reali.

Abbozz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

Fit-18 ta’ Mejju l-Kummissjoni Ewropea pproponiet abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li jagħtu pariri mfassla apposta dwar il-politika ekonomika għall-Istati Membri tal-UE għat-12 sat-18-il xahar li ġejjin sabiex jissaħħaħ it-tkabbir.

L-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet tal-2016 jiffoka fuq tliet oqsma ta' prijorità għat-tisħiħ tal-irkupru ekonomiku tal-istati membri: riformi strutturali, investiment u politiki fiskali responsabbli.

Din is-sena, l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, fost affarijiet oħra, poġġew enfasi akbar fuq l-isfidi taż-żona tal-euro u l-interdipendenza bejn l-ekonomiji taż-żona tal-euro, skont ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro li dwarha hemm qbil.

Ir-rakkomandazzjonijiet għall-Portugall u Spanja jinkludu referenzi speċifiċi għall-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi tagħhom fl-2016 u l-2017 rispettivament.

Il-Kunsill ser janalizza r-rakkomandazzjonijiet proposti bl-għan li jiġu adottati f’Ġunju 2016.

Proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi

Il-Kummissjoni identifikat il-Kroazja u l-Portugall bħala li qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi li jeħtieġu azzjoni u li normalment jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ żbilanċi eċċessivi.

Madankollu, jekk iż-żewġ pajjiżi jimplimentaw il-programmi nazzjonali ta’ riforma ambizzjużi u ġeneralment adegwati tagħhom b'mod rigoruż u fil-ħin, jista' jkun li l-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi ma jkollhiex għalfejn tinfetaħ.

Proċedura ta' defiċit eċċessiv

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għal Ċipru, l-Irlanda u s-Slovenja.

Kmieni f'Lulju, jista’ jkun li jiġu adottati deċiżjonijiet formali fil-kuntest tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fuq il-bażi ta’ valutazzjoni dwar l-azzjoni meħuda minn Spanja u l-Portugall b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill attwalment fis-seħħ.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Belġju, l-Italja u l-Finlandja bħalissa jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istabbiltà u t-tkabbir, b'mod partikolari l-kriterju tad-dejn. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Italja ser tiġi riveduta f’Novembru 2016.

Marzu

Il-Kunsill Ewropew japprova l-prijoritajiet ta' politika

Fis-17 ta’ Marzu, il-Kunsill Ewropew approva l-oqsma ta’ prijorità ta' politika tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2016:

  • li tingħata spinta ġdida lill-investiment
  • li jsiru riformi strutturali għall-immodernizzar tal-ekonomiji tagħna
  • li jitwettqu politiki fiskali responsabbli

Dawn il-prijoritajiet ser jiggwidaw il-programmi nazzjonali ta’ riforma u l-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza tal-istati membri għall-2016.

Il-Kunsill Ewropew innota wkoll il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet soċjali u enfasizza l-importanza ta' swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali li jiffunzjonaw tajjeb.

Rapporti dwar il-pajjiżi u analiżijiet fil-fond tal-iżbilanċi makroekonomiċi

Fit-8 ta’ Marzu, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni li tiġbor fil-qosor ir-riżultati tar-rapporti reċenti tagħha dwar 26 pajjiż, li jinkludu analiżijiet fil-fond tas-sitwazzjoni makroekonomika għal 18-il stat membru: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżvezja, il-Kroazja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija.

Hija kkonkludiet li, imqabbel mal-2015, l-istati membri tal-UE qed jagħmlu progress fl-indirizzar tal-iżbilanċi fl-ekonomiji tagħhom. Imxew 'il quddiem ukoll fit-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa mill-Kunsill is-sena li għaddiet, għalkemm mhux indaqs bejn il-pajjiżi u bejn l-oqsma ta' politika.

L-iskop tal-analiżijiet fil-fond hu li tinftiehem aħjar is-sitwazzjoni makroekonomika fil-pajjiżi li fir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija għall-2016 huma identifikati bħala li possibbilment għandhom żbilanċi makroekonomiċi. L-analiżijiet jgħinu biex jiddeterminaw jekk jeżistux żbilanċi, kemm huma gravi, u jekk hux meħtieġ li tinfetaħ il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.

Biex tiġi ssimplifikata l-applikazzjoni tal-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi, fl-2016 il-kategorizzazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi tnaqqset minn sitt kategoriji għal erbgħa: ebda żbilanċ, żbilanċi, żbilanċi eċċessivi u żbilanċi eċċessivi b'azzjoni korrettiva.

F’Marzu l-Kummissjoni kkonkludiet li l-ekonomiji ta’ sitt pajjiżi mhux qed iġarrbu żbilanċi ekonomiċi skont il-kriterji tal-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi, seba’ pajjiżi qed iġarrbu żbilanċi u f’ħames pajjiżi ġew identifikati żbilanċi eċċessivi.

Ċipru lesta l-programm ta’ aġġustament finanzjarju tiegħu fil-31 ta’ Marzu 2016, u issa huwa soġġett għaċ-ċiklu regolari tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea, inkluża l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku. Il-Kummissjoni Ewropea adottat analiżi fil-fond għal Ċipru fis-7 ta’ April 2016. Hija tqis li Ċipru qed iġarrab żbilanċi eċċessivi, b’hekk żdied għal 6 l-għadd ta’ pajjiżi li qed iġarrbu żbilanċi eċċessivi.

Ebda wieħed mill-pajjiżi ma hu qed iġarrab żbilanċi eċċessivi li jirrikjedu l-bidu ta' proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.

Semestru Ewropew 2016: żbilanċi makroekonomiċi u defiċits tal-gvern

Bħalissa l-Greċja qed timplimenta programm ta’ aġġustament makroekonomiku, u għal din ir-raġuni mhijiex soġġetta għall-proċessi ta' governanza ekonomika fis-Semestru Ewropew, inkluż il-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku.

Id-dimensjoni soċjali tas-semestru

Fil-laqgħa tagħhom tas-7 ta’ Marzu 2016, il-ministri għall-impjiegi kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-aspetti tal-impjiegi u l-politika soċjali tal-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew 2016. Id-dibattitu kien iffukat fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs), bi studju ta’ każ tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-arranġamenti kuntrattwali.

Il-Ministri enfasizzaw li:

  • kuxjenza kollettiva dwar l-isfidi u appoġġ wiesa’ u kunsens huma kruċjali għal kwalunkwe aġenda ta’ riforma
  • is-sħab soċjali għandhom jaqdu rwol importanti u għandhom ikunu involuti mill-qrib
  • l-appoġġ pubbliku (mis-soċjetà ċivili) u l-appoġġ politiku huma wkoll meħtieġa
  • informazzjoni, komunikazzjoni tajba u aktar trasparenza huma wkoll ċentrali
  • ir-riformi strutturali jeħtieġ li jkunu inklużivi, b’attenzjoni għal gruppi speċifiċi (żgħażagħ, ħaddiema qiegħda għal perjodu twil)
  • ir-riformi jeħtieġ li jkunu bbażati fuq viżjoni fit-tul

Il-Ministri qablu li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jeħtieġ li jkunu bbażati fuq evidenza preċiża u bbilanċjata kif ukoll fuq il-prattika tal-istati membri.

Frar

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew

Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar, il-mexxejja tal-UE approvaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

Jannar

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u r-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija għall-2016

Fil-15 ta' Jannar, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u r-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija għall-2016.

Il-Kunsill jaqbel b'mod ġenerali mal-analiżi u l-proposti tal-Kummissjoni. Il-prijoritajiet għall-2016 huma:

  • li tingħata spinta ġdida lill-investiment
  • li jsiru riformi strutturali
  • li tiġi żgurata r-responsabbiltà

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija għall-2016 b'mod ġenerali jaqblu mal-analiżi tal-Kummissjoni u jilqgħu l-proposti maħsubin biex itejbu l-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku (MIP). Il-Kunsill, madankollu, jemmen li l-indikaturi addizzjonali ġodda dwar l-impjiegi li ġew miżjuda mat-tabella ta' valutazzjoni ma kinux meħtieġa għall-MIP.

Il-Kunsill japprova rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

Fil-15 ta' Jannar il-Kunsill Ecofin approva l-abbozz ta' rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din hija proċedura ġdida fis-Semestru Ewropew, fejn ir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro ssir qabel ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Din għandha tgħin biex l-isfidi komuni jiġu riflessi aħjar fir-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Hu mistenni li r-rakkomandazzjoni tiġi adottata mill-Kunsill Ecofin f'Marzu, wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew fi Frar.

Fil-perjodu 2016-2017 il-Kunsill jirrakkomanda li ż-żona tal-euro twettaq politiki li:

  • jappoġġaw l-irkupru
  • iħeġġu l-konverġenza
  • jiffaċilitaw il-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi
  • itejbu l-kapaċità ta' aġġustament

Jirrakkomanda wkoll li ż-żona tal-euro timplimenta għadd ta' riformi fis-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u tas-servizzi.

Barra minn hekk, huwa rakkomandat li jitwettqu politiki fiskali b'rispett sħiħ tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, bil-għan ta' qagħda fiskali aggregata ġeneralment newtrali fiż-żona tal-euro fl-2016, u bil-ħsieb li jitnaqqas id-dejn pubbliku fl-2017.

Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu wkoll l-indirizzar tas-self mhux produttiv tal-banek u t-titjib tal-proċedimenti ta' insolvenza għan-negozji u l-familji. Hu mistenni wkoll li ż-żona tal-euro tipprova tiffinalizza l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Is-Semestru Ewropew fis-snin preċedenti