Skip to content

Regoli ġodda dwar il-prospetti: titjib fl-aċċess għas-swieq kapitali għall-kumpaniji

Il-Kunsill adotta regoli aġġornati dwar il-prospetti. Prospett huwa dokument legali li l-kumpaniji joħorġu għal investituri potenzjali dwar it-titoli li huma qed joħorġu u dwarhom infushom.

Minbarra informazzjoni dwar it-titoli, il-prospett fih informazzjoni dettaljata dwar in-negozju, il-finanzi u l-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-kumpanija. Il-prospetti huma għalhekk sors essenzjali ta’ informazzjoni għall-investituri u waħda mill-għodod ewlenin għall-kumpaniji li jixtiequ jiġġeneraw kapital madwar is-swieq tat-titoli tal-UE.

L-ewwel direttiva dwar il-prospetti ġiet adottata fl-2003 u riveduta fl-2009. Ir-regoli aġġornati dwar il-prospetti huma fl-għamla ta' regolament tal-UE.

Il-Kummissjoni ħarġet il-proposta għar-regolament dwar il-prospetti fit-30 ta’ Novembru 2015 bħala parti mill-proposti leġislattivi maħsuba għall-ħolqien ta’ unjoni tas-swieq kapitali. Il-proposta hija wkoll parti mill-impenn tal-Kummissjoni biex tissimplifika l-liġijiet tal-UE u tagħmilhom aktar effettivi u effiċjenti (REFIT).

Għan u skop

L-għan tar-regolament dwar il-prospetti fil-kuntest tal-unjoni tas-swieq kapitali huwa li jiffaċilita l-aċċess għas-swieq finanzjarji għall-kumpaniji, b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

Għaliex id-direttiva dwar il-prospetti kellha bżonn tiġi riveduta?

L-UE għandha l-għan li tuża l-proġett tal-unjoni tas-swieq kapitali biex tgħin lin-negozji jiksbu aċċess għal sorsi aktar diversifikati ta' finanzjament madwar l-UE. Ir-regolament il-ġdid dwar il-prospetti jissimplifika r-regoli u l-proċeduri amministrattivi relatati, u jagħmel l-aċċess għas-swieq tal-kapital orħos u aktar sempliċi għan-negozji ż-żgħar.

Fil-Kunsill

16 ta' Mejju 2017: il-Kunsill adotta r-regolament dwar il-prospetti, wara l-vot dwar it-test mill-Parlament Ewropew fil-5 ta' April 2017.

20 ta' Diċembru 2016: il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, f’isem il-Kunsill, approva ftehim mal-Parlament Ewropew milħuq fis-7 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' regolament dwar il-prospetti. Il-Kunsill ser jadotta l-verżjoni finali tal-att legali ladarba l-Parlament Ewropew ikun approva t-test maqbul.

17 ta' Ġunju 2016: il-Kunsill adotta formalment il-pożizzjoni tiegħu ta' negozjar dwar l-abbozz ta' regolament dwar il-prospetti.

2 ta’ Ġunju 2016: il-proċedura ta' silenzju għall-adozzjoni tal-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill (l-approċċ ġenerali) ingħalqet, bl-istati membri kollha jappoġġaw il-proposta għall-approċċ ġenerali.

24 ta’ Mejju 2016: il-Grupp ta' Ħidma dwar is-Servizzi Finanzjarji ddeċieda li jniedi proċedura ta' silenzju għall-adozzjoni tal-proposta ta' kompromess għall-approċċ ġenerali tal-Kunsill.

Jannar 2016: il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar is-Servizzi Finanzjarji beda diskussjonijiet dwar il-proposta.

30 ta' Novembru 2015: il-Kunsill irċieva l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-prospetti.

Daqqa t'għajn lejn ir-regolament dwar il-prospetti

Eżenzjoni tal-iżgħar ammonti ta' ġenerazzjoni ta' kapital

Ir-regoli l-ġodda dwar il-prospetti mhux ma japplikawx għal ħruġ ta' titoli b'valur taħt il-€1 miljun (ir-regoli preċedenti stabbilixxew dak il-limitu għal €100,000). Barra minn hekk, l-istati membri issa jistgħu jeżentaw mill-obbligu tal-pubblikazzjoni ta' prospett lill-emittenti li huma jqisu żgħar billi jistabbilixxu limitu ogħla - sa €8 miljun - għas-swieq domestiċi tagħhom.

Din il-bidla tagħmilha aktar faċli u orħos sabiex l-SMEs jiġġeneraw fondi fl-UE.

Il-prospett tat-tkabbir tal-UE - prospett eħfef għal kumpaniji iżgħar u għal ħruġ żgħir

Għal kumpaniji iżgħar li jixtiequ jisfruttaw is-swieq Ewropej, ir-regolament jipprevedi sistema ferm eħfef u rekwiżiti inqas kumplessi għall-ħruġ ta' prospett.

Il-prospett tat-tkabbir tal-UE, tip ġdid ta' prospett, ikun disponibbli għall-SMEs, għal kumpaniji b'mhux aktar minn 499 impjegat (mid-caps żgħar) ammessi f'suq ta' tkabbir tal-SMEs jew għall-ħruġ żgħir minn kumpaniji mhux elenkati.

Prospetti iqsar u informazzjoni aħjar għall-investituri

Ir-regolament jispeċifika, b'mod aktar ċar, l-ammont ta' informazzjoni meħtieġa sabiex il-prospetti jsiru iqsar u aktar ċari.

Simplifikazzjoni ta' ħruġ ta' titoli sekondarju għal intrapriżi kkwotati f'borża

Kumpaniji diġà kkwotati f’suq pubbliku li jixtiequ joħorġu ishma addizzjonali (ħruġ sekondarju) jew jiġġeneraw debitu (bonds korporattivi) issa jistgħu jibbenefikaw minn prospett simplifikat.

Sistema rapida u simplifikata għal ħruġ frekwenti

Kumpaniji li joħorġu titoli ta' spiss jistgħu jużaw ukoll id-'Dokument ta’ Reġistrazzjoni Universali' (URD). Dan hu tip ta' 'reġistrazzjoni lesta biex tintuża' li jkollha l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-kumpanija.

L-emittenti li regolarment iżommu URD aġġornat għand is-superviżuri tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn approvazzjoni rapida wara ħamest ijiem meta jkollhom bżonn jiġġeneraw kapital mis-swieq. Dan jissimplifika l-proċedura għall-emittenti li jkunu diġà magħrufa fis-suq.

Punt ta’ aċċess wieħed għall-prospetti kollha fl-UE

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ser tipprovdi, għall-ewwel darba, aċċess online bla ħlas u riċerkabbli għall-prospetti kollha approvati fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-prospetti stampati ma għadhomx meħtieġa, sakemm mhux fuq talba ta' investitur potenzjali.

Id-dħul fis-seħħ

Ir-regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-regoli huma vinkolanti u applikabbli direttament fl-istati membri kollha tal-UE.