Strateġija dwar l-investiment bl-imnut
L-UE qed taħdem fuq strateġija biex tkompli żżid il-protezzjoni u l-fiduċja tal-konsumatur sabiex tħeġġeġ l-investiment fis-swieq kapitali Ewropej.
Investiment bl-imnut fis-swieq kapitali tal-UE
Fl-UE, il-livell ta' parteċipazzjoni bl-imnut fis-swieq kapitali tal-UE għadu baxx meta mqabbel ma' ekonomiji avvanzati oħra. Fl-2021, madwar 17% tal-assi tal-unitajiet domestiċi tal-UE biss kienu miżmuma f'titoli finanzjarji (ishma kkwotati, bonds, fondi mutwi, u derivattivi finanzjarji), meta mqabbla mat-43% miżmuma f'dawk l-istrumenti fl-Istati Uniti.
Sehem kbir tal-ġid finanzjarju tal-unitajiet domestiċi tal-UE jinżamm bħala depożiti bankarji, minkejja l-fatt li l-investimenti fuq terminu twil fis-swieq azzjonarji storikament wasslu għal gwadanji sostanzjali.
Xi jxekkel lill-investituri bl-imnut milli jibbenefikaw mis-swieq kapitali?
Aċċess għall-informazzjoni
L-investituri bl-imnut isibuha diffiċli jaċċessaw informazzjoni rilevanti, komparabbli u li tinftiehem faċilment biex jagħmlu għażliet infurmati dwar l-investiment
Il-fiduċja fis-swieq tal-kapital
38% tal-konsumaturi biss huma kunfidenti li l-parir dwar l-investiment li jirċievu mill-intermedjarji finanzjarji huwa primarjament fl-aħjar interess tagħhom
Influwenza mill-kummerċjalizzazzjoni
L-investituri bl-imnut huma esposti għal riskju dejjem jikber li jiġu influwenzati ħażin minn informazzjoni mhux realistika dwar il-kummerċjalizzazzjoni fuq il-media soċjali u kanali ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni
Tariffi għoljin
Uħud mill-prodotti u s-servizzi offruti lill-investituri bl-imnut sikwit ikollhom tariffi u kummissjonijiet għoljin meta mqabbla ma' dawk offruti lill-investituri istituzzjonali u għaldaqstant ikollhom impatt negattiv fuq ir-redditu tagħhom fuq l-investimenti.
Strateġija dwar l-investiment bl-imnut fl-UE
Biex tindirizza dawn il-problemi, fl-24 ta' Mejju 2023, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija ta' investiment bl-imnut li tinkludi żewġ proposti:
- regolament li jemenda prodotti aggregati ta' investiment bl-imnut ibbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)
- direttiva omnibus li temenda d-direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID), id-direttiva dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (IDD), Solvenza II, id-direttiva dwar l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u d-direttiva dwar il-maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFMD)
Fit-12 ta' Ġunju 2024, il-Kunsill qabel dwar il-mandat ta' negozjar tiegħu dwar iż-żewġ proposti. Fit-18 ta' Diċembru 2025, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar qafas aġġornat għall-investiment bl-imnut. L-għan huwa li:
- tingħata s-setgħa lill-investituri bl-imnutbilli jiġi offrut l-istess livell ta' informazzjoni, trattament u protezzjoni li għandhom l-investituri istituzzjonali
- titrawwem il-fiduċja u tiżdied il-kompetittività fis-swieq finanzjarji tal-UE
- tiġi pprovduta firxa usa' ta' opportunitajiet effiċjenti ta' investiment u finanzjament għaċ-ċittadini u n-negozji
- Pakkett dwar l-investimenti bl-imnut: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu (stqarrija għall-istampa, 12 ta' Ġunju 2024)
- Strateġija dwar l-investiment bl-imnut: il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar pakkett li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi filwaqt li jagħti spinta lis-swieq (stqarrija għall-istampa, 18 ta' Diċembru 2025)
Prodotti aggregati ta' investiment bl-imnut ibbażati fuq l-assigurazzjoni
Il-proposta leġiżlattiva li temenda prodotti aggregati ta' investiment bl-imnut ibbażati fuq l-assigurazzjoni għandha l-għan li taġġorna r-regoli dwar id-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija (KIDs) għall-PRIIPs. Prodotti aggregati ta' investiment bl-imnut ibbażati fuq l-assigurazzjoni huma prodotti li l-banek ġeneralment joffru lill-konsumaturi, pereżempju, meta jkunu jridu jiffrankaw biex jixtru dar jew iħallsu għall-edukazzjoni ta' wliedhom.
Ir-regolament rivedut jgħin lill-investituri privati jifhmu aħjar il-prodott li qed jixtru u jqabbluh ma' prodotti oħra billi jagħmel l-informazzjoni ewlenija dwar il-kostijiet u r-riskji viżibbli b'mod ċar fid-dokument li jirċievu meta jixtru ċerti prodotti ta' investiment.
Il-KIDs isiru aċċessibbli aktar faċilment b'mod diġitali, u dan iżid iċ-ċarezza legali.
Direttiva Omnibus
Id-Direttiva Omnibus fiha diversi emendi, li jindirizzaw diversi aspetti tal-investiment bl-imnut.
Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li, fost objettivi oħra:
- itejbu l-mod kif l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-investituri bl-imnut billi jadattaw ir-regoli dwar id-divulgazzjoni għall-era diġitali
- iżidu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-ispejjeż billi jirrikjedu l-użu ta' preżentazzjoni u terminoloġija standard dwar l-ispejjeż. Dan jiżgura li l-prodotti ta' investiment jipprovdu valur reali għall-flus lill-investituri bl-imnut
- jipproteġu lill-investituri bl-imnut minn kummerċjalizzazzjoni qarrieqa billi jiżguraw li l-intermedjarji finanzjarji jkunu kompletament responsabbli għall-użu tal-komunikazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom, inkluż meta din issir permezz tal-media soċjali, nies magħrufin, jew partijiet terzi oħra mħallsa minnhom
- iħeġġu lill-istati membri jimplimentaw miżuri nazzjonali li jappoġġaw il-litteriżmu finanzjarju taċ-ċittadini
- inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jtejbu l-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi għall-investituri bl-imnut sofistikati
- jindirizzaw kunflitti ta' interess potenzjali fid-distribuzzjoni ta' prodotti ta' investiment billi jipprovdu regoli aktar stretti dwar l-hekk imsejħa inċentivi u jiżguraw li l-parir finanzjarju jkun allinjat mal-aħjar interessi tal-investituri bl-imnut
- iżommu standards għoljin ta' kwalifiki professjonali għall-konsulenti finanzjarji
See also
Unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti
Swieq kapitali
Il-pakkett tal-unjoni tas-swieq kapitali għall-2021
L-aħħar reviżjoni: 18 ta' Diċembru 2025