Skip to content

Titolizzazzjoni: titjib tal-finanzjament tal-ekonomija tal-UE

Wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-unjoni tas-swieq kapitali huwa l-isforz biex terġa' tingħata l-ħajja lis-suq tat-titolizzazzjoni tal-UE sabiex jittejjeb il-finanzjament tal-ekonomija tal-UE. Għal dak l-għan, dan jinkludi żewġ proposti leġislattivi li jintroduċu regoli ġodda dwar it-titolizzazzjoni:

  • regolament dwar titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS)
  • regolament li jemenda r-regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku dwar iż-żewġ proposti fit-30 ta' Mejju 2017. Il-verżjoni finali tar-regolamenti ser tiġi adottata ladarba t-testi jiġu finalizzati fl-livell tekniku.

Iż-żewġ regolamenti jistabbilixxu regoli komuni għat-titolizzazzjonijiet kollha u jikkostitwixxu qafas sikur, sempliċi, trasparenti, standardizzat u ssorveljat b’mod adegwat għal prodotti ta’ titolizzazzjoni u li jgħinu biex dawn jiġu ddifferenzjati minn strumenti finanzjarji aktar kumplessi u riskjużi.

Ir-regoli l-ġodda ser jgħinu lill-investituri jevalwaw ir-riskji relatati mat-titolizzazzjoni, kemm fir-rigward ta' prodotti individwali kif ukoll bejniethom.

Dan imbagħad għandu jgħin biex joħloq possibbiltajiet ġodda ta’ investiment madwar l-UE u jipprovdi sors addizzjonali ta’ finanzjament fl-ekonomija, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u n-negozji ġodda.

Ir-regolamenti għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, jiġifieri kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament Ewropew.

Għaliex huwa meħtieġ ir-regolament dwar it-titolizzazzjoni?

It-titolizzazzjoni hija proċess fejn min isellef, pereżempju bank, jittrasforma s-selfiet fil-pussess tiegħu (eż. ipoteki) f’titoli li jistgħu jinbiegħu lil investituri. L-investituri mbagħad jirċievu qligħ iġġenerat mis-selfiet sottostanti.

Diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament, ġestjoni aħjar tar-riskju

It-titolizzazzjoni tippermetti lil bank biex jillibera ftit mill-kapital tiegħu (li kieku kien jitwarrab biex ikopri r-riskji tas-selfiet li jkun biegħ) għal aktar self lill-ekonomija.

Barra minn hekk, it-titolizzazzjoni tikkontribwixxi għat-tqassim tar-riskji fis-settur finanzjarju kollu peress li l-banek jittrasferixxu xi ftit minnhom lil banek oħra jew investituri istituzzjonali oħra (bħal kumpaniji tal-assigurazzjoni).

Il-fatt li jkun hemm sorsi ta’ finanzjament li huma aktar diversi u inqas dipendenti fuq is-settur bankarju jikkontribwixxu għall-istabbiltà ġenerali u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja. Dan huwa minħabba li l-impatt li problemi potenzjali fis-settur bankarju jista’ jkollhom fuq l-aċċess għall-finanzi jsir inqas akut.

Proviżjoni ta' sors addizzjonali ta’ finanzjament għall-SMEs

Skont il-Kummissjoni Ewropea, fl-2014 il-volum tat-titolizzazzjoni fl-UE niżel bi 42 % meta mqabbel mal-livelli medji fil-perijodu ta’ qabel il-kriżi (2001–2008).

It-titolizzazzjoni tas-self hija sors importanti ta' finanzjamentgħan-negozji żgħar u medji.

Is-sejbiet tal-Kummissjoni juru li l-ammont tat-titolizzazzjoni tas-self tal-SMEs niżel minn €77 biljun fl-2007 għal €36 biljun fl-2014. Fl-2013 35 % tal-SMEs ma kisbux il-finanzjament kollu li talbu mill-banek tagħhom.

L-istimi juru li jekk il-volum tat-titolizzazzjoni tal-UE laħaq il-medja ta’ qabel il-kriżi, din tkun tiġġenera bejn €100-150 biljun f’finanzjament addizzjonali.

Għalhekk, meta t-titolizzazzjoni tkun strutturata tajjeb, tista’:

  • ittejjeb l-effiċjenza u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja
  • tipprovdi opportunitajiet ta’ investiment
  • toħloq benefiċċji għan-negozji u ċ-ċittadini permezz ta’ selfiet li jiswew inqas u li huma aċċessibbli

Fil-Kunsill

30 ta' Mejju 2017: il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku dwar iż-żewġ proposti dwar it-titolizzazzjoni.

8 ta' Diċembru 2015: il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu ta' negozjar fuq il-proposti dwar it-titolizzazzjoni. Dan jippermetti lill-presidenza tal-Kunsill tibda negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-verżjoni finali tal-proposti.

2 ta' Diċembru 2015: il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Coreper) approva, f’isem il-Kunsill, mandat ta’ negozjar għall-presidenza tal-Kunsill dwar il-pakkett tat-titolizzazzjoni.

30 ta' Settembru 2015: il-Kunsill irċieva l-proposti għaż-żewġ regolamenti. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Servizzi Finanzjarji tal-Kunsill analizza l-proposti bil-għan li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Kunsill dwarhom.

Regolamenti dwar it-titolizzazzjoni: punti ewlenin

Ir-regolament dwar titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS) jistabbilixxi l-kriterji li jiddefinixxu titolizzazzjonijiet 'sempliċi, trasparenti u standardizzati'. Pereżempju, titolizzazzjoni titqies bħala waħda 'sempliċi' meta tinħoloq bl-użu tal-istess tip ta' self, jiġifieri il-pakkett ikun fih ipoteki residenzjali biss, u ma tkun permessa l-ebda titolizzazzjoni oħra, eċċ. 

Il-kriterji biex titolizzazzjoni tkun 'trasparenti' u 'standardizzata' jinkludu rekwiżit għall-emittenti biex jipprovdu dokumentazzjoni ċara li tispjega l-istruttura tal-istrument u s-sekwenza tal-ħlasijiet.

Ir-regolament jinkludi wkoll regoli dwar id-diliġenza dovuta, ir-retenzjoni tar-riskju u t-trasparenza, li japplikaw għat-titolizzazzjonijiet kollha.

Il-Kunsill qabel mal-Parlament Ewropew li jħalli r-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju 5 %, skont ir-rekwiżiti internazzjonali. Ir-retenzjoni tar-riskju tirreferi għall-interess fit-titolizzazzjoni li l-oriġinaturi, l-isponsors jew il-mutwanti oriġinali tat-titolizzazzjonijiet jeħtieġ li jżommu huma stess. Ir-rekwiżit jiżgura li prodotti titolizzati ma jinħolqux biss bl-iskop ta' distribuzzjoni lill-investituri.

Il-Kunsill qabel ukoll mal-Parlament Ewropew li jipprevedi l-ħolqien ta’ repożitorju tad-data għal transazzjonijiet tat-titolizzazzjoni.

Il-Kunsill u l-Parlament qablu wkoll dwar regoli biex jiġu evitati kunflitti ta' interess: fil-proċess ta' ċertifikazzjoni tal-STS, anki jekk tkun involuta parti terza, ir-responsabbiltà għal konformità mar-regoli tibqa' tal-oriġinaturi, l-isponsors, il-mutwanti oriġinali u l-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni.

It-test maqbul jiżgura wkoll li japplikaw regoli mfassla apposta għal programmi ta’ kambjali finanzjarji ggarantiti b'assi (spiss imsejħa 'titolizzazzjonijiet fuq terminu qasir'). Titolizzazzjonijiet bħal dawn spiss ikun fihom self għal karozzi, kiri ta' karozzi u tagħmir.

Ir-regolament emendat dwar ir-rekwiżiti kapitali jirrendi t-trattament kapitali ta’ titolizzazzjonijiet għall-banek u d-ditti ta’ investiment aktar sensittiv għar-riskju u aktar kapaċi li jirrifletti b’mod adegwat il-karatteristiċi speċifiċi tat-titolizzazzjonijiet ta' STS.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill laħaq ftehim mal-Parlament Ewropew dwar iż-żewġ abbozzi ta' atti legali fit-30 ta' Mejju 2017.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ser jadottaw formalment ir-regolamenti fl-ewwel qari wara li t-testi jkunu għaddew minn finalizzazzjoni teknika.