Skip to content

Ninkoraġġixxu r-riformi strutturali u l-investiment: il-flessibbiltà tar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

Ħarsa ġenerali

Sabiex jappoġġa l-isforzi tal-UE biex iżżid il-livelli ta’ investiment u tinkoraġġixxi r-riformi strutturali, f’Ġunju 2014 il-Kunsill Ewropew qabel li kien hemm il-ħtieġa li jiġi esplorat kif ir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) jistgħu jiġu applikati b’mod aktar flessibbli mingħajr ma jinbidlu.

Fuq il-gwida mill-Kunsill Ewropew, f'Jannar 2015 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet komunikazzjoni dwar 'L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-PST'.

Il-komunikazzjoni tispjega kif il-Kummissjoni beħsiebha tapplika l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod aktar flessibbli meta tevalwa l-konformità tal-istati membri mar-regoli tal-Patt.

Il-Kummissjoni diġà qed tapplika l-interpretazzjoni l-ġdida tagħha tar-regoli tal-Patt, peress li m'hemm l-ebda ħtieġa li jinbidlu r-regoli eżistenti u, għalhekk, l-ebda ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva.

Il-Kunsill approva pożizzjoni ġeneralment maqbula dwar il-komunikazzjoni fi Frar 2016, li ser tintuża bħala l-bażi għal aġġornament tal-'Kodiċi ta’ Kondotta’ - interpretazzjoni attwali ta’ kif għandhom jiġu applikati r-regoli tal-PST ('Speċifikazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir').

Miri ewlenin

L-applikazzjoni aktar flessibbli tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandha tgħin biex:

  • tiġi inkoraġġuta l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali
  • tingħata spinta lill-investiment

Fil-Kunsill

Frar 2016: il-Kunsill approva pożizzjoni ġeneralment maqbula dwar l-applikazzjoni flessibbli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-pożizzjoni maqbula ser isservi ta’ bażi għal aġġornament tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Diċembru 2015: il-Kunsill ikkonferma pożizzjoni ġeneralment maqbula dwar il-flessibbiltà fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-pożizzjoni ġiet maqbula mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Ottubru 2015: il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ddiskuta l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-flessibbiltà fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, fuq il-bażi tal-preżentazzjoni mill-president tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Jannar 2015: il-Kunsill iddiskuta l-applikazzjoni flessibbli tar-regoli tal-PST, b'mod partikolari l-applikazzjoni tal-'klawżola ta' riformi strutturali' u l-'klawżola dwar l-investiment'. Il-Kunsill qabel ukoll li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkompli bl-analiżi teknika tiegħu tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

Gwida dwar l-użu tal-flessibbiltà fi ħdan il-patt ta' stabbiltà u tkabbir: punti ewlenin

Il-komunikazzjoni dwar l-użu tal-flessibbiltà fi ħdan il-patt ta’ stabbiltà u tkabbir tiffoka fuq applikazzjoni aktar flessibbli tar-regoli tal-PST billi jitqiesu dawn il-fatturi:

  1. riformi strutturali mwettqa mill-istati membri
  2. attivitajiet ta’ investiment imwettqa mill-gvernijiet
  3. il-kondizzjonijiet ċikliċi f’kull stat membru

1. L-applikazzjoni flessibbli tal-'klawżola ta' riformi strutturali'

Il-klawżola ta' riformi strutturali ser tiġi applikata b’mod differenti għall-istati membri li jinsabu taħt il-parti preventiva tal-PST milli għal dawk li huma taħt il-parti korrettiva tal-PST.

L-istati membri taħt il-parti preventiva tal-PST

Ir-regoli eżistenti:

l-istati membri li jinsabu taħt il-parti preventiva tal-PST jitħallew jiddevjaw temporanjament mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju(OTM) jew mit-triq tal-aġġustament fiskali lejh, jekk ikunu qed jimplimentaw riformi strutturali kbar. Din ir-regola tagħti l-possibbiltà lill-istati membri li jkopru l-ispejjeż fuq perjodu qasir tal-implimentazzjoni ta' riformi li jagħtu benefiċċji fit-tul, u tagħtihom aktar żmien sabiex jilħqu l-OTM tagħhom.

Applikazzjoni flessibbli:

Id-devjazzjoni tista’ tingħata jekk ir-riformi strutturali jissodisfaw sett ta’ kriterji, jiġifieri jekk ikunu:

  • 'kbar'
  • iwasslu għal effetti baġitarji pożittivi verifikabbli fit-tul
  • implimentati b'mod sħiħ

Barra minn hekk, il-klawżola tiġi applikata għal dawk l-istati membri li għadhom ma bdewx jimplimentaw ir-riformi tagħhom, iżda li diġà jistgħu jagħtu pjanijiet dettaljati b'miżuri speċifikati sew u dati ta' għeluq kredibbli għall-implimentazzjoni tagħhom.

Id-devjazzjoni temporanja mogħtija ma tistax taqbeż 0.5% tal-PDG, u l-istat membru jrid jilħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tiegħu fi żmien erba' snin.

Barra minn hekk, l-istati membri li ngħatatilhom id-devjazzjoni jridu jżommu marġni ta’ sigurtà biex jiżguraw li d-devjazzjoni ma twassalx għal sitwazzjoni fejn id-defiċit tal-gvern tal-pajjiż isir ogħla minn 3% tal-PDG.

Il-Kunsill ser jagħti d-devjazzjoni temporanja wara li l-Kummissjoni tlesti l-valutazzjoni u tikkonferma li r-riformi miftehma ġew implimentati b’mod sħiħ.

L-istati membri taħt il-parti korrettiva tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir

Ir-regoli eżistenti:

il-Kummissjoni trid teżamina fatturi ekonomiċi, baġitarji u oħrajn rilevanti fuq perjodu medju fi stat membru qabel ma tkun tista' tagħti bidu għal proċedura ta' defiċit eċċessiv jew tipproponi estensjoni għad-dati ta' għeluq għall-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi. Dawn il-fatturi jkopru l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali.

Applikazzjoni flessibbli:

Jitqiesu mhux biss ir-riformi strutturali kbar li jkunu qed isiru, iżda wkoll il-pjanijiet għal riformi strutturali kbar. Pjanijiet bħal dawn irid ikun fihom miżuri ċari u skedi ta' żmien realistiċi għall-implimentazzjoni tagħhom.

Dan ifisser li jekk pajjiż taħt il-parti korrettiva tal-PST jkollu pjanijiet ta' riformi vijabbli, il-Kummissjoni tista':

  • tirrakkomanda li l-Kunsill jagħti estensjoni tad-data ta' għeluq għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għal dawk il-pajjiżi li diġà qegħdin taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv
  • tirrakkomanda li l-Kunsill jagħti data ta' għeluq aktar tard għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv meta jniedi proċedura ta' defiċit eċċessiv

Monitoraġġ

L-implimentazzjoni tar-riformi ser tiġi sorveljata fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Pajjiż li jkun soġġett għal proċedura ta' żbilanċ eċċessiv ser ikollu jiddeskrivi r-riformi strutturali tiegħu fil-pjan ta’ azzjoni korrettiva. F'dak il-każ, l-implimentazzjoni tar-riformi ser tiġi sorveljata fil-qafas tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

2. L-applikazzjoni flessibbli tal-'klawżola dwar l-investiment'

Investimenti marbutin mal-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi (FEIS)

Applikazzjoni flessibbli proposta:

1. Ma titnediex il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għal dawk l-istati membri li d-defiċit tal-gvern tagħhom jikser ir-regola ta' 3% tal-valur referenzjarju tal-PDG, jekk dan il-ksur ikun minħabba investiment fi proġett kofinanzjat mill-FEIS. Madankollu, id-devjazzjoni mid-defiċit fil-mira għandha tkun żgħira u temporanja.

2. Ma jitqiesxksur fuq skala żgħira tal-valur referenzjarju tad-dejn - 60% tal-PDG - jekk il-gvern ikun qed jieħu sehem f'investimenti marbutin mal-FEIS.

Dawn ir-regoli japplikaw għall-istati membri kollha, irrispettivament minn jekk ikunux taħt il-parti preventiva jew dik korrettiva tal-PST.

Investimenti oħra

Ir-regoli eżistenti:

il-PST jippermetti devjazzjonijiet temporanji mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju jew mit-triq ta' aġġustament fiskali lejh għal dawk l-istati membri li l-investimenti tagħhom jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal riformi strutturali kbar.

Applikazzjoni flessibbli:

il-'klawżola dwar l-investiment' tiġi applikata għal investimenti pubbliċi billi titqies is-sitwazzjoni speċifika ta' kull stat membru.

Dan ifisser li l-istati membri li l-investimenti tagħhom jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal riformi strutturali kbar ser jingħataw devjazzjoni temporanja mill-OTM tagħhom jew it-triq ta' aġġustament lejh, jekk:

  • it-tkabbir tal-PDG tagħhom ikun negattiv jew jekk il-PDG tagħhom ikun inqas mill-potenzjal tiegħu
  • id-devjazzjoni mill-OTM jew it-triq lejh ma twassalx għal defiċit tal-gvern akbar minn 3% tal-PDG u jiġi ppreservat marġni ta' sigurtà xieraq biex jiġi evitat ksur bħal dan
  • jiżdiedu l-livelli ta' investiment b'riżultat tad-devjazzjoni mogħtija
  • id-devjazzjoni tkun marbuta mal-fatt li stat membru jikkofinanzja proġetti li huma wkoll iffinanzjati mill-programmi tal-UE u mill-FEIS
  • l-istat membru jikkumpensa għal devjazzjonijiet temporanji fl-iskeda ta' żmien stabbilita fil-programm tal-istat membru (il-programm ta' stabbiltà għall-istati membri taż-żona tal-euro u l-programm ta' konverġenza għall-istati membri mhux fiż-żona tal-euro)

Dawn ir-regoli jkunu applikabbli għall-istati membri li jinsabu taħt il-parti preventiva tal-PST.

Il-Kummissjoni Ewropea ser terġa’ teżamina l-applikazzjoni tar-riforma strutturali u l-klawżoli dwar l-investiment sal-aħħar ta’ Ġunju 2018. Ir-rieżami ser janalizza, fost affarijiet oħra, jekk il-klawżola dwar l-investiment għenitx biex tingħata spinta lil investimenti ġodda u x’inhuma l-implikazzjonijiet tal-kontinwazzjoni tal-klawżoli dwar l-investiment.

3. Il-kondizzjonijiet ċikliċi

Taħt il-parti preventiva tal-Patt, ġie introdott approċċ aktar risponsiv għaċ-ċiklu ekonomiku ta’ stat membru. Il-Kummissjoni ser tuża metodu aktar kumpless ('matriċi') biex tiffissa t-triq ta' aġġustament fiskali ta' kull pajjiż, skont jekk il-pajjiż ikunx għaddej minn diffikultajiet ekonomiċi jew titjib ekonomiku.

Meta tkun qed tivvaluta s-sitwazzjoni f'pajjiż li jkun soġġett għall-proċedura ta' defiċit eċċessiv (il-parti korrettiva tal-Patt), il-Kummissjoni ser tagħmel distinzjoni, kemm jista' jkun, bejn żviluppi baġitarji li huma fil-kontroll tal-gvern u dawk marbutin ma' tnaqqis mhux mistenni fl-attività ekonomika.

Il-Kummissjoni mistennija tippreżenta lill-Kunsill rapport ta' rieżami dwar l-effettività tal-matriċi qabel it-30 ta’ Ġunju 2018. B’mod speċifiku, ir-rapport ser jeżamina jekk il-matriċi kinitx ta’ suċċess fil-promozzjoni ta’ politika kontro-ċikliċi mill-istati membri u jekk tatx kontribut għall-kisba tal-objettivi ta’ terminu medju tagħhom. Ser jivvaluta wkoll jekk il-matriċi żguratx tnaqqis fid-dejn tal-gvern 'b’ritmu sodisfaċenti'.

X'inhu l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir?

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jipprevedi kemm prevenzjoni kif ukoll deterrent, huwa magħmul minn riżoluzzjoni u żewġ regolamenti tal-Kunsill:

  • dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika
  • dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

X'inhu objettiv baġitarju ta' terminu medju?

L-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM) jirreferi għall-mira fir-rigward tal-bilanċ baġitarju strutturali mqabbel mal-PDG għal kull stat membru, li kull pajjiż mistenni jikseb fi żmien ċertu tul ta' żmien. L-objettiv baġitarju ta' terminu medju jitlob li l-pożizzjonijiet baġitarji tal-istati membri jkunu qrib il-bilanċ jew f'bilanċ favorevoli. Jgħin ukoll li jiġi żgurat li l-istati membri jħarsu r-rekwiżit li jżommu d-dejn pubbliku tagħhom taħt 60% tal-PDG u d-defiċit tal-gvern tagħhom taħt 3% tal-PDG, u li l-finanzi pubbliċi tagħhom ikunu sostenibbli b'mod ġenerali.

L-OTM jiġi ffissat għal kull pajjiż individwalment kull tliet snin. Jista' jiġi rivedut aktar ta' sikwit jekk stat membru jkun qed jimplimenta riformi strutturali li jkollhom impatt fuq il-finanzi pubbliċi tiegħu.

Il-progress li l-istati membri għandhom jagħmlu kull sena lejn dan l-objettiv jissejjaħ it-'triq ta' aġġustament lejn l-OTM’ u jiġi stabbilit individwalment għal kull pajjiż. Il-progress jiġi sorveljat permezz tal-proċeduri ta' rappurtar rilevanti tas-Semestru Ewropew.