Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 12 ta' Mejju 2016 10:50

Il-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni biex ikomplu l-kontrolli fil-fruntieri interni

Fit-12 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill adotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi rakkomandazzjoni li tippermetti li jkomplu l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

Mid-data tal-adozzjoni, l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja għandhom jibqgħu jwettqu kontrolli proporzjonati u temporanji fil-fruntieri għal perjodu massimu ta’ sitt xhur fil-fruntieri interni li ġejjin:

  • l-Awstrija fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u l-Ungerija u fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u s-Slovenja;
  • il-Ġermanja fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Ġermanja u l-Awstrija;
  • id-Danimarka fil-portijiet Daniżi b’konnessjonijiet bil-lanċa lejn il-Ġermanja u fil-fruntiera fuq l-art bejn id-Danimarka u l-Ġermanja;
  • l-Iżvezja fil-portijiet Żvediżi fir-Reġjun tal-Pulizija tan-Nofsinhar u tal-Punent u fuq il-pont Öresund;
  • in-Norveġja fil-portijiet Norveġiżi b’konnessjonijiet bil-lanċa lejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja.

Madankollu, qabel jiddaħħlu dawn il-kontrolli, l-istat membru kkonċernat għandu jagħmel skambju ta’ fehmiet mal-istat(i) membru/i ġirien rilevanti bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru biss f’dawk il-partijiet tal-fruntiera interna fejn huwa meqjus neċessarju u proporzjonat, skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

Il-kontrolli fil-fruntiera għandhom ikunu mmirati u limitati fl-ambitu, fil-frekwenza, fil-post u fil-ħin, għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-indirizzar tat-theddid serju u għas-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna li jirriżulta miċ-ċaqliq sekondarju ta’ migranti irregolari.

Ir-rakkomandazzjoni ma tipprevedix l-introduzzjoni ta’ kontrolli ta’ passiġġieri li jaslu jew jitilqu lejn il-Greċja bl-ajru jew bil-baħar.

Kuntest

Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, stabbilit f’Ottubru 2013 mir-Regolament tal-Kunsill 1053/2013, jipprevedi l-verifika tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ Schengen permezz taż-żjarat ta' monitoraġġ fi stat membru partikolari minn gruppi ta’ esperti mill-Kummissjoni u l-istati membri. Wara ż-żjarat, li jistgħu jkunu mħabbra jew għall-għarrieda, jitfassal Rapport ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen u jintlaħaq qbil dwaru mill-kumitat ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen tal-esperti tal-istati membri. Jekk ir-rapport jidentifika xi dgħufijiet fil-qasam evalwat tal-acquis ta’ Schengen, il-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni b’azzjoni korrettiva lill-Kunsill.

Fit-2 ta’ Far 2016, il-Kummissjoni adottat ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen dwar il-Greċja u ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jiġu indirizzati nuqqasijiet speċifiċi fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Fit-12 ta’ Frar 2016, il-Kunsill adotta din ir-rakkomandazzjoni u ppropona lill-Greċja azzjoni korrettiva biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet.

Meta wara tliet xhur mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, jippersistu nuqqasijiet serji u l-miżuri meħuda ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni tista’ tagħti bidu għall-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

Skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-Kummissjoni tista’ tipproponi rakkomandazzjoni, li għandha tiġi adottata mill-Kunsill permezz ta’ maġġoranza kwalifikata, biex jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fil-partijiet kollha jew f’partijiet speċifiċi tal-fruntiera ta’ stat membru wieħed jew aktar bħala l-aħħar soluzzjoni. Dawn jistgħu jiġu introdotti għal perjodu massimu ta’ sitt xhur. Il-kontrolli jistgħu jiġu estiżi b'perjodi addizzjonali ta' sitt xhur għal massimu ta’ sentejn.

Minkejja li sar progress sinifikanti mill-Greċja, mhux in-nuqqasijiet serji kollha identifikati fl-evalwazzjoni jistgħu jiġu indirizzati b’mod adegwat u komprensiv fil-limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur. Għaldaqstant, fl-4 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni kkunsidrat li ntlaħqu l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jiġu estiżi l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni introdotti minn ħames stati ta’ Schengen.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024