- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 14 ta' Novembru 2016 10:05
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran
1. Waqt li tfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Lulju 2015 u fid-dikjarazzjoni konġunta maqbula bejn ir-RGħ/VP u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Javad Zarif fil-laqgħa tagħhom ta' April, l-Unjoni Ewropea tesprimi r-rieda tagħha li tkompli tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha mal-Iran, b'mod kompletament konsistenti mal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK).
2. L-Unjoni Ewropea ttenni l-impenn determinat tagħha lejn il-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), li huwa sforz multilaterali mill-E3/UE+3 u l-Iran. Hija tilqa' l-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) qed jiġi implimentat min-naħat kollha. Hija tinnota li l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) ħarġet erba' rapporti minn Jum l-Implimentazzjoni 'l hawn, li jivverifikaw l-impenji tal-Iran relatati mal-attivitajiet nukleari. L-Unjoni Ewropea tissottolinja l-ħtieġa li l-Iran ikompli jikkoopera b'mod sħiħ u f'waqtu mal-IAEA u tappoġġa l-ħidma tal-Aġenzija fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim mill-Iran. Hija tħeġġeġ lill-Iran biex jirratifika l-protokoll addizzjonali għall-ftehim ta' salvagwardji tiegħu. L-Unjoni Ewropea ttenni l-ħtieġa għal implimentazzjoni kontinwa, sħiħa u effettiva tal-PAKK matul id-durata tal-ftehim. Hija tikkonferma l-appoġġ tagħha għar-Rappreżentant Għoli fir-rwol tagħha bħala Koordinatur tal-Kummissjoni Konġunta.
3. L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-PAKK inkluż bit-tneħħija tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji relatati mal-attivitajiet nukleari u bl-involviment tas-settur privat u l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-banek, biex jiġi promoss it-tkabbir fil-kummerċ u l-investiment. B'mod partikolari, ingħatat gwida estensiva dwar it-tneħħija tas-sanzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju l-ġdid ikun ċar. Il-Kunsill ser ikompli jikkomunika mal-partijiet rilevanti kollha dwar din il-kwistjoni.
4. L-Unjoni Ewropea tilqa' u tistenna b'interess it-tkomplija tal-ħruġ ta' liċenzji tal-esportazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kontroll ta' Assi Barranin (Office of Foreign Assets Control) tal-Istati Uniti għat-trasferiment ta' inġenji tal-ajru kummerċjali tal-passiġġieri u parts u servizzi relatati lill-Iran. Il-bejgħ ta' għadd sinifikanti ta' inġenji tal-ajru lill-kumpanniji tal-ajru tal-Iran ser ikun sinjal importanti għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-PAKK. Il-fatt li l-użu finali tal-inġenji tal-ajru jkun esklużivament għall-avjazzjoni ċivili ser itejjeb il-mobbiltà tal-persuni u jikkontribwixxi għal ambjent aktar sikur għall-avjazzjoni kummerċjali.
5. Ir-rispett tal-impenji min-naħat kollha huwa kondizzjoni meħtieġa biex tkompli tinbena mill-ġdid il-fiduċja u jkun jista' jsir titjib kontinwu, kostanti u gradwali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iran kif iddikjarat mill-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Lulju 2015.
6. Il-Kunsill itenni l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran f'oqsma ta' interess komuni bħalma huma d-djalogu politiku, id-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni ekonomika, il-kummerċ u l-investiment, l-agrikoltura, it-trasport, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, il-kooperazzjoni nukleari ċivili, l-ambjent, il-protezzjoni ċivili, ix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, inkluż permezz ta' skambji universitarji, il-kultura, id-drogi, il-migrazzjoni, kwistjonijiet reġjonali u umanitarji kif imniżżel fid-Dikjarazzjoni konġunta maqbula bejn ir-RGħ/VP u l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin fil-laqgħa tagħhom ta' April. Il-Kunsill jappoġġa strateġija koordinata tal-UE ta' involviment gradwali mal-Iran li tkun komprensiva fl-ambitu tagħha, kooperattiva fejn ikun hemm interess reċiproku, kritika meta jkun hemm differenzi u kostruttiva fil-prattika. Bħala parti minn dan, il-Kunsill jappoġġa b'mod sħiħ il-ftuħ immedjat ta' Delegazzjoni tal-UE fl-Iran bħala pass ewlieni biex titwassal l-aġenda ta' kooperazzjoni ġenerali.
7. Il-Kunsill jilqa' l-espansjoni tar-relazzjoni ekonomika tal-UE mal-Iran bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-PAKK u jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-adeżjoni tal-Iran mad-WTO bħala mod li bih jippromwovi riformi relatati mas-suq u jikseb riintegrazzjoni fl-ekonomija globali u fis-sistema ta' kummerċ ibbażata fuq regoli. Sabiex l-Iran jibbenefika b'mod sħiħ mit-tneħħija tas-sanzjonijiet, inkluż l-użu sħiħ mill-ġdid tal-banek u n-negozji Ewropej, huwa importanti li jindirizza ostakli relatati mal-politika ekonomika u fiskali, l-ambjent kummerċjali u l-istat tad-dritt. Il-Kunsill jilqa' l-adozzjoni ta', u l-impenn politiku ta' livell għoli, mill-Iran, għal Pjan ta' Azzjoni ta' Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja biex jindirizza n-nuqqasijiet strateġiċi tiegħu fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu, u d-deċiżjoni tiegħu li jfittex assistenza teknika u jħeġġeġ l-implimentazzjoni rapida u f'waqtha tal-pjan ta' azzjoni. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma lesti jikkooperaw mal-Iran f'dawn l-oqsma, inkluż bl-għoti ta' assistenza teknika għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-FATF, u jikkunsidraw l-użu ta' krediti għall-esportazzjoni biex jiffaċilitaw il-kummerċ, il-finanzjament ta' proġetti u l-investiment fl-Iran. Il-Kunsill jilqa' l-prospett li jiġi estiż il-mandat ta' self ta' pajjiż terz mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għall-Iran.
8. Il-Kunsill jinnota l-impenn tal-President Iranjan li jtejjeb id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Madankollu, huwa jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-użu frekwenti tal-piena tal-mewt inkluż kontra trasgressuri minorenni u dawk ħatja ta' reati relatati mad-droga. L-UE topponi l-użu tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha. Il-Kunsill jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żgurati drittijiet ugwali għan-nisa u l-persuni li jappartjenu għall-minoranzi kollha, inkluż il-minoranzi etniċi u reliġjużi, ir-rispett għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni tat-trattati li l-Iran huwa parti tagħhom kif ukoll l-adeżjoni ma' dawk il-konvenzjonijiet li għadu mhux stat parti tagħhom. Huwa jappella wkoll lill-Iran biex jikkoopera ma' u jagħti aċċess lir-relatur speċjali tan-NU. L-UE għandha l-għan li tindirizza dawn il-kwistjonijiet b'mod kostruttiv, inkluż permezz ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, li għandu jkompli jidentifika oqsma ta' kooperazzjoni f'dan il-qasam.
9. Il-Kunsill jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet li qed jiżdiedu fir-reġjun u jappoġġa modi li jippromwovu ambjent reġjonali aktar kostruttiv. L-Iran għandha rwol reġjonali importanti u huwa ta' importanza kbira li jieħu passi konkreti u kostruttivi li jgħinu biex is-sitwazzjoni reġjonali mtejba ssir realtà. L-UE tenfasizza l-approċċ bilanċjat tagħha għar-reġjun u tħeġġeġ lill-pajjiżi kollha fir-reġjun biex jaħdmu biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u jiġu evitati azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-vjolenza, is-settarjaniżmu u l-polarizzazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kunsill jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iżviluppi militari reġjonali, inkluż fil-programm missilistiku tal-Iran u jappella lill-Iran biex iżomm lura minn attivitajiet li jistgħu japprofondixxu n-nuqqas ta' fiduċja, bħal testijiet ta' missili ballistiċi, li mhumiex konsistenti mal-UNSCR 2231, u d-dikjarazzjonijiet assoċjati magħhom.
10. L-UE ttenni l-konklużjonijiet tagħha dwar is-Sirja tas-17 ta' Ottubru 2016 u tappella urġentement għat-tmiem tal-attakki eċċessivi u sproporzjonati mir-reġim Sirjan u l-alleati tiegħu, li huma kemm intenzjonati kif ukoll indiskriminati, kontra l-popolazzjonijiet ċivili, il-persunal umanitarju u tal-kura tas-saħħa u l-infrastrutturi ċivili u umanitarji. Għalhekk, il-Kunsill iħeġġeġ lill-Iran biex juża l-influwenza tiegħu fuq ir-reġim Sirjan biex itemm il-vjolenza kontra l-popolazzjonijiet ċivili, il-persunal umanitarju u l-infrastrutturi ċivili u umanitarji, jippermetti aċċess umanitarju sħiħ u bla xkiel fil-pajjiż kollu u jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv fi proċess politiku negozjat. Il-Kunsill iħeġġeġ ukoll lill-Iran biex jikkontribwixxi b'mod sħiħ sabiex titwitta t-triq biex jissokta proċess politiku inklużiv u mmexxi mis-Sirjani taħt il-patroċinju tan-NU. Il-Kunsill jilqa' l-involviment tar-Rappreżentant Għoli f'dan ir-rigward u jistedinha tkompli b'din il-ħidma mal-atturi ewlenin fir-reġjun b'appoġġ għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Staffan de Mistura
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024