- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 9 ta' Diċembru 2016 16:50
Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil: il-Kunsill lest li jibda n-negozjati dwar il-Eurodac
Il-Kunsill approva mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar ir-riformulazzjoni tar-regolament Eurodac. Fuq il-bażi ta' dan il-mandat, il-presidenza ser tibda negozjati mal-Parlament Ewropew hekk kif dan tal-aħħar ikun adotta l-pożizzjoni tiegħu.
Din hija parti importanti tar-Riforma Ewropea Komuni tal-Asil, waħda mill-prijoritajiet prinċipali tagħna. Ninsab kuntent bil-progress li fuqu l-Presidenza Maltija tista' tibni.
Robert Kaliňák, Ministru għall-Intern tas-Slovakkja u President tal-Kunsill
Il-ministri adottaw it-test bil-fehim li l-partijiet relatati ma' fajls oħrajn tar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) ser jiġu riveduti ladarba jkun hemm qbil dwarhom. Il-mandat ser jiġi aġġornat ukoll fid-dawl tad-diskussjonijiet dwar il-kwistjoni ta' interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni.
Il-mira tar-riforma hija li tadatta u ssaħħaħ is-sistema Eurodac u testendi l-ambitu tagħha, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat ir-ritorn u tgħin biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari.
Il-proposta l-ġdida, kif inhi bħalissa, ser testendi l-ambitu tar-regolament Eurodac sabiex jinkludi l-possibbiltà għall-istati membri biex jaħżnu u jfittxu data li tappartjeni lil ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi li mhumiex applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u jinsab li qegħdin joqogħdu b'mod irregolari fl-UE, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati għal finijiet ta' ritorn u riammissjoni. L-estensjoni tal-ambitu u s-simplifikazzjoni tal-aċċess tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-Eurodac għandhom jgħinu lill-istati membri jżommu s-sigurtà fl-UE.
Minbarra l-ġbir ta' data bijometrika addizzjonali - l-immaġini tal-wiċċ, dan jippermetti wkoll lill-istati membri biex jaħżnu aktar data alfanumerika fil-Eurodac, bħall-ismijiet, id-dati tat-twelid, in-nazzjonalitajiet, id-dettalji tal-identitajiet jew dokumenti tal-ivvjaġġar ta' individwi.
Kuntest
Eurodac hija bażi ta' data bijometrika għat-tqabbil tal-marki tas-swaba', li tgħin lill-istati membri tal-UE u pajjiżi assoċjati li jipparteċipaw fil-bażi ta' data biex jivverifikaw jekk applikant għall-asil ikunx applika preċedentement għall-asil fi stat Ewropew ieħor jew jekk applikant għall-asil ikunx preċedentement inqabad huwa u dieħel illegalment f'territorju Ewropew. Din għandha l-għan li tagħmilha eħfef għall-istati Ewropej biex jistabbilixxu r-responsabbiltà għall-eżami ta' applikazzjoni għall-asil u tiffaċilita l-applikazzjoni tar-regolament ta' "Dublin"
B'segwitu għall-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta' April 2016 dwar ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, il-Kummissjoni ppreżentat f'Mejju u f'Lulju seba' proposti leġislattivi, inkluż il-proposta msemmija hawn fuq għal regolament dwar l-Eurodac, bl-għan li:
- jitjieb il-funzjonament tas-SEKA billi jiġu eliminati t-trattament differenti ta' persuni li jfittxu l-asil u r-rati ta' rikonoxximent li jvarjaw fost l-istati membri;
- jitnaqqsu l-movimenti sekondarji u jsir kontribut għal distribuzzjoni aktar ġusta, fost l-istati membri, tar-responsabbiltà li tiġi offruta protezzjoni lil dawk fil-bżonn.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024