"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Atti ta' implimentazzjoni u atti delegati

L-atti ta' implimentazzjoni u l-atti delegati jistipulaw regoli addizzjonali jew dettaljati li jgħinu biex il-liġijiet tal-UE jitqiegħdu fil-prattika. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew jistgħu jawtorizzaw lill-Kummissjoni Ewropea tadotta tali atti.

X'inhuma atti ta' implimentazzjoni u atti delegati?

L-atti ta' implimentazzjoni u l-atti delegati jgħinu biex jiġi żgurat li liġi adottata tal-UE tiġi applikata b'mod konsistenti fil-pajjiżi kollha tal-UE, jew jiddefinixxu dettalji tekniċi.

It-tnejn huma atti mhux leġiżlattivi, li jfisser li ma jiġux adottati permezz tal-proċeduri leġiżlattivi tal-UE. Minflok, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jistgħu jawtorizzaw lill-Kummissjoni Ewropea, il-korp eżekuttiv tal-UE, tadotta dawn l-atti.

Filwaqt li atti ta' implimentazzjoni ma jistgħux jimmodifikaw il-liġi ewlenija li tagħti setgħat lill-Kummissjoni, atti delegati jistgħu jissupplimentaw jew jemendaw l-elementi mhux essenzjali tagħha.

Atti ta' implimentazzjoni

L-atti ta' implimentazzjoni jiżguraw li l-liġijiet tal-UE jiġu applikati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE. Ma jistgħux ibiddlu l-liġi ewlenija.

Il-kumitati ta' esperti nazzjonali jeżaminaw l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni. L-opinjoni tagħhom tista' tkun vinkolanti jew mhux vinkolanti, skont il-proċedura. Il-Kunsill u l-Parlament, madankollu, ma jistgħux jimblukkaw l-adozzjoni tal-att.

Eżempji: bażijiet ta' data, regoli dwar il-prezzijiet agrikoli, l-approvazzjoni ta' prodotti mediċinali

Atti delegati

L-atti delegati jippermettu lill-Kummissjoni tissupplimenta jew temenda elementi mhux essenzjali tal-liġi ewlenija b'dettalji tekniċi.

Dawn jidħlu fis-seħħ biss jekk il-Kunsill u l-Parlament ma joġġezzjonawx.

Eżempji: regoli fuq l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, rekwiżiti għat-tikkettar tal-ikel, miżuri għas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti

Atti ta' implimentazzjoni – proċedura pass pass

Is-setgħat ta' implimentazzjoni normalment jingħataw lill-Kummissjoni Ewropea. F'ċerti każijiet speċifiċi, il-Kunsill jadotta l-att ta' implimentazzjoni minflok.

L-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni mħejjija mill-Kummissjoni jiġu eżaminati minn kumitati ta' esperti nazzjonali, u għalhekk il-proċedura tissejjaħ il-proċedura ta' kumitat, jew kultant, informalment, komitoloġija. Hemm ftit eċċezzjonijiet fejn il-Kummissjoni tista' tadotta att ta' implimentazzjoni mingħajr ma tinvolvi kumitat, eż. għall-allokazzjoni ta' għotjiet żgħar.

X'inhuma l-kumitati tal-komitoloġija?

Il-kumitati tal-komitoloġija huma magħmula minn rappreżentanti mill-pajjiżi tal-UE (esperti nazzjonali) u huma ppreseduti mill-Kummissjoni.

X'inhi l-proċedura ta' kumitat?

Hemm żewġ proċeduri ta' kumitat, li jvarjaw fil-livell sa fejn il-kumitat ikun involut:

  • il-proċedura konsultattiva
  • il-proċedura ta' eżami

Proċedura konsultattiva

Il-proċedura konsultattiva tintuża pereżempju għal atti ta' implimentazzjoni, jew biex jingħataw għotjiet jew finanzjament.

  1. L-Ewwel Pass

    Il-kumitat konsultattiv jagħti l-opinjoni tiegħu b'maġġoranza sempliċi.

  2. It-Tieni Pass

    Il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk tadottax l-att, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-kumitat. L-opinjoni tal-kumitat mhijiex vinkolanti.

Proċedura ta' eżami

Il-proċedura ta' eżami hija l-unika waħda li fiha l-pajjiżi tal-UE jistgħu jwaqqfu l-adozzjoni ta' att ta' implimentazzjoni.

Din il-proċedura hija użata pereżempju għal atti ta' implimentazzjoni marbuta ma' programmi kbar tal-UE, il-politika agrikola komuni, is-sajd, l-ambjent, u r-regoli dwar is-sikurezza u s-saħħa.

  1. L-Ewwel Pass

    Il-kumitat ta' eżami jagħti l-opinjoni tiegħu b'maġġoranza kwalifikata, jiġifieri 55% tal-esperti nazzjonali li jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE.

  2. It-Tieni Pass

    Jekk l-opinjoni tal-kumitat tkun pożittiva, il-Kummissjoni tadotta l-att. Jekk l-opinjoni tal-kumitat tkun negattiva, il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-att. Jekk il-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni tista' tadotta l-att, sakemm il-liġi ewlenija ma teskludix din il-possibbiltà, maġġoranza sempliċi tal-kumitat ma topponix, jew l-att ma jkunx jikkonċerna t-tassazzjoni, is-servizzi finanzjarji, jew il-protezzjoni tas-saħħa jew tas-sikurezza.

Jekk il-Kummissjoni ma titħalliex tadotta l-att ta' implimentazzjoni, tista':

  • tippreżenta abbozz rivedut lill-kumitat ta' eżami fi żmien xahrejn
  • tippreżenta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni lil kumitat ta' appell (magħmul ukoll minn rappreżentanti nazzjonali) fi żmien xahar

Atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament

F'każijiet urġenti ġustifikati kif xieraq, u jekk l-att leġiżlattiv jippermetti dan, il-Kummissjoni tista' tadotta l-att ta' implimentazzjoni qabel ma tikkonsulta lill-kumitat. F'każijiet bħal dawn:

  • trid tikkonsulta lill-kumitat fi żmien 14-il jum wara l-adozzjoni
  • l-att japplika għal perjodu massimu ta' sitt xhur, sakemm l-att leġiżlattiv ma jipprevedix mod ieħor

Meta tapplika l-proċedura ta' eżami u l-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni trid tħassar l-att immedjatament.

Bażi legali

L-atti ta' implimentazzjoni huma definiti fl-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fir-regolament dwar il-proċedura ta' kumitat (ir-Regolament (UE) Nru 182/2011).

Atti delegati – proċedura pass pass

L-atti delegati jistgħu jiġu adottati biss jekk il-liġi ewlenija tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadottahom. L-att leġiżlattiv jiddefinixxi l-objettivi, il-kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien ta' din id-delega.

Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew jistgħu jirtiraw din id-delega fi kwalunkwe ħin, anke jekk il-Kummissjoni tkun għadha ma ppreżentatx att delegat.

L-adozzjoni ta' att delegat issegwi tliet passi ewlenin:

  1. 1

    Tfassil u konsultazzjoni

    Il-Kummissjoni tħejji l-att delegat. Trid tikkonsulta esperti maħtura minn kull pajjiż tal-UE qabel ma tadotta l-att.

  2. 2

    Eżami

    Il-Kunsill u l-Parlament it-tnejn jeżaminaw l-att delegat.

    Limitu ta' żmien: xahrejn, jista' jiġġedded

  3. 3

    Dħul fis-seħħ

    Jekk il-Kunsill jew il-Parlament joġġezzjona, l-att delegat ma jistax jidħol fis-seħħ.

    Jekk ma titqajjem ebda oġġezzjoni, l-att delegat jidħol fis-seħħ.

Bażi legali

L-atti delegati huma definiti fl-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-binjiet tal-Kunsill tal-UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, konnessi b'linja.

Ir-rwol tal-Kunsill fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Il-bini tal-Kunsill maġenb sett karti u pożakarti.

X'jagħmel il-Kunsill

Illustrazzjoni tal-bini tal-Kunsill.

Kif inhi organizzata l-ħidma tal-Kunsill Ewropew

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Frar 2026