Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 28 u 29 ta' Ġunju 2021

Riżultati ewlenin

Agrikoltura

Riforma tal-Politika Agrikola Komuni

Il-punt prinċipali fuq l-aġenda għal-laqgħa tal-Kunsill ta' dan ix-xahar kienet ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-presidenza Portugiża talbet lill-ministri biex jaċċettaw il-ftehim proviżorju dwar il-kwistjonijiet politiċi ewlenin li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew matul in-negozjati interistituzzjonali nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa.

Wara diskussjoni ta' xi wħud mill-punti ewlenin, inkluż il-miżuri ambjentali u d-dimensjoni soċjali tal-PAK, il-ministri aċċettaw il-ftehim proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament dwar it-tliet regolamenti li jiffurmaw il-pakkett ta' riforma tal-PAK. Issa ser issir aktar ħidma teknika biex jiġu ffinalizzati t-testi legali, u wara dan, l-MEPs ser jiġu mistiedna jivvutaw dwar il-pakkett ta' riforma. Ir-riforma mbagħad tidħol fil-liġi tal-UE hekk kif tiġi adottata mill-Kunsill.

Maria do Céu Antunes, Ministru għall-Agrikoltura tal-Portugall
Illum qbilna dwar l-aktar PAK ambizzjuża sal-lum. Dan huwa ftehim tajjeb għall-bdiewa u għall-Ewropa, li ser isaħħaħ is-sistema agroalimentari Ewropea, u b'hekk jagħmilha aktar sostenibbli u aktar ġusta għal kulħadd. Il-ftehim jipprevedi PAK modernizzata li tappoġġa t-tranżizzjoni lejn biedja aktar ekoloġika u li ma tagħmilx ħsara lill-klima, iżżid ir-rispett għad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, u tiżgura li l-bdiewa jibqgħu kompetittivi mingħajr ma ħadd jitħalla jibqa' lura.
Maria do Céu Antunes, Ministru għall-Agrikoltura tal-Portugall
Maria do Céu Antunes, Ministru għall-Agrikoltura tal-Portugall

Is-sitwazzjoni tas-suq

Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni tas-suq agrikolu fl-istati membri rispettivi tagħhom u stiednu lill-Kummissjoni biex tipprovdi rispons għal kwalunkwe tħassib. Huma laqgħu l-irkupru qawwi tas-settur tal-ikel tal-UE wara l-ftuħ mill-ġdid gradwali tas-servizzi tal-ikel u t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment ta' persuni u oġġetti assoċjati mal-kriżi tal-COVID-19. Madankollu, xi stati membri rrappurtaw kwistjonijiet f'setturi u reġjuni speċifiċi li kienu affettwaw l-introjtu tal-produtturi. Dawn kienu jinkludu l-Brexit, id-deni Afrikan tal-ħnieżer u l-influwenza avjarja, l-ispejjeż għoljin tal-għalf għall-bhejjem, u t-temp kiesaħ b'mod mhux staġjonali fil-bidu ta' April.

Aġenti ta' kontroll bijoloġiku

Il-ministri ppreżentaw talba lill-Kummissjoni għal studju dwar is-sitwazzjoni fl-UE rigward l-introduzzjoni, il-valutazzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta' aġenti ta' kontroll bijoloġiku. Huma stiednu wkoll lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar miżuri possibbli jekk meħtieġ fid-dawl tar-riżultat tal-istudju.

L-aġenti ta' kontroll bijoloġiku (BCAs) huma forma sostenibbli ta' kontroll tal-pesti tal-pjanti li jistgħu jipprovdu alternattiva għall-użu ta' prodotti kimiċi. Madankollu, bħalissa hemm differenzi sinifikanti fost l-istati membri f'termini tal-approċċ tagħhom għall-valutazzjoni, l-użu u t-tqegħid fis-suq tal-BCAs. Għaldaqstant, qafas tal-UE aktar armonizzat jista' iżid id-disponibbiltà u jiggarantixxi l-użu sikur ta' din il-forma ta' kontroll tal-pesti.

L-istabbiliment ta' għan ta' protezzjoni għan-naħal tal-għasel

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit Għan Speċifiku ta' Protezzjoni (SPG) għan-naħal tal-għasel, abbażi tal-aħħar gwida mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) rigward ir-riskju maħluq mill-użu tal-pestiċidi. B'mod partikolari, huma qiesu r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit it-tnaqqis massimu permess tad-daqsijiet tal-kolonja tan-naħal għal 10%. Skont l-SPG propost, l-istati membri jkunu meħtieġa jieħdu azzjoni jekk jirriżulta li l-kolonji tan-naħal tal-għasel jkunu tilfu aktar minn 10% tad-daqs tagħhom minħabba l-użu tal-pestiċidi. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-istess SPG japplika għall-UE kollha. B'mod ġenerali l-ministri qablu dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit SPG ambizzjuż madwar l-UE għall-protezzjoni tan-naħal tal-għasel mill-pestiċidi. Huma enfasizzaw ukoll li l-valutazzjonijiet kellhom ikunu bbażati fuq sejbiet xjentifiċi, kif ukoll li jkunu fattibbli biex jiġu implimentati.

Illustrazzjoni li turi trakk qed iġorr prodotti agrikoli
Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment (Infografika)

Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment (Infografika)

Sajd

Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali dwar ir-reviżjoni tas-sistema ta' kontroll tas-sajd. L-għan ta' din ir-reviżjoni, proposta mill-Kummissjoni Ewropea f'Mejju 2018, huwa li timmodernizza r-regoli għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, tagħmilhom aktar effiċjenti u effettivi, u tiżgura konformità mal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u politiki oħra tal-UE. Din hija l-ewwel reviżjoni kbira tas-sistema ta' kontroll tas-sajd tal-UE mill-2009. L-adozzjoni tal-approċċ ġenerali tal-Kunsill twitti t-triq għal negozjati interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew.

Ricardo Serrão Santos, Ministru għall-Baħar tal-Portugall
L-istabbiliment ta' pożizzjoni tal-Kunsill dwar ir-regolament dwar il-kontroll tas-sajd kien prijorità ewlenija għall-presidenza Portugiża, u aħna kuntenti ħafna bir-riżultat tad-diskussjoni tal-lum. L-approċċ ġenerali propost ser jiżgura li l-kontroll tas-sajd jista' jiġi mmodernizzat u ssimplifikat filwaqt li jinġieb f'konformità mal-politika tas-sajd tal-UE.
Ricardo Serrão Santos, Ministru għall-Baħar tal-Portugall
Ricardo Serrão Santos, Ministru għall-Baħar tal-Portugall

Politika Komuni tas-Sajd (PKS): sitwazzjoni attwali u opportunitajiet tas-sajd għall-2022

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-ministri l-komunikazzjoni annwali tagħha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-PKS u dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2022. Din il-komunikazzjoni u d-diskussjoni li segwiet kienet l-ewwel stadju ta' proċess ta' konsultazzjoni bejn l-istati membri, il-kunsilli konsultattivi, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2022, li ser jibqa' għaddej sal-31 ta' Awwissu 2021.

Affarijiet oħra

Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu

Il-ministri rċevew informazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu, li daħlet fis-seħħ f'Settembru 2014. Id-direttiva tapplika għal 22 stat membru b'reġjuni kostali, u l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali kienet il-31 ta' Marzu 2021. Il-ministri rringrazzjaw lill-Kummissjoni għall-informazzjoni pprovduta.

Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA)

Il-ministri rċevew informazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-eżerċizzju ta' programmazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA), b'enfasi partikolari fuq il-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-investiment pubbliku fis-sajd u l-akkwakultura. Il-Kummissjoni nnotat li l-fond jista' jkollu rwol deċiżiv fl-appoġġ tas-setturi Ewropej tas-sajd u l-akkwakultura, li għaddejjin minn perjodu ta' sfida wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-impatt tal-pandemija tal-COVID 19.

Sitwazzjoni fil-Grigal tal-Atlantiku

Il-ministri rċevew informazzjoni mid-delegazzjoni Franċiża, Irlandiża u dik Spanjola dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Grigal tal-Atlantiku fir-rigward tar-relazzjonijiet tas-sajd ma' pajjiżi terzi fir-reġjun. B'mod partikolari huma ddiskutew il-konsegwenzi tad-deċiżjoni tan-Norveġja li tnaqqas il-kwota tal-UE għall-bakkaljaw fiż-żona ta' Svalbard, kif ukoll l-istabbiliment unilaterali ta' kwoti mill-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe għall-kavalli fil-Baħar tat-Tramuntana.

Supplimenti tal-ikel fis-suq tal-UE

Il-presidenza ppreżentat rapport dwar is-sitwazzjoni attwali tar-regoli li japplikaw għat-tqegħid ta' supplimenti tal-ikel fis-suq tal-UE, u ppreżentat għadd ta' possibilitajiet potenzjali għat-titjib tas-sitwazzjoni attwali. B'mod partikolari, hija rreferiet għall-ħtieġa li tiġi aġġornata d-definizzjoni ta' supplimenti tal-ikel, li jiġu armonizzati aktar il-kondizzjonijiet ta' aċċess għas-suq, u li jiżdied l-għarfien fost il-konsumaturi u l-professjonisti dwar ir-riskji ta' konsum mhux xieraq jew eċċessiv ta' dawn il-prodotti. Wara din il-preżentazzjoni, l-istati membri kellhom skambju ta' fehmiet, b'ħafna minnhom jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-konklużjonijiet tar-rapport.

Azzjoni konġunta dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (JAMRAI)

Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Azzjoni Konġunta Ewropea dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi u l-Infezzjonijiet Assoċjati mal-Kura tas-Saħħa (EU-JAMRAI) u ddeskriviet il-passi li jmiss għal din l-azzjoni. Wara din il-preżentazzjoni, tkellmu għadd ta' ministri biex jesprimu appoġġ għall-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-istati membri kollha. Il-presidenza kkonkludiet billi enfasizzat l-aspett globali tat-theddida u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell internazzjonali.

Trobbija ta' annimali għall-pil fl-UE

L-Awstrija u n-Netherlands ppreżentaw lill-ministri nota ffirmata minn diversi delegazzjonijiet oħra dwar il-kwistjoni tat-trobbija ta' annimali għall-pil fl-Unjoni Ewropea. Huma appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni xierqa biex tintemm it-trobbija ta' annimali għall-pil fl-Ewropa, filwaqt li stipulaw ir-raġunijiet tagħhom għal din it-talba f'termini ta' benesseri tal-annimali, kunsiderazzjonijiet etiċi u r-riskji għas-saħħa pubblika. Tkellmu għadd ta' ministri biex jesprimu l-appoġġ tagħhom għal din il-proposta.

Id-49 Konferenza tad-diretturi tal-aġenzija tal-pagamenti tal-UE

Il-presidenza pprovdiet lill-ministri b'informazzjoni dwar id-49 Konferenza tad-Diretturi tal-Aġenziji tal-Pagamenti tal-UE, li saret online fid-9 ta' Ġunju 2021. Għal-laqgħa attendew id-delegazzjonijiet tal-istati membri u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA). Is-suġġetti diskussi kienu jinkludu r-riforma tal-PAK, l-awditjar u l-assigurazzjoni, il-proġett pilota FaST, il-kunflitti ta' interess, u l-ġestjoni tar-riskju.

Kontijiet ekonomiċi reġjonali għall-agrikoltura (REAA) u statistika dwar l-inputs u l-outputs agrikoli (SAIO)

Il-presidenza pprovdiet lill-ministri b'aġġornament dwar is-sitwazzjoni attwali tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-proposti tal-Kummissjoni għall-Kont Ekonomiku Reġjonali għall-Agrikoltura (REAA) u għall-Istatistika dwar l-Input u l-Output Agrikolu (SAIO), u enfasizzat kemm dawn ir-regolamenti jkunu utli f'termini ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni.

Ir-Raba' Konferenza Ministerjali dwar l-Agrikoltura bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar l-eżitu tar-raba' konferenza ministerjali dwar l-agrikoltura bejn l-Unjoni Afrikana (UA) u l-Unjoni Ewropea (UE), li saret fit-22 ta' Ġunju 2021. Wara interventi minn għadd ta' stati membri, il-presidenza kkonkludiet billi rringrazzjat lill-Kummissjoni u tenniet l-importanza tal-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tad-djalogu politiku dwar l-agrikoltura mas-sħab fir-reġjun Afrikan.

Katastrofi naturali reċenti fiċ-Ċekja

Id-delegazzjoni Ċeka aġġornat lill-ministri dwar il-katastrofi naturali reċenti fiċ-Ċekja u l-ħsara serja kkawżata lis-settur agrikolu b'riżultat ta' dan. Hija appellat lill-UE biex tipprovdi assistenza finanzjarja u assistenza oħra biex tgħin tindirizza din is-sitwazzjoni. Ħafna stati membri tkellmu biex jappoġġaw it-talba taċ-Ċekja u jesprimu s-solidarjetà tagħhom.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025