"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 10 ta' Lulju 2026
Riżultati ewlenin
Unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti
L-impenn unanimu li ħadu l-ministri llum jirrifletti r-rieda politika qawwija biex jintlaħaq ftehim rigward il-pakkett dwar l-integrazzjoni tas-suq u s-superviżjoni din is-sena, u għarfien li ser ikun meħtieġ kompromess min-naħa tal-istati membri biex isir dan. Ninsab fiduċjuż li nistgħu nilħqu ftehim li jirrappreżenta eżitu favorevoli għall-istati membri kollha, u li ser iwassal għal swieq kapitali aktar profondi u aktar effiċjenti għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE.
Simon Harris, Tánaiste u Ministru għall-Finanzi tal-Irlanda
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-pakkett dwar l-integrazzjoni tas-suq u s-superviżjoni – element ewlieni tal-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti. Il-ftehim dwar dan il-pakkett huwa wieħed mill-objettivi ta' "Ewropa Waħda, Suq Wieħed".
Abbażi ta' nota ta' gwida mill-presidenza, il-ministri esprimew impenn politiku ċar biex sa Ottubru tintlaħaq pożizzjoni ta' negozjar robusta u ambizzjuża tal-Kunsill dwar il-pakkett, u b'mod ġenerali qablu dwar il-kwistjonijiet ta' politika ċentrali li għandhom jiġu solvuti biex jintlaħaq dan l-għan.
L-istati membri ddeskrivew il-prijoritajiet tagħhom għan-negozjati li ġejjin. L-ECOFIN ħa nota tal-iskambju, u l-presidenza ser tirrifletti dwar il-kwistjonijiet li tqajmu filwaqt li jibqa' jsegwi l-iskeda ta' żmien approvata mill-ministri.
Il-Kunsill ta mandat lit-timijiet tekniċi biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom biex jgħinu fl-ilħuq tal-ambizzjoni stabbilita mill-ministri għall-finanzi tal-UE.
L-abbozz ta' leġiżlazzjoni dwar l-integrazzjoni tas-suq u s-superviżjoni għandu l-għan li japprofondixxi l-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE billi jelimina l-ostakli għall-forniment transfruntier ta' attivitajiet ta' investiment u jsaħħaħ l-effiċjenza superviżorja. Dan għandu jgħin biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE permezz tal-mobilizzazzjoni tat-tfaddil privat.
B'mod partikolari, l-abbozz ta' regoli jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu r-rwol tal-awtorità Ewropea tat-titoli u s-swieq (ESMA), anke billi jissaħħaħ ir-rwol tagħha fis-superviżjoni fil-livell tal-UE għall-atturi ewlenin fis-suq, bħall-kontropartijiet ċentrali sinifikanti, id-depożitorji ċentrali tat-titoli, iċ-ċentri ta' negozjar u l-fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi, u jirriformaw il-governanza tagħha.
Il-presidenza Irlandiża ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għat-tieni nofs tas-sena fil-qasam tal-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji.
B'mod partikolari, il-presidenza Irlandiża ħabbret li l-ħidma tagħha ser tkun iggwidata minn tliet prijoritajiet ġenerali: il-kompetittività, il-valuri u s-sigurtà, f'konformità mal-Aġenda Strateġika tal-UE 2024–2029.
Fil-qasam ekonomiku u finanzjarju, l-Irlanda ser tenfasizza t-tisħiħ tal-kompetittività, ir-reżiljenza u l-kapaċità tal-UE biex tirreaġixxi għal ambjent ġeopolitiku u ekonomiku dejjem aktar diffiċli.
Il-prijoritajiet tal-presidenza tagħna jirriflettu l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċa l-UE, iżda wkoll l-opportunitajiet li hemm meta l-Ewropa taġixxi f'għaqda bħala entità waħda. Ippreżentajt programm ta' ħidma ambizzjuż għall-bqija tas-sena, f'konformità mal-miri tal-pjan direzzjonali "Ewropa Waħda, Suq Wieħed". Biex jirnexxi, dan ser jirrikjedi li l-istati membri kollha, u kull istituzzjoni, jingħaqdu flimkien fi spirtu ta' ħidma iebsa u kompromess. Min-naħa tagħna, l-Irlanda tinsab lesta biex taħdem u tistinka ħalli titmexxa 'l quddiem il-ħidma li għaddejja għal UE sigura u kompetittiva, bil-valuri Ewropej fil-qalba tagħha.
Simon Harris, Tánaiste u Ministru għall-Finanzi tal-Irlanda
Il-ministri ddeċidew li jiftħu proċedura ta' defiċit eċċessiv (PDE) fir-rigward tal-Bulgarija. Adottaw ukoll rakkomandazzjoni għall-Bulgarija li tiddeskrivi l-perkors tan-nefqa netta u l-iskeda ta' żmien li għandhom jiġu segwiti biex sal-2029 jintemm id-defiċit eċċessiv tagħha.
Il-mekkaniżmu tal-PDE huwa mfassal biex jiżgura li l-istati membri tal-UE jżommu jew jerġgħu lura għad-dixxiplina fil-baġits tal-gvernijiet tagħhom. Il-proċeduri jinbdew meta stat membru jkollu defiċit tal-gvern li jaqbeż il-valur referenzjarju ta' 3% tal-PDG, f'konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kunsill illum li jiftaħ PDE hija dovuta għall-projezzjoni li d-defiċit tal-gvern tal-Bulgarija fl-2026 ser ikun 4.1% tal-PDG, li huwa mistenni jkompli jaqbeż it-3% tal-PDG fl-2027. L-użu mill-Bulgarija tal-klawżola liberatorja nazzjonali għall-infiq fid-difiża fl-ambitu tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir ma jispjegax għalkollox l-eċċess ogħla mil-limitu ta' 3%.
Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill jistipula li l-Bulgarija għandha għalhekk tieħu azzjoni effettiva u tippreżenta, sal-15 ta' Ottubru 2026, il-miżuri meħtieġa biex tnaqqas id-defiċit tagħha. Il-Bulgarija għandha tiżgura wkoll li r-rata ta' tkabbir nominali kumulattiva tan-nefqa netta tagħha ma taqbiżx l-4.2% fl-2026, is-7.7% fl-2027 u l-11.4% fl-2028 u l-15% fl-2029.
Il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja ta' kull stat membru, parti mill-proċess tas-semestru Ewropew 2026.
Din is-sena, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) jenfasizzaw b'mod partikolari l-kompetittività, is-sigurtà tal-enerġija, is-sigurtà ekonomika, il-prontezza tad-difiża, u l-ġustizzja soċjali.
F'dak ir-rigward, l-istati membri huma mħeġġa jmexxu 'l quddiem il-prijoritajiet ewlenin b'appoġġ għall-kompetittività, jiżguraw implimentazzjoni rapida tal-fondi ta' koeżjoni, u jkomplu bir-riformi u l-investimenti appoġġati fl-ambitu tal-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza.
Rakkomandazzjonijiet oħra ta' natura aktar fiskali jiffukaw fuq il-perkorsi tal-istati membri lejn il-kisba jew iż-żamma ta' finanzi pubbliċi f'saħħithom, u fuq l-implimentazzjoni prudenti ta' miżuri relatati mal-enerġija fi ħdan il-limiti tar-regoli tal-UE dwar il-governanza ekonomika.
Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet dwar l-analiżijiet fil-fond tal-2026 skont il-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku (MIP). Din il-proċedura għandha l-għan li tidentifika, tipprevjeni u tindirizza l-iżvilupp ta' żbilanċi makroekonomiċi potenzjalment dannużi li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-istabbiltà ekonomika fi stat membru partikolari, fiż-żona tal-euro, jew fl-UE kollha kemm hi.
Illum il-Kunsill approva pjan ġdid għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP) għall-Ungerija.Il-pjan il-ġdid għandu jippermetti li jiġu żborżati €10 biljun lill-Ungerija, li jinkludu madwar €6.5 biljun f'għotjiet u madwar €3.5 biljun f'self.
L-approvazzjoni tal-lum saret wara li l-Ungerija reċentement ippreżentat il-pjan il-ġdid tagħha, wara li xi dewmien fl-ilħuq tal-istadji importanti ħafna fil-pjan preċedenti tal-Ungerija fisser li dan ma kienx għadu jista' jsir minħabba f'żidiet fil-prezzijiet li rriżultaw mill-volatilità fil-prezzijiet tal-enerġija, bidliet mhux mistennija fiċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi, sfidi imprevisti fl-implimentazzjoni, dewmien minħabba restrizzjonijiet ta' żmien jew pressjonijiet ta' skedar, kif ukoll żviluppi oħra.
Fl-istess ħin, il-ministri approvaw emendi mmirati għall-pjanijiet nazzjonali ta' Ċipru, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u s-Slovenja.
L-RRPs jistipulaw aġendi nazzjonali ta' riforma u investiment fil-kuntest tal-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza (RRF) - il-qofol ta' Next Generation EU, l-istrument temporanju tal-UE biex tiffaċilita u taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fl-istati membri, filwaqt li żżid ir-reżiljenza, il-koeżjoni u t-tkabbir sostenibbli.
Biex jibbenefikaw mill-faċilità, l-istati membri jridu jippreżentaw pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) lill-Kummissjoni, li jistipulaw ir-riformi u l-investimenti li jkun biħsiebhom jimplimentaw sa tmiem Awwissu 2026.
Il-Kunsill stabbilixxa l-perkors tan-nefqa netta massima għan-Netherlands – element ewlieni tal-pjan fiskali-strutturali tagħhom fuq terminu medju.
Skont il-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE, fis-seħħ minn tmiem April 2024, l-istati membri huma mitluba jippreżentaw pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkopru minn erba' sa ħames snin, skont iċ-ċiklu elettorali tagħhom.
Il-pjanijiet huma pedament tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-UE, u jinkludu t-trajettorja fiskali tal-istati membri, flimkien mar-riformi u l-investimenti previsti.
Il-perkorsi tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill jikkostitwixxu l-aktar indikatur operazzjonali importanti għas-sorveljanza fiskali fil-livell tal-UE. Din ir-restrizzjoni baġitarja ser tinkwadra l-politiki fiskali nazzjonali tan-Netherlands sal-2030 u tgħin tiddetermina jekk humiex qed iżommu finanzi f'saħħithom.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, abbażi ta' aġġornament mill-Kummissjoni. Dan huwa punt rikorrenti fuq l-aġenda tal-ECOFIN.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.