Skip to content

Il-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) hija l-komponent ewlieni ta' Next Generation EU. Huwa strument temporanju li jipprovdi għotjiet u self biex jappoġġa r-riformi u l-investimenti fl-istati membri tal-UE.

X'inhi l-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza?

Il-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza (RRF) tirrappreżenta l-biċċa l-kbira tal-isforz ta' Next Generation EU: kważi 90% tal-pakkett totali.

Hija programm ta' appoġġ finanzjarju fuq skala kbira mfassal biex jgħin lill-istati membri jindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19.

Stabbilit wara l-adozzjoni ta' regolament tal-Kunsill fil-11 ta' Frar 2021, dan l-istrument temporanju mhux biss jappoġġa l-irkupru iżda jiżgura wkoll li l-ekonomiji tal-istati membri jkunu jistgħu javvanzaw lejn tranżizzjoni ekoloġika u trasformazzjoni diġitali, filwaqt li jippromwovi s-sostenibbiltà u r-reżiljenza għall-futur.

Kif jiġu żborżati l-fondi (fi prezzijiet attwali)

Fi prezzijiet attwali, il-pakkett Next Generation EU huwa ta' madwar €807 biljun. L-RRF, li tammonta għal €723.8 biljun, hija żborżata hekk: €385.8 biljun f'self u €338 biljun f'għotjiet.

Verżjoni testwali

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li tammonta għal €723.8 biljun, hija żborżata hekk:

  • self: €385.8 biljun
  • għotjiet: €338 biljun

Sal-lum, ġew żborżati madwar €426 biljun mill-RRF.

Fit-12 ta' April 2024, il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill irrikonoxxa l-kontribut pożittiv tal-RRF għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għal prijoritajiet oħra tal-UE.

Il-pajjiżi tal-UE kif ikollhom aċċess għall-fondi ta' rkupru?

Matul l-2021 u l-2022, l-istati membri ppreżentaw pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) li jistipulaw l-aġendi tagħhom għar-riforma u l-investiment sal-2026. Intalbu jippreżentaw pakketti koerenti ta' proġetti f'sitt oqsma ta' politika.

Is-sitt oqsma ta' politika tal-pjanijiet nazzjonali

it-tranżizzjoni ekoloġika

it-trasformazzjoni diġitali

it-tkabbir u l-impjiegi intelliġenti, sostenibbli u inklużivi

il-koeżjoni soċjali u territorjali

is-saħħa u r-reżiljenza

il-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, inkluż l-edukazzjoni u l-ħiliet

Fit-30 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni aġġornat il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli għal kull stat membru, f'konformità mal-artikolu 11(2) tar-regolament RRF. Il-pjanijiet ser jiġu rieżaminati u adattati kif meħtieġ biex jittieħed kont tal-allokazzjoni finali tal-fondi.

Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza ġew ivvalutati mill-Kummissjoni abbażi ta' sett ta' kriterji, inkluż:

  • il-konsistenza mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-Semestru Ewropew
  • it-titjib tal-potenzjal ta' tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika u soċjali tal-istat membru
  • kontribuzzjonijiet effettivi għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali (il-pjanijiet nazzjonali għandhom jallokaw mill-inqas 37% tal-baġit għall-klima u l-bijodiversità u mill-inqas 20% oħra għal miżuri diġitali)

Il-valutazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza mbagħad ġiet approvata mill-Kunsill, fi żmien xahar, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni.

Valutazzjoni pożittiva tat-talbiet għall-pagamenti tiddependi fuq l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri rilevanti.

Ir-ratifika tad-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji mill-istati membri kollha ppermettiet lill-UE li tibda tagħmel fondi disponibbli taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Ladarba jibdew il-pagamenti, l-istati membri jirrapportaw dwar il-progress darbtejn fis-sena bħala parti mis-Semestru Ewropew.

Il-pjan ta' rkupru kif jikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija?

Fl-2022, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan REPowerEU biex jegħleb it-tfixkil fis-suq globali tal-enerġija kkawżat mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Il-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjan il-ġdid għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE u l-eliminazzjoni gradwali tad-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi billi tiffinanzja l-infrastruttura u tappoġġa r-riformi fl-enerġija.

Biex jagħmlu dan, l-istati membri qed iżidu kapitli dedikati għar-REPowerEU fil-pjanijiet eżistenti tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-pjanijiet aġġornati għall-irkupru u r-reżiljenza li jinkludu l-kapitli dwar REPowerEU qed jiġu vvalutati mill-Kummissjoni wara proċess simili għal dak deskritt hawn fuq.

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Ġunju 2026