"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Kunsill Affarijiet Barranin, 09/12/2019, 9 ta' Diċembru 2019
Riżultati ewlenin
Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli l-ġdid tal-UE mill-1 ta' Diċembru, ippresieda għall-ewwel darba l-Kunsill Affarijiet Barranin.
Ġrajjiet kurrenti
Il-ministri ddiskutew l-aħħar żviluppi li jikkonċernaw il-memorandum ta' qbil bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-delimitazzjoni tal-ġurisdizzjoni marittima u dwar is-sigurtà u l-kooperazzjoni militari u esprimew it-tħassib tagħhom dwar id-dokument. Il-Kunsill irrefera wkoll għas-sitwazzjoni politika fil-Libja, u b'mod partikolari l-proċess ta' Berlin, li għandu l-għan li jsib soluzzjoni sostenibbli għas-sitwazzjoni fil-pajjiż.
Il-ministri ttrattaw l-Ukrajna, fil-kuntest tas-summit tal-Format tan-Normandija li qed isir illum f'Pariġi. Huma kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fl-Iran, wara l-laqgħa reċenti tal-Kummissjoni Konġunta tal-PAKK, kif ukoll il-protesti reċenti fil-pajjiż. Ir-Rappreżentant Għoli ta informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja, Hong Kong u l-Moldova.
Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika bi tħejjija għal-laqgħat ministerjali u fil-livell ta' summit tas-sena d-dieħla bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana (UA). Id-diskussjoni tikkontribwixxi għad-dibattitu dwar strateġija komprensiva ġdida għall-Afrika.
Ħaġa waħda hija ċara, ma jistax ikollna strateġija għall-Afrika mingħajr l-Afrika. Iridu l-Ewropej iħossuha tagħhom, iżda iktar minnhom l-Afrikani. Irridu nagħmlu kuntatt mas-sħab Afrikani tagħna, u tlabt lill-ministri għall-affarijiet barranin biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ f'dan ir-rigward.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Il-Kunsill indirizza l-aspetti politiċi, ekonomiċi, demografiċi u ta' sigurtà tar-relazzjoni. Ittratta wkoll kwistjonijiet trasversali importanti bħat-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni.
Il-ministri enfasizzaw li l-2020 ser tkun sena kruċjali fir-relazzjoni bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea. Is-summit li jmiss ser ikun stadju importanti fil-modernizzazzjoni u l-intensifikazzjoni tas-sħubija tal-UE mal-Afrika.
Il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill ta ħarsa lejn il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, qabel Jum id-Drittijiet tal-Bniedem fl-10 ta' Diċembru.
Il-ministri għall-affarijiet barranin ivvalutaw il-ħidma tal-UE fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħha u l-prijoritajiet tagħha għax-xhur li ġejjin. Huma affermaw mill-ġdid ukoll it-tmexxija tal-UE fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.
Il-Kunsill irrifletta dwar kif jista' jittejjeb is-sett ta' għodod tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u r-Rappreżentant Għoli ħabbar it-tnedija ta' ħidma preparatorja fuq reġim ta' sanzjonijiet orizzontali possibbli biex jiġi indirizzat ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.
Il-ministri ffukaw ukoll fuq l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili u r-ripressjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'ħafna partijiet tad-dinja. F'dan il-kuntest, tqajjem il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (2020-2024). Dan ser jistabbilixxi l-livell ta' ambizzjoni u l-prijoritajiet tal-UE għall-ħames snin li ġejjin.
Il-ministri ttrattaw ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa fid-dawl ta' Beijing +25.
Ħidma futura: prijoritajiet u ħidma flimkien b'mod aktar effettiv
Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ddiskutew informalment il-metodi ta' ħidma tal-Kunsill Affarijiet Barranin. Ir-rappreżentant Għoli l-ġdid ikkondivida l-perspettiva tiegħu dwar il-prijoritajiet tiegħu kif ukoll dwar kif l-UE tista' taħdem flimkien b'mod aktar effettiv biex tagħti riżultati operattivi.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.