"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin (Kummerċ), 11 ta' Novembru 2021

Riżultati ewlenin

Relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti

Il-Kunsill evalwa l-aħħar żviluppi u ddiskuta kif jinżamm u jissaħħaħ il-momentum pożittiv attwali fir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti, b'enfasi partikolari fuq it-tħabbira (li saret fil-31 ta' Ottubru) dwar il-kummerċ tal-azzar u tal-aluminju u l-prospetti għal impenn futur, b'mod partikolari fir-rigward tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti (TTC).

Zdravko Počivalšek, Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tas-Slovenja
L-UE u l-Istati Uniti huma d-destinazzjoni ta' investiment dirett barrani l-aktar importanti ta' xulxin, b'investimenti reċiproċi ta' aktar minn 60% tal-investimenti diretti barranin globali kollha. Jeħtieġ li nkomplu bl-isforzi biex nippreservaw u nsaħħu aktar is-sħubija kummerċjali transatlantika tagħna għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha fuq iż-żewġ naħat. Id-deċiżjoni reċenti tal-Istati Uniti li tneħħi t-tariffi tat-Taqsima 232 fuq l-azzar u l-aluminju fuq l-importazzjonijiet tal-UE sa livell konformi mal-livelli storiċi tal-kummerċ hija pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda għadha mhijiex id-destinazzjoni finali.
Zdravko Počivalšek, Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tas-Slovenja
Zdravko Počivalšek, Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tas-Slovenja

Fis-Summit ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE u tal-Istati Uniti kkonfermaw ix-xewqa tagħhom li jaħdmu mill-qrib bħala sħab u alleati meta jaħbtu ma' sfidi komuni, biex jegħlbu n-nuqqas ta' qbil, u biex jiffukaw fuq aġenda pożittiva. Il-kooperazzjoni mal-amministrazzjoni ta' Biden hija intensiva u diġà qed tagħti riżultati fosthom l-istabbiliment tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, il-waqfien mill-ġlied fit-tilwima Airbus/Boeing, it-tmiem tal-investigazzjonijiet tat-"Taqsima 301" tal-Istati Uniti dwar it-taxxi fuq is-servizzi diġitali ta' xi stati membri, u l-aktar reċenti, it-tħabbir tat-tneħħija tat-tariffi tal-Istati Uniti fuq l-azzar u l-aluminju tal-UE sal-livelli kummerċjali preċedenti u l-ftehim biex jinbdew negozjati dwar Arranġament Globali dwar l-Azzar u l-Aluminju Sostenibbli.

F'dan il-kuntest, il-ministri esprimew l-impenn tagħhom li jmexxu 'l quddiem aġenda trans-Atlantika pożittiva u li tħares 'il quddiem, u ħeġġew lill-Kummissjoni biex tkompli bl-impenn intensiv tagħha mal-amministrazzjoni ta' Biden. Huma laqgħu wkoll il-passi pożittivi reċenti u indikaw li l-ħidma fuq it-tilwim li għaddej għandha tkompli sakemm dawn jiġu solvuti b'mod definittiv. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi evitat li jitfaċċaw tilwimiet u/jew irritanti ġodda.

Wara t-tħabbira tal-Istati Uniti tas-sostituzzjoni unilaterali tat-tariffi tat-"Taqsima 232" bi kwoti tariffarji, abbażi tal-importazzjonijiet storiċi tal-azzar u l-aluminju mill-UE, mistennija li tittieħed deċiżjoni dwar is-sospensjoni unilaterali tat-tariffi tal-UE tal-ibbilanċjar mill-ġdid – li ġew imposti fuq il-prodotti tal-Istati Uniti b'rispons għat-tariffi tat-"Taqsima 232" – fil-qafas tal-komitoloġija.

Barra minn hekk, in-negozjaturi tal-UE u tal-Istati Uniti qablu li jissospendu l-kawżi rispettivi tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwim fid-WTO, u li jibdew negozjati dwar Arranġament Globali dwar l-Azzar u l-Aluminju Sostenibbli, kif ukoll dwar diversi elementi li jikkonċernaw il-kooperazzjoni li għaddejja (rimedji kummerċjali, kooperazzjoni doganali, monitoraġġ tal-flussi bilaterali tal-azzar u tal-aluminju, u l-kooperazzjoni dwar il-kapaċità eċċessiva mhux tas-suq).

Għalkemm l-arranġament dwar l-azzar u l-aluminju huwa biss soluzzjoni temporanja, huwa titjib għall-produtturi u l-esportaturi tal-azzar u tal-aluminju tal-UE li jaċċessaw is-suq tal-Istati Uniti, u l-UE u l-Istati Uniti issa jistgħu jiffukaw fuq aġenda trans-Atlantika aktar pożittiva li tħares aktar 'il quddiem. L-UE tkompli tikkunsidra li t-tariffi tat-"Taqsima 232" tal-Istati Uniti kontra l-UE u l-esportazzjonijiet tal-azzar u tal-aluminju tagħha huma inkompatibbli mar-regoli tad-WTO, u għalhekk tkompli tappella lill-Istati Uniti għall-eliminazzjoni sħiħa tagħhom.

Il-ministri kellhom skambju informali mar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti (USTR) Katherine Tai. Il-kwistjonijiet topiċi li ġew diskussi matul il-vidjokonferenza inkludew l-impenn fuq l-aġenda pożittiva, speċjalment it-TTC bejn l-UE u l-Istati Uniti, is-sitwazzjoni qabel it-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO u l-ħtieġa li jiġi solvut it-tilwim li għaddej b'mod definittiv.

Riforma tad-WTO u tħejjijiet għat-12-il-Konferenza Ministerjali tad-WTO

Il-Kunsill iddiskuta l-aħħar żviluppi dwar il-proċess ta' riforma tad-WTO u t-tħejjijiet għat-12-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (MC12) li għandha ssir f'Ġinevra mit-30 ta' Novembru sat-3 ta' Diċembru.

Il-ministri esprimew appoġġ ġenerali għal-linja ta' azzjoni ssuġġerita mill-Kummissjoni għall-MC12, b'mod partikolari rigward l-eżiti possibbli, bħal:

  • il-kummerċ u s-saħħa, inkluż komponent tal-proprjetà intellettwali;
  • it-tnedija ta' grupp ta' ħidma dwar it-titjib istituzzjonali tad-WTO li jagħmel proposti għall-Konferenza Ministerjali li jmiss dwar ir-riforma tat-tliet funzjonijiet ewlenin tad-WTO;
  • il-konklużjoni tan-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd;
  • il-konklużjoni tar-regolamentazzjoni domestika fin-negozjati dwar is-servizzi;
  • il-progress fl-Inizjattivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta;
  • il-kummerċ u s-sostenibbiltà ambjentali;
  • it-trasparenza, kif ukoll eżiti possibbli oħra bħall-Kondizzjonijiet Ekwivalenti ta' Kompetizzjoni;
  • programmi ta' ħidma dwar l-agrikoltura.
L-UE ser tkompli taħdem biex jintlaħaq ftehim mill-MC12 u tappella lil Membri oħra tad-WTO biex ikunu ugwalment kostruttivi. Il-konferenza ministerjali f'Diċembru ser tkun importanti biex jiġi kkonfermat mill-ġdid ir-rwol ċentrali tad-WTO fis-sistema kummerċjali multilaterali. Zdravko Počivalšek, Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tas-Slovenja

Il-Kunsill Affarijiet Barranin (Kummerċ) ser jerġa' jiltaqa' mid-29 ta' Novembru sat-3 ta' Diċembru f'Ġinevra fil-marġini tal-konferenza ministerjali tad-WTO biex jadotta l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill u l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-UE fl-MC12.

Implimentazzjoni u infurzar tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE

Il-Kummissjoni ppreżentat taħt affarijiet oħra r-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE u appellat biex titkompla l-ħidma konġunta tajba mal-istati membri.

Fis-27 ta' Ottubru, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Ir-rapport joffri stampa tal-evoluzzjoni tal-kummerċ preferenzjali tal-UE fl-2020. Huwa jeżamina 37 ftehim kummerċjali prinċipali ma' 67 sieħeb u jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-attivitajiet ta' implimentazzjoni u infurzar fl-2020 u fl-ewwel nofs tal-2021.

Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli (KŻS)

Il-ministri indirizzaw, ukoll taħt affarijiet oħra, ir-rieżami li għaddej tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE. In-Netherlands, appoġġati mill-Belġju u l-Lussemburgu, talbu lill-Kummissjoni tagħti l-ewwel impressjonijiet tagħha tal-eżitu tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati tal-UE dwar ir-rieżami (li għalqet fil-31 ta' Ottubru) u taġġorna lill-Kunsill dwar il-passi li jmiss fil-proċess.

Il-Pjan ta' Azzjoni ta' 15-il Punti tal-Kummissjoni ta' Frar 2018 iggwida t-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli tal-KŻS fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE.

Bħalissa l-Kummissjoni qed twettaq rieżami ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni li ser ikopri l-aspetti rilevanti kollha tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-KŻS, inkluż l-ambitu tal-impenji, il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ, il-possibbiltà ta' sanzjonijiet għan-nuqqas ta' konformità, kif ukoll l-istruttura istituzzjonali u r-riżorsi meħtieġa.

Negozjati kummerċjali bilaterali

Waqt l-ikla ta' nofsinhar il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati bilaterali li għaddejjin dwar il-kummerċ u l-investiment, bħal dawk maċ-Ċilì, New Zealand, u l-Indja, kif ukoll dawk il-ftehimiet fejn ġew konklużi negozjati, bħall-Mercosur u l-Messiku.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025