"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin (Kummerċ), 25 ta' Novembru 2022

Riżultati ewlenin

Ir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u t-tħejjijiet għat-13-il Laqgħa Ministerjali tad-WTO

Il-Kunsill Affarijiet Barranin (Kummerċ) iffoka fuq il-ħidma li għaddejja fir-rigward tar-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u t-tħejjijiet għat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO.

Minkejja s-sitwazzjoni diffiċli maħluqa mill-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-Konferenza Ministerjali preċedenti tad-WTO (Ġinevra, mit-12 sas-17 ta' Ġunju 2022) tat riżultati pożittivi dwar is-sussidji tas-sajd, ir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19, ir-riforma tad-WTO, is-sigurtà tal-ikel u l-kummerċ elettroniku.

L-enfasi issa hija fuq kif għandu jintuża dan l-eżitu pożittiv biex jitmexxew 'il quddiem in-negozjati għat-tħejjija tat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO.

Il-ministri qablu li l-UE għandu jkollha rwol ta' tmexxija fir-riforma tad-WTO u li s-suċċess tal-Konferenza Ministerjali ser ikun kruċjali biex jiġi kkonfermat mill-ġdid ir-rwol ċentrali tagħha fis-sistema kummerċjali multilaterali.

Il-Kunsill kellu diskussjoni strateġika dwar il-linji ta' ħidma ta' prijorità għal din il-Konferenza, b'mod partikolari rigward:

  • l-importanza tal-proċess ta' riforma tad-WTO, fuq kollox, l-istabbiliment mill-ġdid ta' sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona b'mod sħiħ mill-aktar fis possibbli;
  • it-tisħiħ tal-funzjonijiet ta' monitoraġġ u deliberattivi tad-WTO;
  • il-progress dwar l-Inizjattivi ta' Dikjarazzjoni Konġunta (dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment, il-kummerċ elettroniku, u l-kummerċ u l-ambjent);
  • it-tlestija tal-proċeduri interni għar-ratifika mill-UE tar-regolament domestiku fis-servizzi u l-passi meħuda għal ratifika rapida tal-UE tal-ftehim dwar is-sussidji tas-sajd u;
  • iż-żmien u l-post għall-Konferenza, fost l-oħrajn.

Il-Kunsill esprima wkoll l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-approċċ tal-Kummissjoni.

Relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti

Il-ministri kellhom diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti ffukata fuq il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija (TTC), eżatt qabel it-tielet laqgħa li ser issir fil-5 ta' Diċembru fl-Istati Uniti, u r-riperkussjonijiet għall-UE tad-dispożizzjonijiet diskriminatorji li jinsabu fl-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni (IRA) tal-Istati Uniti u l-isforzi relatati biex jinstabu soluzzjonijiet f'dak ir-rigward.

Jozef Síkela, Ministru għall-Industrija u l-Kummerċ tar-Repubblika Ċeka
It-TTC serva, fost l-oħrajn, biex jikkoordina l-miżuri li qed jittieħdu mill-UE u mill-Istati Uniti fid-dawl tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Qed nistennew bil-ħerqa li naqblu dwar aktar eżiti tanġibbli fil-laqgħa li jmiss tat-TTC kif ukoll warajha. Filwaqt li nibqgħu impenjati għal aġenda transatlantika pożittiva, ninsabu mħassba ħafna dwar l-impatt sinifikanti probabbli tal-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni tal-Istati Uniti fuq il-bażi tal-manifattura tal-UE. Aħna nilqgħu l-ħidma biex jinstabu soluzzjonijiet kredibbli għat-tħassib tal-UE u nistennew li l-proċess dalwaqt ser iġib riżultati kredibbli.
Jozef Síkela, Ministru għall-Industrija u l-Kummerċ tar-Repubblika Ċeka
Jozef Síkela, Ministru għall-Industrija u l-Kummerċ tar-Repubblika Ċeka

Mis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Ġunju 2021, iż-żewġ naħat ħadu passi importanti biex isaħħu s-sħubija tagħhom billi pereżempju warrbu xi tilwim ta' profil għoli u billi stabbilixxew it-TTC li issa sar il-pedament ta' aġenda kummerċjali transatlantika pożittiva.

It-TTC serva biex jikkoordina l-miżuri li qed jittieħdu mill-UE u mill-Istati Uniti fid-dawl tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna b'mod partikolari fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, qbilna li nespandu l-kooperazzjoni tagħna f'oqsma bħall-ktajjen tal-provvista siguri, l-istandards tat-teknoloġija, l-intelliġenza artifiċjali, il-governanza tal-pjattaformi, l-aspetti ambjentali u klimatiċi tal-kummerċ u t-teknoloġija u l-ostakli għall-kummerċ, fost l-oħrajn. L-isfida għal-laqgħa li jmiss tat-TTC fil-5 ta' Diċembru, kif ukoll għal wara din il-laqgħa, hija li naqblu dwar eżiti saħansitra aktar tanġibbli, kemm fil-pilastri tal-kummerċ kif ukoll tat-teknoloġija.

L-istati membri ssottolinjaw it-tħassib tagħhom dwar l-elementi diskriminatorji tal-IRA tal-Istati Uniti u r-riperkussjonijiet sinifikanti probabbli fuq il-kompetittività u d-deċiżjonijiet ta' investiment tal-industrija tal-UE b'mod partikolari fir-rigward ta' setturi ta' importanza kruċjali għat-tranżizzjoni tagħna lejn ekonomija ekoloġika.

Huma laqgħu t-tnedija tal-ħidma biex jinstabu soluzzjonijiet kredibbli għat-tħassib tal-UE u jistennew li l-proċess ser jagħti riżultati malajr.

Issemmew ukoll it-taħditiet li għaddejjin dwar Arranġament Globali dwar l-Azzar u l-Aluminju Sostenibbli. Il-ministri esprimew ix-xewqa tagħhom li jaraw progress anki f'dan il-fajl, sabiex il-kondizzjonijiet kummerċjali bilaterali normali għal dawn iż-żewġ setturi jkunu jistgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid.

Il-kummerċ transatlantiku ammonta għal €1.16 triljun fl-2021, biex b'hekk il-livelli ta' qabel il-pandemija nqabżu bi kważi 10%. Din is-saħħa u din ir-reżiljenza jiddependu wkoll fuq ktajjen tal-provvista interkonnessi ħafna u €4.4 triljun (2020) ta' investiment reċiproku, skont id-data uffiċjali.

Disinn astratt b'elementi tal-bnadar tal-Istati Uniti u tal-UE u kontejners tal-merkanzija.

Kummerċ UE-Stati Uniti: fatti u ċifri (Infografika)

Appoġġ għall-kummerċ lill-Ukrajna

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-appoġġ għall-kummerċ lill-Ukrajna.

Il-passi ewlenin marbuta mal-kummerċ li ttieħdu għall-isforzi ta' rkupru tal-Ukrajna kienu s-sospensjoni, għal sena, tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-esportazzjoni Ukrena kollha lejn l-UE, u s-sospensjoni, mill-4 ta' Ġunju 2022 sal-5 ta' Ġunju 2023, tal-miżuri tal-UE fis-seħħ ta' anti-dumping u ta' salvagwardja tal-esportazzjoni tal-azzar, l-hekk imsejħa miżuri ta' kummerċ awtonomi - ATMs.

Il-ministri tennew il-kundanna qawwija tagħhom tal-gwerra ta' aggressjoni mill-Federazzjoni Russa bl-appoġġ tal-Belarussja kontra l-Ukrajna.

Id-delegazzjonijiet enfasizzaw l-importanza li l-Ukrajna tiġi appoġġata fil-qasam tal-kummerċ u appoġġaw b'mod wiesa' l-approċċ tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni.

Il-gwerra qed tħalli impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li twettaq kummerċ billi l-kapaċità tagħha li tipproduċi tkissret u m'hemmx mezzi ta' trasport. Illum enfasizzajna l-importanza li l-Ukrajna tiġi appoġġata anki mil-lat kummerċjali. Jozef Síkela, Ministru għall-Industrija u l-Kummerċ tar-Repubblika Ċeka

Fost l-oħrajn, il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-użu tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv mal-Ukrajna (AA/DCFTA) biex tiffaċilita l-aċċess tagħha għas-Suq Uniku tal-UE skont il-mandat tal-EUCO tal-20-21 ta' Ottubru, u t-tiġdid tal-miżuri awtonomi.

Relazzjonijiet kummerċjali bilaterali

Il-Kunsill qasam fehmiet dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali, inkluż in-negozjati li għaddejjin, waqt ikla ta' ħidma. Id-diskussjonijiet f'dan ir-rigward, inkluż fir-rigward ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali, huma mistennija li jkomplu fix-xhur li ġejjin.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Negozjati kummerċjali tal-UE: illustrazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-Kunsill bi vleġġa li tindika l-Kummissjoni Ewropea u ikona ta' dokument li jirrappreżenta l-bidu tan-negozjati kummerċjali

Negozjati kummerċjali tal-UE (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025