"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 23 ta' Novembru 2021

Riżultati ewlenin

Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Diċembru 2021

Il-ministri kellhom l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar il-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Diċembru, meta l-mexxejja ser jerġgħu jiddiskutu l-koordinazzjoni tar-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u jieħdu kont tal-ħidma li saret fil-Kunsill dwar it-tisħiħ tat-tħejjija kollettiva tagħna, il-kapaċità ta' rispons u r-reżiljenza għal kriżijiet futuri.

Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' jħares ukoll lejn l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija kif maqbul f'Ottubru.

Wara l-ikla informali f'Brdo u l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, il-mexxejja ser jipprovdu gwida dwar l-abbozz ta' Boxxla Strateġika u l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.

Huma ser iħejju s-Summit UE-UA f'konformità mal-Aġenda tal-Mexxejja.

Is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni kif ukoll l-iżviluppi fil-fruntiera mal-Belarussja ser jinżammu taħt rieżami mill-qrib u l-mexxejja ser jerġgħu lura għal dawn il-kwistjonijiet fil-livell tal-Kunsill Ewropew kif meħtieġ.

Konklużjonijiet dwar ir-reżiljenza u r-rispons għall-kriżijiet

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tat-tħejjija, il-kapaċità ta' rispons u r-reżiljenza għal kriżijiet futuri.

Gašper Dovžan, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja
Bdejna naħdmu biex insaħħu l-istat ta' tħejjija tal-UE għall-kriżijiet fl-ewwel jum tal-presidenza tagħna. Il-konklużjonijiet tal-lum maqbula mill-istati membri huma pass importanti 'l quddiem fit-triq komuni tagħna biex nibnu Ewropa aktar reżiljenti flimkien.
Gašper Dovžan, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja
Gašper Dovžan, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja

Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju stieden lill-presidenza biex tmexxi 'l quddiem il-ħidma fil-Kunsill biex jissaħħu l-istat tat-tħejjija, il-kapaċità ta' rispons u r-reżiljenza kollettivi tal-Unjoni għal kriżijiet futuri u biex jitħares il-funzjonament tas-suq intern.

Fil-laqgħa informali tagħhom f'Brdo pri Kranju fit-23 ta' Lulju, il-ministri għall-Affarijiet Ewropej kellhom diskussjoni dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Unjoni u appoġġaw l-isforzi tal-presidenza Slovena lejn rispons aktar komprensiv għall-kriżijiet.

Il-presidenza kkonkludiet li hija ser tħejji konklużjonijiet għall-Kunsill Affarijiet Ġenerali fid-dawl tad-dibattitu tal-ministri.

Inħoloq Grupp ta' Ħidma ad hoc biex iħejji speċifikament abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill.

Tkabbir u l-proċess ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni

Il-ministri ħadu kont tas-sitwazzjoni attwali u kellhom skambju ta' fehmiet dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni. Il-presidenza ssottolinjat l-importanza li jitkompla t-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni.

Hija l-prijorità tagħna bħala presidenza li nippruvaw immexxu 'l quddiem it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni. Il-politika tat-tkabbir tal-UE hija l-politika ewlenija li għandha setgħa trasformattiva fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Huwa għalhekk li l-progress fit-triq lejn l-UE għandu jiġi sfruttat. Gašper Dovžan, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja

L-iskambju fost il-ministri sar wara s-Summit tal-Balkani tal-Punent, il-pubblikazzjoni tal-pakkett tat-tkabbir mill-Kummissjoni u d-diskussjonijiet fil-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Balkani tal-Punent.

Il-ministri rriflettew dwar kif l-aħjar imexxu t-tkabbir 'il quddiem.

Il-Kunsill laħaq ftehim fl-aħħar semestru dwar l-applikazzjoni tal-metodoloġija msaħħa tat-tkabbir għall-Montenegro u għas-Serbja, li jagħmilha possibbli li jsiru l-ewwel konferenzi intergovernattivi "politiċi" maż-żewġ pajjiżi f'Ġunju.

F'Settembru wkoll il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali għal kważi €14.2 biljun ta' assistenza finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni għall-perjodu 2021–2027 favur is-sħab tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija.

Djalogu dwar l-istat tad-dritt

Il-ministri kellhom diskussjoni speċifika għall-pajjiż fil-qafas tad-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt b'enfasi fuq is-sitwazzjoni fil-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja u l-Litwanja. Dan kien it-tielet ċiklu ta' diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wara dawk f'Novembru 2020 u April 2021.

L-istat tad-dritt huwa pedament u dak li jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet tagħna. Din id-diskussjoni ppermettiet li niffaċċaw sfidi qabel ma jsiru problematiċi. Aħna żammejna l-impenn tagħna li nagħmlu d-djalogu dwar l-istat tad-dritt aktar b'saħħtu u aktar strutturat, filwaqt li nirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji tal-oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-istati membri kollha. Din id-diskussjoni speċifika għall-pajjiż hija opportunità għalina lkoll biex naqsmu l-aħjar prattiki. Gašper Dovžan, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja

Il-ministri ddedikaw madwar nofs siegħa għal kull wieħed mill-ħames stati membri, billi bdew b'introduzzjoni qasira mill-Kummissjoni bbażata fuq l-astratti u s-sejbiet ewlenin tal-kapitolu rispettiv speċifiku għall-pajjiż tar-rapport tagħha dwar l-istat tad-dritt tal-2021. Imbagħad, kull waħda mill-ħames delegazzjonijiet ippreżentat l-iżviluppi ewlenin u l-aspetti partikolari tal-qafas nazzjonali tal-istat tad-dritt tagħha. Dan kien segwit minn sensiela ta' kummenti li fihom delegazzjonijiet oħra qasmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tagħhom fir-rigward tal-iżviluppi msemmija.

Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit

Il-ministri għall-affarijiet Ewropej kellhom diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit. Huma ffukaw b'mod partikolari fuq it-taħditiet li għaddejjin mar-Renju Unit rigward soluzzjonijiet prattiċi fil-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li qed jesperjenzaw in-nies fl-Irlanda ta' Fuq.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič aġġorna lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi, inkluż il-laqgħa tiegħu ma' David Frost fid-19 ta' Novembru, u l-ministri tennew l-appoġġ tagħhom għall-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea.

L-UE tenfasizza l-ħtieġa li ssir bidla għal mod orjentat lejn ir-riżultati u li jitwettqu l-kwistjonijiet imqajma mill-partijiet ikkonċernati tal-Irlanda ta' Fuq. Huwa essenzjali li l-bidla reċenti fit-ton issa twassal għal soluzzjonijiet tanġibbli konġunti fil-qafas tal-Protokoll. Il-presidenza enfasizzat ukoll li l-għaqda fost l-istati membri tibqa' pedament tar-relazzjonijiet u n-negozjati tal-UE mar-Renju Unit.

Programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2022

Il-Kummissjoni ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-2022. Dan il-kontribut ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp tad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi għall-2022 li ser jintlaħaq qbil dwarhom mit-tliet istituzzjonijiet aktar tard din is-sena.

Fl-2016, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, u l-Kummissjoni qablu li jsaħħu l-programmazzjoni annwali u pluriennali tal-Unjoni permezz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

Skont dan il-ftehim, il-Kummissjoni għandha tidħol fi djalogu mal-Kunsill u mal-Parlament, kemm qabel kif ukoll wara l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali tagħha.

Baġit tal-UE għall-2022

Il-Kunsill adotta l-baġit tal-UE għall-2022 wara qbil li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew fis-16 ta' Novembru 2021. Il-baġit tas-sena d-dieħla jistabbilixxi l-impenji totali għal €169.5 biljun u l-pagamenti għal €170.6 biljun. Il-baġit tas-sena d-dieħla jirrifletti b'mod qawwi l-prijoritajiet ewlenin tal-UE: l-irkupru ekonomiku, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dan iħalli wkoll biżżejjed riżorsi taħt il-limiti massimi tan-nefqa tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 biex l-UE tkun tista' tirreaġixxi għal ħtiġijiet imprevedibbli.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025