"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Telekomunikazzjoni), 5 ta' Diċembru 2025
Riżultati ewlenin
Il-kompetittività Ewropea fid-deċennju diġitali
Fil-laqgħa tagħna tal-Kunsill illum, kellna skambju sinċier dwar l-impatt potenzjali li ċ-ċiberattakki jista' jkollhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u kif nistgħu nibnu r-reżiljenza. Skambji bħal dawn huma essenzjali għar-reżiljenza komuni tagħna, filwaqt li jibnu aktar fuq l-esperjenza ta' xulxin fil-mitigazzjoni ta' dawn il-kriżijiet.
Torsten Schack Pedersen, Ministru għar-Reżiljenza u l-Preparatezza tad-Danimarka
Il-ministri adottaw konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kompetittività Ewropea fid-deċennju diġitali. Il-konklużjonijiet huma strutturati madwar 5 messaġġi ewlenin:
It-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea bid-deċennju diġitali bħala boxxla strateġika għal trasformazzjoni diġitali sovrana
Id-diġitalizzazzjoni, id-data u l-IA bħala muturi ewlenin għall-kompetittività
Qafas regolatorju effettiv, simplifikat u kkoordinat
It-trawwim tal-innovazzjoni u l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali
It-tisħiħ tas-sovranità diġitali b'mod miftuħ
Il-konklużjonijiet jaffermaw mill-ġdid li t-tisħiħ tal-kompetittività dinjija tal-UE filwaqt li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-UE jibqa' objettiv strateġiku ewlieni. Dan ser jixpruna l-innovazzjoni, il-produttività, il-benesseri, it-tkabbir sostenibbli u s-sigurtà ekonomika. It-tisħiħ tas-sovranità diġitali tal-UE għandu jkun koerenti, effettiv u kuraġġuż, iżda bbażat fuq ir-riskju u miftuħ.
Huma jinnotaw li l-UE bħalissa mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha tad-deċennju diġitali għall-2030 u għalhekk iħeġġu azzjoni aċċellerata fil-livelli kollha. L-iżvilupp u l-adozzjoni ta' għodod diġitali huma essenzjali, kif ukoll it-tisħiħ tal-ħiliet u t-talent diġitali. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li tinbena l-kapaċità għall-iżvilupp, il-ġestjoni, il-protezzjoni u l-fehim ta' teknoloġiji ġodda.
Qafas regolatorju sempliċi, ċar u prevedibbli huwa essenzjali biex jippermetti l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni. It-test jenfasizza wkoll ir-rwol kruċjali tal-SMEs u l-istartups fil-kompetittività diġitali tal-Ewropa u jappella għal żvilupp, ittestjar, skalar u adozzjoni aktar b'saħħithom tal-għodod diġitali fis-setturi kollha.
Il-konklużjonijiet jilqgħu l-proposti li jmiss tal-Kummissjoni, inkluż l-att tal-UE dwar il-cloud u l-iżvilupp, biex jittejjeb l-aċċess għaċ-ċentri tad-data u l-kapaċità tal-cloud. Fl-aħħar nett, huma jitolbu lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miri attwali tad-deċennju diġitali għadhomx adattati għall-iskop tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi aġġornamenti konkreti, realistiċi u ċċentrati fuq l-utent ibbażati fuq in-newtralità teknoloġika.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Is-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni: it-tnaqqis tal-piżijiet għan-negozji fil-qasam diġitali
Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-kwistjoni tas-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Din id-diskussjoni ssegwi sensiela ta' inizjattivi fil-qasam diġitali li jiffukaw fuq is-simplifikazzjoni u l-użu ta' għodod diġitali biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, bħall-pakkett diġitali ppubblikat reċentement, inkluż l-omnibus diġitali, il-proposta dwar il-Kartiera Ewropea tan-Negozju jew l-istrateġija għal Unjoni Ewropea tad-data.
Il-ministri enfasizzaw li s-simplifikazzjoni fil-qasam diġitali għandha tiffoka fuq it-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji għan-negozji, l-SMEs u l-awtoritajiet pubbliċi. L-istati membri laqgħu l-proposta għal omnibus diġitali, u jarawha bħala kruċjali biex jiġu ssimplifikati r-regolamenti, jitnaqqas il-kost amministrattiv u jiġi armonizzat il-qafas legali.
Il-Kunsill indika li l-għan għandu jkun li tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali, speċjalment għal startups li jistgħu jitħabtu ma' regoli kumplessi, mingħajr ma jreġġa' lura l-protezzjoni essenzjali fir-rigward ta', pereżempju, il-privatezza tad-data u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.
Il-ministri indikaw ukoll li s-simplifikazzjoni m'għandhiex twassal għal deregolamentazzjoni. Fost is-suġġetti msemmija kien hemm l-iżgurar taċ-ċertezza legali, l-evitar tal-frammentazzjoni regolatorja u l-indirizzar tad-duplikazzjoni bla bżonn fir-rapportar. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li x-xenarju regolatorju jkun aktar prevedibbli u konsistenti, biex tiġi żgurata l-kompetittività u tingħata spinta lill-innovazzjoni.
L-infurzar tal-att dwar is-servizzi diġitali fir-rigward tal-pjattaformi online u l-kummerċ elettroniku
Il-ministri kellhom diskussjoni dwar l-infurzar tal-att dwar is-servizzi diġitali (DSA) fuq il-pjattaformi online u l-kummerċ elettroniku.
F'dawn l-aħħar snin, l-espansjoni rapida tal-pjattaformi online u l-kummerċ elettroniku transfruntier sawret mill-ġdid b'mod sinifikanti l-funzjonament tas-suq uniku. Is-swieq online issa huma mezz importanti kif jinxtraw l-oġġetti għall-konsumaturi, inkluż il-minorenni, b'sehem dejjem akbar ta' dawn l-oġġetti jiġi fornut minn bejjiegħa barra mill-UE.
Is-swieq online joħolqu opportunitajiet iżda joħolqu wkoll sfidi għall-qafas regolatorju u l-infurzar tiegħu. Reċentement l-awtoritajiet ta' diversi stati membri skoprew id-disponibbiltà ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, armi tal-kategorija A jew drogi esklużivament bir-riċetta tat-tabib fuq diversi minn dawn il-pjattaformi.
Minħabba n-natura transfruntiera tal-kummerċ elettroniku u t-tixrid rapidu ta' kontenut illegali u prodotti mhux sikuri fl-UE, huwa meħtieġ rispons tal-UE ikkoordinat.
Bħalissa, id-DSA diġà jistabbilixxi obbligi għal dawn il-pjattaformi online kbar ħafna, li jinkludu valutazzjonijiet tar-riskju jew l-iskrutinju tal-bejjiegħa. Madankollu, dawn l-eżempji reċenti jissuġġerixxu li l-infurzar tal-obbligi skont id-DSA għadu mhux effettiv biżżejjed.
Il-ministri enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat li s-swieq online kollha jikkonformaw mar-regoli tal-UE, speċjalment fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-bejgħ ta' oġġetti illeċiti.
Il-Kunsill enfasizza wkoll li r-regoli eżistenti attwali jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ, bid-DSA jkun il-pedament regolatorju sod. Koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-awtoritajiet u kollaborazzjoni bejn l-istati membri jitqiesu bħala passi kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati mis-swieq online.
Fl-aħħar nett, dwar l-infurzar, l-istati membri indikaw li jeħtieġ li dan ikun konsistenti, ibbażat fuq ir-riskju biex jiġu protetti l-konsumaturi u jiżgura kundizzjonijiet ekwi. L-istati membri appellaw ukoll għal mekkaniżmi ta' infurzar aktar robusti, b'koordinazzjoni akbar bejn il-partijiet ikkonċernati kollha involuti.
Iċ-ċiberattakki u l-impatt tagħhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini
Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom diskussjoni bit-titlu "Meta ċ-ċibernetika ssir reali: nibnu reżiljenza akbar għaċ-ċiberattakki", li matulha qasmu l-fehmiet tagħhom dwar kif għandha tiġi inkorporata ċibersigurtà f'trasformazzjoni diġitali ulterjuri, filwaqt li tappoġġa l-kompetittività tal-Unjoni, u dwar kif tinbena reżiljenza akbar kontra ċiberattakki u l-impatt li għandhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini.
Affarijiet oħra
Taħt affarijiet oħra, il-ministri indirizzaw is-suġġetti li ġejjin:
Informazzjoni mill-presidenza (kollha f'seduta pubblika, minbarra l-punt rigward ir-riżerva għaċ-ċibersigurtà dwar il-Moldova):
Il-kartiera Ewropea tan-negozju
Deċiżjonijiet dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna u l-Moldova għar-roaming daqslikieku f'pajjiżek (RLAH) u s-sitwazzjoni attwali dwar il-Balkani tal-Punent
Eżiti tad-diskussjonijiet matul il-laqgħa informali tal-ministri għat-telekomunikazzjoni (seduta pubblika)
Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għall-Moldova
L-ewwel eżerċizzju tal-Pjan ta' azzjoni ċibernetiku
Punt ta' informazzjoni mill-Kummissjoni dwar inizjattivi internazzjonali fil-qasam diġitali (seduta pubblika)
Punt ta' informazzjoni mil-Litwanja dwar id-disturbazzjoni u l-ispoofing tas-sistemi globali ta' navigazzjoni bis-satellita (GNSS) (seduta pubblika)
Informazzjoni mill-Portugall dwar il-finanzjament għar-regolatur diġitali uniku.
Informazzjoni mill-Awstrija dwar id-Dikjarazzjoni dwar is-Sovranità Diġitali Ewropea
Informazzjoni mill-Ġermanja u Franza rigward is-Summit dwar is-Sovranità Diġitali Ewropea
Informazzjoni mill-Kummissjoni dwar kif it-teknoloġiji u l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni jistgħu jiġu ingranati biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' detezzjoni tad-droni (mhux pubblika)
Preżentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-presidenza Ċiprijotta li jmiss (mhux pubblika)
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.