Riforma strutturali tas-settur bankarju tal-UE: intejbu r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
Il-Kunsill bħalissa qed jaħdem fuq abbozz ta’ regolament dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE. Ir-regolament għandu l-għan li jiġu evitati riskji sistemiċi għas-sistema finanzjarja tal-UE li jistgħu jiġu kkawżati mill-falliment ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar, kumplessi u interkonnessi ħafna .
Ir-regoli l-ġodda għandhom inaqqsu dawn ir-riskji billi jintroduċu s-separazzjoni obbligatorja ta' attivitajiet b'riskju għoli tal-bank, primarjament in-negozjar proprjetarju, min-negozju 'ewlieni' tiegħu, bħat-teħid ta’ depożiti jew servizzi ta’ pagament fil-livell ta' konsumatur. L-attivitajiet bankarji 'ewlenin' huma ta’ importanza vitali għall-ekonomija reali u għalhekk jistħoqqilhom protezzjoni speċjali.
Benefiċċji mistennija
- stabbiltà akbar fis-swieq finanzjarji
- protezzjoni akbar għall-flus tal-kontribwenti, hekk kif banek iżgħar f'diffikultà jkunu jistgħu jiġu riżolti mingħajr rikors għall-fondi pubbliċi
- periklu morali mnaqqas, hekk kif il-possibbiltà għal gruppi bankarji kbar li jiddependu fuq sussidji impliċiti mill-gvern jiġu eliminati
- aktar konsistenza ta’ regoli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-istati membri tal-UE, li għandha tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq intern u tnaqqas il-possibbiltajiet li tiġi evitata r-regolamentazzjoni (jew it-tiftix ta’ 'arbitraġġ regolatorju’)
- tnaqqis fid-distorsjoni tal-kompetizzjoni fost il-banek
Fil-Kunsill
Ġunju 2015: il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (magħrufa bħala 'approċċ ġenerali') dwar l-abbozz ta’ regolament. Dan id-dokument ser iservi bħala l-mandat ta’ negozjar tal-Presidenza tal-Kunsill fin-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-verżjoni finali tar-regolament.
2014, it-tieni semestru: analiżi tal-proposta fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar is-Servizzi Finanzjarji.
Jannar 2014: Il-Kunsill irċieva l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal regolament dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE.
- Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (approċċ ġenerali) dwar il-proposta għal regolament dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE
- Laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 19 ta' Ġunju 2015
- Proposta għal regolament dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE
- Grupp ta' Ħidma dwar is-Servizzi Finanzjarji
Il-pożizzjoni tal-Kunsill: punti ewlenin
Separazzjoni obbligatorja ta' negozjar proprjetarju
Negozjar proprjetarju huwa negozju b’riskju għoli meta bank jinnegozja diversi strumenti finanzjarji billi juża l-fondi tiegħu stess, mhux il-flus tad-depożitanti, bil-għan li jagħmel profitt għalih innifsu. Jekk it-tali attività tikkostitwixxi parti kbira tal-attivitajiet tal-bank, it-telf ikun ta’ detriment għan-negozju 'ewlieni' tal-bank, pereżempju, it-teħid ta’ depożiti. Dan huwa partikolarment importanti fil-każ ta’ banek 'kbar wisq biex ifallu', li jistgħu jwettqu tali attivitajiet b’riskju għoli fuq is-suppożizzjoni li d-daqs u l-importanza tagħhom jistgħu jassigurawlhom l-appoġġ tal-gvern f’każ ta’ falliment.
Il-proposta tal-Kummissjoni ħasbet għal projbizzjoni fuq in-negozjar proprjetarju. Il-Kunsill qies li jkun aħjar jekk in-negozjar proprjetarju jiġi rregolat b’mod aktar strett milli jiġi pprojbit, minħabba li projbizzjoni tista’ tkun ta' detriment b'mod eċċessiv għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ introjtu ta’ bank u tista' wkoll tiġi evitata billi ċerti attivitajiet jiġu mwettqa minn entitajiet li huma regolati inqas jew li mhumiex regolati. Għalhekk, il-Kunsill jipproponi separazzjoni obbligatorja ta’ negozjar proprjetarju mill-attivitajiet 'ewlenin' ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.
Id-deċiżjoni dwar is-separazzjoni għandha tittieħed mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (eż. awtoritajiet ta’ sorveljanza bankarji) wara analiżi tar-riskju approfondita skont sett stabbilit ta’ kriterji. Il-banek li għalihom it-tali deċiżjonijiet japplikaw għandu jkollhom żmien biżżejjed biex jorganizzaw mill-ġdid l-attivitajiet tagħhom.
Jekk, madankollu, bank kien kapaċi jagħti prova lis-superviżur tiegħu li r-riskji li jieħu jittaffew b’mezzi oħra, dan ikun eżenti mir-rekwiżit ta’ separazzjoni.
Is-separazzjoni ta’ attivitajiet ta' negozjar oħrajn b'riskju għoli
L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu wkoll valutazzjoni tar-riskju tal-attivitajiet ta' negozjar ta’ banek kbar minbarra n-negozjar proprjetarju, bħalma huma l-ġenerazzjoni tas-suq, id-derivattivi riskjużi u t-titolizzazzjoni kumplessa. Jekk awtorità kompetenti ssib riskji eċċessivi, hi tista’:
- titlob li dawk l-attivitajiet ta’ negozjar jiġu separati mill-istituzzjoni ta’ kreditu 'ewlenija'
- titlob li jiżdiedu l-fondi proprji tal-istituzzjoni ta' kreditu ewlenija, jew
- timponi miżuri prudenzjali oħra
L-entitajiet ta’ negozjar separati ma jitħallewx jieħdu depożiti fil-livell ta' konsumatur li kienu eliġibbli għal protezzjoni skont l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, u lanqas ma jitħallew jipprovdu servizzi relatati ta’ pagament fil-livell ta' konsumatur.
Akkomodazzjoni tal-liġi nazzjonali attwali
Fid-dawl tal-kriżi finanzjarja reċenti l-istati membri implimentaw għadd ta’ miżuri fil-liġi nazzjonali tagħhom stess biex jindirizzaw in-nuqqasijiet esposti fis-sistemi bankarji tagħhom.
Sabiex jiġu akkomodati dawn ir-regoli nazzjonali eżistenti u biex tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn, il-Kunsill jipproponi li l-istati membri jindirizzaw t-teħid ta’ riskju eċċessiv relatati mal-attivitajiet ta’ negozjar tal-banek f’wieħed minn dawn iż-żewġ modi li ġejjin:
1) jew permezz ta’ leġislazzjoni nazzjonali li tirrikjedi banek kbar biex jiddelimitaw l-attivitajiet ewlenin tagħhom, jew
2) permezz ta’ miżuri li jkunu imposti minn awtoritajiet kompetenti skont ir-regolament
Objettiv tar-regolament
Wara li analizza l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ippropona li r-regolament japplika għal:
- istituzzjonijiet globali sistemikament importanti
- istituzzjonijiet ta’ kreditu b’assi totali ta’ mill-inqas €30 biljun fuq tliet snin konsekuttivi u b’attivitajiet ta’ negozjar ta’ mill-inqas €70 biljun jew 10% tal-assi totali tagħhom
Istituzzjonijiet globali sistemikament importanti għandhom jiġu definiti skont l-Artikolu 131 tad-direttiva dwar ir-rekwiżiti kapitali (Direttiva 2013/36/UE) u huma identifikati skont il-metodoloġija speċifika definita mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Il-kriterji jinkludu, fost affarijiet oħra, d-daqs tal-bank, l-attivitajiet transkonfinali u l-interkonnettività.
Jekk ikunu jixtiequ, l-istati membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dawn ir-regoli għal istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar.
Rigward l-ambitu ġeografiku, dawn ir-regoli għandhom japplikaw għal:
- il-banek kollha stabbiliti fl-UE u l-fergħat tagħhom kull fejn ikunu jinsabu
- gruppi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, jekk mill-inqas waħda minn dawn l-entitajiet tkun stabbilita fl-UE
- fergħat u sussidjarji stabbiliti fl-UE, li l-istituzzjonijiet 'prinċipali' tagħhom huma stabbiliti barra l-UE
L-ambitu ġeografiku wiesa’ għandu jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jipprevjeni l-banek milli jevitaw dawn ir-regoli billi, pereżempju, t-trasferiment barra mill-UE ta' attivitajiet affettwati potenzjalment.
L-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti ta' separazzjoni kwalunkwe sussidjarji barranin ta’ dawk il-gruppi bankarji li għandhom strutturi ġeografikament deċentralizzati li jaħdmu bħala netwerk ta’ entitajiet indipendenti li jista’ jiġi riżolt faċilment fil-każ ta’ falliment.
Eċċezzjonijiet
Il-Kunsill jipproponi li r-regolament m’għandux japplika għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li:
- id-depożiti totali li jaqgħu taħt il-protezzjoni pprovduta mid-direttiva tal-UE dwar l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti huma inqas minn 3% tal-assi totali tagħhom
- id-depożiti fil-livell ta' konsumatur totali eliġibbli jammontaw għal anqas minn €35 biljun
Il-Kummissjoni pproponiet li r-regolament m’għandux japplika għal strumenti ta’ dejn sovran. Il-Kunsill jipproponi klawżola li tkun tippermetti lill-Kummissjoni tirrevedi din l-eżenzjoni, b'kont meħud tal-iżviluppi fil-livell Ewropew u internazzjonali.
Regoli oħrajn
L-abbozz ta’ regolament jistabbilixxi wkoll ir-regoli ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji bankarji nazzjonali differenti għal deċiżjonijiet relatati mas-separazzjoni ta' attivitajiet bankarji b’riskju għoli, b’mod partikolari fil-każ ta’ gruppi bankarji transkonfinali.
Għaliex huwa meħtieġ ir-regolament dwar ir-riforma strutturali bankarja?
It-tnaqqis tar-riskji
L-UE reċentement wettqet għadd ta’ riformi biex ittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi bankarji tagħha u biex tipproteġi l-flus tal-kontribwenti f’każ ta’ falliment tal-banek.
Madankollu, għad fadal xi riskji sinifikanti fis-settur bankarju tal-UE, prinċipalment minħabba d-daqs kbir u l-kumplessità ta’ xi wħud mill-istituzzjonijiet ta' kreditu tiegħu u t-teħid ta' riskju eċċessiv, speċjalment fin-negozjar ta’ strumenti finanzjarji kumplessi ħafna. Dawn l-istituzzjonijiet jibqgħu kbar wisq biex ifallu u kumplessi wisq biex jiġu riżolti f’każ ta’ falliment.
Il-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti
Minħabba li huma daqshekk importanti għas-sistema finanzjarja, dawn l-istituzzjonijiet għandhom it-tendenza li jiddependu fuq garanziji inerenti mill-gvernijiet - li, f’każ ta’ falliment ta’ banek kbar, ikunu jridu jużaw il-fondi pubbliċi biex jappoġġawhom. Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-appoġġ tal-kontribwenti għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek, il-garanziji, il-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi u soluzzjonijiet simili fl-2014 kien jammonta għal madwar €1.6 triljun jew 13% tal-PDG tal-UE.
Uħud mill-akbar banek tal-UE għandhom assi li jammontaw għal kważi daqs il-PDG tal-pajjiż tad-domiċilju tagħhom, b’kull wieħed mill-għaxar l-akbar gruppi bankarji jkollu assi totali ta’ bejn €1 000 biljun u €2 000 biljun.
Il-valur nozzjonali tad-derivattivi żdied minn 3.5 darbiet tal-PDG dinji fl-1998 għal 12-il darba tal-PDG dinji fl-2014.
Skont il-Kummissjoni Ewropea, fl-2014 is-settur bankarju tal-Unjoni Ewropea irrappreżenta madwar €42.9 triljun u kważi 350% tal-PDG tal-UE
Sfond
Rapport Liikanen
Fl-2011 il-Kummissjoni Ewropea waqqfet grupp ta’ livell għoli ta’ esperti biex jivvalutaw is-sitwazzjoni fis-settur bankarju tal-UE u biex jiġu identifikati oqsma fejn kienu meħtieġa riformi strutturali. Il-grupp twaqqaf mill-Kummissjoni Ewropea u hu ppresedut minn Erkki Liikanen, Gvernatur tal-Bank tal-Finlandja.
Il-grupp ta’ esperti kellu konsultazzjonijiet wiesgħin mas-settur bankarju u l-pubbliku. Ir-rapport li rriżulta rrakkomanda li n-negozjar proprjetarju u attivitajiet oħrajn b’riskju għoli minn banek kbar għandhom jitwettqu minn entitajiet legali separati fi ħdan dak il-grupp bankarju sabiex jitnaqqsu r-riskji. Il-Kummissjoni eżaminat ir-rapport u l-proposti tiegħu u ħarġet il-proposta attwali għal regolament dwar riforma strutturali bankarja.
Il-passi li jmiss
In-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament huma mistennija jibdew hekk kif il-PE ikun adotta l-pożizzjoni tiegħu.