Skip to content

Glossarju: riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)

Sett ta' miżuri biex jitjieb il-funzjonament taż-żona tal-euro.

F'Ġunju 2018, is-Summit tal-Euro ta mandat lill-Grupp tal-Euro biex ikompli jsaħħaħ l-istruttura eżistenti tal-UEM.
Il-mandat kien jinkludi:

  • it-tisħiħ tal-unjoni bankarja
  • it-tnaqqis tar-riskji fis-settur bankarju
  • l-introduzzjoni ta' garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF) li għandha tiġi pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES)
  • u l-iżvilupp ta' strumenti ta' assistenza finanzjarja u r-rwol tal-MES

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta wkoll diversi ideat biex tinbena kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro. Fl-4 ta' Diċembru, il-Grupp tal-Euro adotta rapport komprensiv li ġie ppreżentat lill-mexxejja qabel is-Summit tal-Euro tal-14 ta' Diċembru.

Unjoni Bankarja

Rikapitalizzazzjoni interna: mekkaniżmu li permezz tiegħu l-ispejjeż tas-salvataġġ ta' bank li qed ifalli jew li x'aktarx ifalli jintrefgħu l-ewwel u qabel kollox mill-azzjonisti u l-kredituri tiegħu, u mhux mill-flus tal-kontribwenti (rikapitalizzazzjoni).

Unjoni Bankarja: sistema ta' superviżjoni u ta' riżoluzzjoni bankarja fil-livell tal-UE li topera abbażi ta' regoli applikabbli fl-UE kollha.

Garanzija ta' kontinġenza tal-MES għall-SRF: li għandha tintuża f'każ ta' riżoluzzjoni ta' bank jekk ir-riżorsi disponibbli fl-SRF ma jkunux biżżejjed. Il-fondi mislufa mill-garanzija ta' kontinġenza ser jiġu rimborżati mis-settur bankarju. Il-garanzija ta' kontinġenza tiġi pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà.

Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti: Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi protezzjoni tad-depożiti aktar b'saħħitha u aktar uniformi fiż-żona tal-euro. L-għan ikun li tiġi stabbilita skema unika komuni li tassigura d-depożiti kollha fl-unjoni bankarja sa mhux aktar minn €100 000.

Rekwiżit Minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL): ammont minimu ta' kapital u obbligazzjonijiet li jrid jinżamm minn bank biex jassorbi t-telf u jirrikapitalizza f'każ ta' falliment. Huwa strument ewlieni li jippermetti r-riżoluzzjoni ordnata ta' banek li qed ifallu mingħajr ma tiġi mhedda l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Self improduttiv: self mill-bank jitqies bħala improduttiv meta jgħaddu aktar minn 90 jum minn meta dak li jkun issellef jonqos li jagħmel il-pagamenti jew iħallas l-interessi maqbula.

Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF): il-fond użat biex jgħin fir-riżoluzzjoni ta' banek li qed ifallu. Huwa ffinanzjat għal kollox mis-settur bankarju.

Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni: sistema għar-riżoluzzjoni ordnata tal-banek li jkunu qed ifallu bi spejjeż minimi għall-kontribwenti u għall-ekonomija reali. Dan hu magħmul minn awtorità ċentrali ta' riżoluzzjoni fi ħdan l-unjoni bankarja, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni.

Mekkaniżmu Superviżorju Uniku: sistema komuni li permezz tagħha jiġu sorveljati l-banek fl-UE. Il-BĊE għandu sorveljanza diretta tal-aktar banek sinifikanti fiż-żona tal-euro, filwaqt li banek inqas sinifikanti jibqgħu taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet bankarji nazzjonali u l-BĊE jaqdi rwol ta' monitoraġġ.

Riforma tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà

Ristrutturar tad-dejn: proċess li jippermetti entità, privata jew pubblika, f'diffikultà finanzjarja biex tnaqqas jew tinnegozja mill-ġdid dejn li ma tkunx f'pożizzjoni li tħallas lura sabiex ittejjeb jew jerġa' jkollha l-likwidità biex tkun tista' tkompli l-operazzjonijiet tagħha.

Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità (MES): istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li tipprovdi assistenza finanzjarja lil pajjiżi taż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet finanzjarji serji. Kumplessivament, għandu kapaċità totali ta' self ta' €500 biljun.

Strumenti ta' self: sett ta’ strumenti attwalment għad-dispożizzjoni tal-MES biex iwettaq il-missjoni tiegħu: self fi ħdan programm ta' aġġustament makroekonomiku, xiri fuq is-swieq (primarji u sekondarji), linja ta' kreditu prekawzjonarja, self għar-rikapitalizzazzjoni diretta u indiretta tal-banek. S'issa, intuża biss self fi ħdan programm finanzjarju u rikapitalizzazzjoni indiretta tal-banek.

Linja ta' kreditu prekawzjonarja: assistenza finanzjarja mogħtija mill-MES lil pajjiż qabel ma jesperjenza diffikultajiet għar-rikapitalizzazzjoni fis-swieq kapitali, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' kriżi. Din tista' tingħata permezz ta' self jew il-ħruġ ta' stokk jew bond ġdid. Hemm żewġ tipi ta' linji ta' kreditu prekawzjonarji:

  • linja ta' kreditu b'kundizzjonijiet prekawzjonarji (PCCL): disponibbli għal stat membru li l-qagħda ekonomika u finanzjarja tiegħu hija fundamentalment soda, kif determinat bl-osservanza tas-sitt kriterji ta' eliġibbiltà bħad-dejn pubbliku, il-pożizzjoni esterna jew l-aċċess għas-suq b'termini raġonevoli.
  • linja ta' kreditu b'kundizzjonijiet imsaħħa (ECCL): disponibbli lil stat membru li l-qagħda ekonomika u finanzjarja tiegħu tkun għadha soda iżda ma tikkonformax mal-kriterji ta' eliġibbiltà għall-PCCL. L-użu tal-ECCL hija kondizzjonata mill-adozzjoni ta' miżuri korrettivi biex jiġu evitati problemi futuri fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament mis-suq.

Klawżoli ta' Azzjoni Kollettiva (CAC) b'votazzjoni unifikata: regoli legali għal bonds sovrani li jagħmlu r-ristrutturar tad-dejn aktar ordnat u prevedibbli. Dawn inaqqsu r-riskju li grupp żgħir ta' detenturi ta' bonds jiddeċiedu li ma jiħdux sehem fir-ristrutturar u jiffurmaw minoranza biex jimblukkawha, bit-tama li jiksbu ftehim aħjar għalihom (problema tal-kredituri "rikalċitranti"). Dawn il-kredituri "rikalċitranti" jistgħu jwasslu għal dewmien fir-riżoluzzjoni tal-kriżi. Il-ministri għall-finanzi taż-żona tal-euro biħsiebhom jintroduċu dawn ir-regoli sal-2022 u jinkludu dan l-impenn fit-trattat tal-MES.

Strument għall-kompetittività u l-konverġenza

Proposta biex jinħoloq strument baġitarju bil-għan li titrawwem konverġenza ekonomika li ssaħħaħ il-kompetittività fl-istati membri taż-żona tal-euro. Dan l-istrument ikun parti mill-baġit tal-UE.