Skip to content

Korp tal-etika tal-UE

Korp indipendenti biex jistabbilixxi standards etiċi komuni u jżid it-trasparenza fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE.

Għaliex huwa meħtieġ korp tal-etika?

Standards etiċi u ta' trasparenza robusti huma essenzjali għal governanza tajba u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u ta' interferenza bla bżonn fil-proċess demokratiku.

Dawn jirfdu wkoll it-trattati fundaturi tal-UE, li jiddefinixxu s-setgħat, ir-responsabbiltajiet u l-proċeduri tal-istituzzjonijiet tal-UE. Parzjalment bħala riżultat tar-rwoli u l-mandati differenti tal-istituzzjonijiet, il-biċċa l-kbira minnhom għandhom ir-regoli ta' proċedura jew il-kodiċijiet ta' kondotta tagħhom, u dan wassal biex kull istituzzjoni jkollha l-qafas etiku tagħha.

Il-korp tal-etika tal-UE, li twaqqaf fil-15 ta' Mejju 2024, huwa korp indipendenti li jintroduċi:

  • standards etiċi komuni għall-istituzzjonijiet tal-UE
  • mekkaniżmu li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet jistgħu jikkoordinaw u jaqsmu fehmiet dwar kwistjonijiet etiċi

Dan ser jgħin biex titrawwem l-integrità u l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fil-proċessi demokratiċi, u jagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet.

Ambitu

L-istituzzjonijiet ser ikunu soġġetti għal standards komuni f'diversi każijiet, fosthom:

  • aċċettazzjoni ta' rigali, premjijiet, ospitalità u vjaġġi offruti minn partijiet terzi
  • miżuri ta' kundizzjonalità u trasparenza, b'mod partikolari għal-laqgħat ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess
  • dikjarazzjonijiet ta' interessi u assi
  • attivitajiet anċillari jew esterni
  • attivitajiet wara l-mandat ta' eks membri

Kull istituzzjoni tal-UE hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards u għall-monitoraġġ tal-konformità u s-segwitu għal dan, inkluż fir-rigward ta' każijiet possibbli ta' fastidju u sanzjonijiet, jekk dawn jinvolvu ksur tar-regoli. Huwa wkoll f'idejn l-istituzzjonijiet li jagħmlu pubbliku l-mod kif ser japplikaw l-istandards.

L-ambitu tal-korp tal-etika ma għandux impatt fuq is-setgħat tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) jew tal-Ombudsman Ewropew.

Min hu kopert?

Il-korp tal-etika huwa korp indipendenti komuni għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-membri tagħhom, jiġifieri l-persuni maħtura politikament fl-istituzzjonijiet.

Istituzzjonijiet parteċipanti

L-istituzzjonijiet parteċipanti, magħrufin ukoll bħala "il-partijiet", huma:

  • il-Parlament Ewropew
  • il-Kunsill tal-UE
  • il-Kummissjoni Ewropea
  • il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea - bħala osservatur
  • il-Bank Ċentrali Ewropew
  • il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
  • il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
  • il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Fis-7 ta' Diċembru 2024, il-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, ħabbar li ser jitlob lill-Kunsill Ewropew jipparteċipa fil-korp u jkun rappreżentat fih mill-eks president tal-Kunsill Ewropew, Herman van Rompuy.

Fuq talba, il-Bank Ewropew tal-Investiment jista' jipparteċipa wkoll fil-korp, filwaqt li aġenziji oħra tal-UE jistgħu jiddeċiedu li japplikaw l-istandards etiċi tal-korp fuq bażi volontarja fi stadju aktar tard.

Membri tal-partijiet

Il-membri tal-partijiet li huma koperti mill-korp tal-etika tal-UE huma l-persuni maħtura politikament tal-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn huma:

  • il-membri tal-Parlament Ewropew (MPE)
  • ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, inkluż fil-kapaċità tiegħu jew tagħha bħala President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
  • il-membri tal-Kummissjoni Ewropea
  • il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll il-Membri tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju
  • il-membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
  • il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fir-rigward tal-eżerċizzju tal-mandat tagħhom tal-Unjoni Ewropea
  • il-membri jew il-membri supplenti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ħlief fir-rigward tal-eżerċizzju tal-mandat lokali jew reġjonali tagħhom

Waqt li jkollhom il-presidenza tal-Kunsill, jew matul is-sitt xhur qabel u wara, l-istati membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku informazzjoni dwar ir-regoli, l-istandards jew il-prattiki nazzjonali tagħhom dwar l-imġiba etika għall-membri tal-gvernijiet tagħhom li huma rilevanti għall-eżerċizzju tar-rwol tagħhom fil-presidenza tal-Kunsill.

Kompiti

Il-korp tal-etika ser ikollu tliet kompiti ewlenin:

  1. l-iżvilupp ta' standards minimi komuni b'kunsens, applikabbli għall-partijiet kollha u l-membri tagħhom
  2. l-organizzazzjoni ta' skambji ta' fehmiet dwar l-allinjament tar-regoli interni mal-istandards komuni
  3. il-promozzjoni tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-imġiba tal-membri tiegħu

Jekk jiġu kkonsultati, l-esperti indipendenti li jassistu lill-korp tal-etika jistgħu jagħtu opinjonijiet kunfidenzjali dwar il-konformità tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi mal-istandards minimi komuni.

Governanza

Il-korp tal-etika ser ikun magħmul minn membri mill-istituzzjonijiet parteċipanti: rappreżentant magħżul wieħed u supplenti wieħed, għal mhux aktar minn ħames snin. Kull membru ser jippresjedih fuq bażi ta' rotazzjoni għal mandat ta' sena.

Ser jiġi assistit minn ħames esperti indipendenti, kif ukoll segretarjat konġunt magħmul minn uffiċjali minn kull istituzzjoni parteċipanti.

Il-kompożizzjoni tal-korp għandha tiżgura kemm il-bilanċ bejn il-ġeneri kif ukoll id-diversità ġeografika fost il-membri tiegħu.

Aċċess għall-informazzjoni

L-informazzjoni kollha relatata mal-korp tal-etika ser tkun disponibbli fuq is-sit web tiegħu.

Din tinkludi:

  • il-kompożizzjoni tal-korp tal-etika
  • kalendarji tal-laqgħat u aġendi
  • żviluppi u aġġornamenti tal-istandards etiċi komuni
  • ir-regoli applikabbli kollha tal-istituzzjonijiet parteċipanti kollha koperti mill-istandards
  • ir-rapporti annwali tal-korp tal-etika
  • awtovalutazzjonijiet tal-istituzzjonijiet parteċipanti

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025