Il-proċess tan-nomina ta' kapijiet ġodda tal-istituzzjonijiet tal-UE fl-2019
Il-Kunsill Ewropew jaqdi rwol kbir fil-ħatra ta' rwoli ta' profil għoli fil-livell tal-UE. Fit-2 ta' Lulju 2019, eleġġa l-President tal-Kunsill Ewropew, ippropona kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, kandidat għar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u kandidat għall-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.
President tal-Kunsill Ewropew
Skont it-Trattati (l-Artikolu 15(5)), il-Kunsill Ewropew jeleġġi l-president tiegħu b'maġġoranza kwalifikata. Il-president jibqa' fil-kariga għal terminu ta' sentejn u nofs, li jista' jiġġedded darba.
Fit-2 ta' Lulju 2019, il-mexxejja tal-UE eleġġew lil Charles Michel bħala President tal-Kunsill Ewropew. Huwa ħa l-kariga fl-1 ta' Diċembru 2019.
President tal-Kummissjoni Ewropea
Il-proċedura għan-nomina tal-President tal-Kummissjoni għall-ħames snin li ġejjin hija stabbilita fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 17(7)).
"Waqt li jitqiesu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wara konsultazzjonijiet xierqa, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu jipproponi lill-Parlament Ewropew kandidat għall-funzjoni ta' President tal-Kummissjoni. Dan il-kandidat għandu jkun elett mill-Parlament Ewropew b'maġġoranza tal-membri tiegħu. Jekk dan ma jiksibx il-maġġoranza, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu fi żmien xahar jipproponi kandidat ġdid li għandu jiġi elett mill-Parlament Ewropew skont l-istess proċedura." It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 17(7).
Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni 11 tat-Trattat tinnota li "l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew għandhom responsabbiltà konġunta li jaraw li l-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea jimxi tajjeb. Qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew għandhom għaldaqstant jagħmlu l-konsultazzjonijiet meħtieġa fil-qafas li jqisu l-aktar xieraq."
Fit-2 ta' Lulju 2019, Il-Kunsill Ewropew adotta d-deċiżjoni li tipproponi lil Ursula von der Leyen lill-Parlament Ewropew bħala kandidata għal President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kandidata proposta ġiet eletta mill-Parlament Ewropew fis-16 ta' Lulju 2019.
Fl-10 ta' Settembru 2019, il-Kunsill, bi qbil komuni mal-President eletta Ursula von der Leyen, adotta l-lista ta' persuni li huwa jipproponi li jinħatru bħala membri tal-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2024. Dawn kienu ntgħażlu abbażi tas-suġġerimenti magħmula mill-istati membri.
Fil-25 ta' Novembru 2019, il-Kunsill, bi qbil komuni mal-President eletta Ursula von der Leyen, adotta lista ġdida ta' persuni li huwa ppropona li jinħatru bħala membri tal-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2024.
Fis-27 ta' Novembru 2019, il-Parlament Ewropew ivvota biex japprova l-Kummissjoni Von der Leyen. Fit-28 ta' Novembru, il-Kunsill Ewropew ħatar bi proċedura bil-miktub il-Kummissjoni l-ġdida għall-perjodu mill-1 ta' Diċembru 2019 sal-31 ta' Ottubru 2024.
L-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea (Infografika)
Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Il-Kunsill Ewropew jaħtar ukoll b'maġġoranza kwalifikata, u bi ftehim mal-President tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (l-Artikolu 18(1)). Ir-Rappreżentant Għoli, maħtur għal ħames snin, għandu wkoll it-tieni rwol tiegħu bħala l-viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u jippresiedi l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin. Ir-Rappreżentant Għoli huwa assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).
Fit-2 ta' Lulju 2019, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra lil Josep Borrell Fontelles bħala l-kandidat xieraq għal Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Fis-26 ta' Lulju, il-President eletta tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, qablet li Josep Borrell Fontelles jinħatar bħala r-Rappreżentant Għoli.
Wara dan, fis-6 ta' Awwissu, il-Kunsill Ewropew ħatar b'mod formali lil Josep Borrell Fontelles bħala r-Rappreżentant Għoli.
Fis-27 ta' Novembru 2019, il-Parlament Ewropew ivvota biex japprova l-Kummissjoni ta' Von der Leyen bħala korp, b'Josep Borrell Fontelles bħala r-Rappreżentant Għoli u viċi president tal-Kummissjoni. Fit-28 ta' Novembru, il-Kunsill Ewropew ħatar bi proċedura bil-miktub il-Kummissjoni l-ġdida għall-perjodu mill-1 ta' Diċembru 2019 sal-31 ta' Ottubru 2024.
President tal-Bank Ċentrali Ewropew
Il-Kunsill Ewropew jaħtar il-President tal-BĊE għal perjodu ta' tmien snin. Huwa jieħu d-deċiżjoni (finali) tiegħu abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jikkonsulta wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE (magħmul mis-sitt membri tal-Bord Eżekuttiv, kif ukoll il-gvernaturi tal-banek ċentrali tad-19-il pajjiż taż-żona tal-euro). Il-Kunsill Ewropew imbagħad jieħu d-deċiżjoni tiegħu permezz ta' vot b'maġġoranza kwalifikata. Din il-proċedura hi stabbilita fl-Artikolu 283 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Fit-2 ta' Lulju 2019, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra lil Christine Lagarde bħala l-kandidat xieraq għall-President tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kunsill (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) imbagħad ħareġ rakkomandazzjoni formali fid-9 ta' Lulju 2019. Il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew taw l-opinjonijiet tagħhom lill-Kunsill Ewropew, rispettivament fis-17 ta' Settembru 2019 u fil-25 ta' Lulju 2019.
Fit-18 ta' Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew ħatar lil Christine Lagarde bħala l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat li ma jiġġeddidx ta' 8 snin. Hija assumiet il-funzjonijiet tagħha fl-1 ta' Novembru 2019.
Il-ħatra tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (Infografika)
Rispett lejn id-diversità ġeografika, demografika u tal-ġeneru
Id-dikjarazzjoni 6 tat-Trattat tagħmilha ċara li "fl-għażla tal-persuni msejħa sabiex jassumu l-funzjonijiet ta' President tal-Kunsill Ewropew, ta' President tal-Kummissjoni u ta' Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jittieħed kont debitu tal-ħtieġa li tiġi rispettata d-diversità ġeografika u demografika tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha." Hemm ukoll dispożizzjonijiet aktar ġenerali tat-Trattat dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi.
Waqt laqgħa informali tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE fit-23 ta' Frar 2018, il-mexxejja tal-UE ddiskutew ħatriet ta' livell għoli, inkluż il-proċess "Spitzenkandidaten". Waqt il-konferenza stampa wara s-summit il-President Donald Tusk qal li kien hemm qbil fost il-mexxejja li l-Kunsill Ewropew ma setax jiggarantixxi bil-quddiem li huwa kien ser jipproponi wieħed mill-kandidati ewlenin għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-mexxejja qablu li dan il-proċess ma jista' bl-ebda mod ikun awtomatiku. It-Trattat huwa ċar ħafna li hija l-kompetenza awtonoma tal-Kunsill Ewropew li jinnomina l-kandidat, filwaqt li jqis l-elezzjonijiet Ewropej, u filwaqt li jkun għamel konsultazzjonijiet xierqa.