L-istazzjonar tal-ħaddiema
L-UE stabbiliet regoli biex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati filwaqt li tippreserva wkoll il-libertà li jingħataw servizzi transfruntiera.
X’inhu ħaddiem stazzjonat?
"Ħaddiem stazzjonat" huwa impjegat mibgħut temporanjament mill-impjegatur tiegħu biex jipprovdi servizz fi stat membru li ma jkunx dak li normalment jaħdem fih.
Meta jintemm l-istazzjonar, il-ħaddiem stazzjonat jirritorna lejn il-pajjiż tal-UE minn fejn ikun ġie stazzjonat.
L-istazzjonar tal-ħaddiema huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi fl-UE, waħda mill-erba’ libertajiet tas-suq uniku.
Setturi ewlenin għall-ħaddiema stazzjonati
Kostruzzjoni
Manifattura
Trasport (bit-triq/tal-merkanzija)
Ħżin
Servizzi finanzjarji, professjonali, xjentifiċi u amministrattivi
Is-saħħa tal-bniedem u l-ħidma soċjali
Ir-regoli tal-UE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema
L-UE stabbiliet regoli biex tiżgura li d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema stazzjonati jkunu protetti madwar l-UE u biex tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji tal-istazzjonar u l-kumpaniji ospitanti, filwaqt li żżomm il-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi.
Kundizzjonijiet tax-xogħol
It-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-pajjiż li huma l-aktar vantaġġużi ser japplikaw għall-ħaddiema stazzjonati.
Dan ifisser li l-ħaddiema stazzjonati ser ikunu soġġetti għar-regoli tal-pajjiż ospitanti tagħhom jekk ikunu aktar vantaġġużi minn dawk tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. F’dak il-każ, l-impjegatur tagħhom irid jikkonforma mar-regoli bażiċi tal-pajjiż ospitanti dwar il-protezzjoni tal-impjegati u t-termini tal-impjieg relatati ma’, pereżempju:
- ir-remunerazzjoni
- il-perjodi ta’ xogħol massimi
- it-tul minimu tal-liv annwali mħallas
- it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa
- indennizz tal-ivvjaġġar
Jekk it-termini u l-kundizzjonijiet ikunu aktar favorevoli fil-pajjiż ta’ oriġini tal-ħaddiem stazzjonat, l-impjegatur irid ikompli japplika t-termini u l-kundizzjonijiet tal-pajjiż ta’ oriġini waqt li l-ħaddiem ikun stazzjonat.
Id-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema stazzjonati
Il-ħaddiema stazzjonati jibqgħu assigurati f’pajjiżhom u ma għandhomx għalfejn jirreġistraw mal-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ospitanti tagħhom.
Madankollu, jeħtieġ li jitolbu lill-awtorità tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom biex toħroġ attestazzjoni (Dokument Portabbli A1) biex tiċċertifika li huma assigurati fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom qabel ma jibdew jaħdmu fil-pajjiż ospitanti. Dan l-obbligu ma japplikax għal vjaġġi ta’ negozju u attivitajiet qosra (sa tlett ijiem konsekuttivi ta’ xogħol f’perjodu ta’ 30 jum). Din l-eċċezzjoni ma tapplikax fis-settur tal-kostruzzjoni.
Aġenziji tax-xogħol temporanju
L-aġenziji ta’ impjieg temporanju jridu jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati l-istess termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg bħall-ħaddiema temporanji impjegati fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol.
Stazzjonar fit-tul
Jekk ħaddiem jiġi stazzjonat għal aktar minn 12-il xahar (jew 18-il xahar f’każijiet eċċezzjonali), kważi l-aspetti kollha tal-liġi tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti japplikaw għalihom. Jekk l-istazzjonar idum aktar minn 24 xahar, dawn isiru soġġetti għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-istat membru ospitanti.
Id-dikjarazzjoni elettronika tal-ħaddiema stazzjonati
Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE li għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati, l-impjegaturi f’pajjiż wieħed tal-UE jistgħu jkunu meħtieġa jibagħtu notifika (“dikjarazzjoni tal-istazzjonar”) lill-awtoritajiet fil-pajjiż ospitanti qabel (jew mhux aktar tard minn meta) jibda l-istazzjonar. Il-pajjiżi kollha tal-UE stabbilixxew obbligu bħal dan.
L-UE qed taħdem fuq id-diġitalizzazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjonijiet tal-istazzjonar permezz tal-istabbiliment ta’ interfaċċa online komuni sabiex in-negozji ma jkollhomx għalfejn jibqgħu jimlew formoli differenti għal kull stat membru. Dan ser jgħin biex jiġu armonizzati r-regoli u jitħaffef il-piż amministrattiv.
Il-kumpaniji jistgħu jiffrankaw aktar minn 70 % tal-ħin meħtieġ biex jimtlew id-dikjarazzjonijiet tal-istazzjonar billi jużaw il-formola standard elettronika, u 81 % tal-kost amministrattiv ġenerali relatat mas-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-istazzjonar, jekk l-istati membri kollha jissieħbu fl-inizjattiva.
Dan jgħin ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali billi jżid it-trasparenza u jagħmilha aktar faċli li tiġi mmonitorjata l-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-ħaddiema stazzjonati.
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal dan fit-22 ta’ Mejju 2025. Il-bidliet ewlenin issuġġeriti għandhom l-għan li:
- itejbu l-interfaċċa online billi jżidu elementi ġodda
- jikkjarifikaw ir-rekwiżiti għall-formola ta' dikjarazzjoni unika
- jagħtu aktar dettalji dwar kif ser tintuża d-data personali fil-formola
It-test finali qed jiġi diskuss mal-Parlament.
L-aħħar reviżjoni: 22 ta' Ġunju 2026