"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Programm ta' appoġġ għal riformi strutturali

Il-programm ta' appoġġ għal riformi strutturali (SRSP) tal-UE għandu l-għan li jgħin lill-istati membri jfasslu u jimplimentaw riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali u biex jużaw b'mod aktar effiċjenti u effettiv il-fondi tal-UE li huma disponibbli għal skopijiet bħal dawn.

Il-programm jopera mill-2017 sal-2020 u għandu baġit ta' €142.8 miljun.

Il-programm huwa komplementari għall-programmi eżistenti tal-UE u r-riżorsi disponibbli għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-assistenza teknika. Il-valur miżjud tiegħu huwa l-għoti ta' assistenza, konsulenza u kompetenza esperta fuq il-post, jiġifieri lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istati membri rikjedenti, matul il-proċess kollu tar-riforma jew fil-fażijiet individwali tiegħu.

Il-proposta għall-programm kienet ibbażata fuq l-esperjenza pożittiva li l-UE kellha fir-rigward tal-għoti ta' assistenza teknika lill-Greċja u lil Ċipru fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' aġġustament ekonomiku tagħhom. Dan il-programm iqiegħed din il-kompetenza esperta għad-dispożizzjoni tal-istati membri kollha tal-UE.

Kronoloġija

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta għal regolament li jistabbilixxi programm ta' appoġġ għal riformi strutturali f'Novembru 2015, bħala parti mill-pakkett ta' dokumenti għas-Semestru Ewropew 2016. Il-Kunsill laħaq qbil dwarha mal-Parlament Ewropew fit-8 ta' Frar 2017. Il-Kunsill adotta l-proposta fil-11 ta' Mejju 2017, wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew fis-27 ta' April 2017.

F'Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-programm ta' appoġġ għal riformi strutturali bi €80 miljun u jiġi adattat l-objettiv ġenerali tiegħu. Il-Kunsill laħaq qbil dwarha mal-Parlament Ewropew fil-11 ta' Lulju 2018.

Punti ewlenin

Qafas legali

Ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill tal-UE flimkien mal-Parlament Ewropew (skont il-proċedura leġislattiva ordinarja). Il-Kunsill ivvota dwar il-proposta b'maġġoranza kwalifikata.

Fil-Kunsill, il-proposta ġiet eżaminata mill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsillieri Finanzjarji.

L-adozzjoni tal-proposta kienet tirrikjedi li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kollha - ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) - u r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 dwar il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

Għan u miri

Il-mira ewlenija tal-programm huwa li jgħin lil pajjiż jimplimenta riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir. Dawn għandhom jgħinu biex titjieb il-kompetittività, jiżdiedu l-produttività u t-tkabbir sostenibbli, jinħolqu impjiegi, u tingħata spinta lill-investiment, b'mod partikolari fil-kuntest tal-proċessi ta' governanza ekonomika.

Il-programm jipproponi wkoll assistenza għall-użu effiċjenti, effettiv u trasparenti tal-fondi tal-Unjoni.

Il-programm irid jilħaq dan l-għan billi jgħin lill-istati membri jtejbu l-kapaċitajiet amministrattivi u istituzzjonali tagħhom. Min-naħa tiegħu, dan għandu jgħinhom jiżguraw implimentazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-istati membri jirċievu kull sajf fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (is-sistema ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE). Din il-koordinazzjoni hija neċessarja għall-kisba ta' aktar konverġenza bejn l-ekonomiji tal-UE u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE kollha.

Ir-riformi li għandhom jiġu appoġġati taħt il-programm

L-appoġġ ser jingħata lill-awtoritajiet tal-istat membru fuq talba minn dak l-istat membru.

L-appoġġ ser ikun disponibbli għal riformi li jkunu:

  • konnessi mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa fil-qafas tas-Semestru Ewropew u miżuri oħra relatati mal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE
  • relatati mal-implimentazzjoni ta' programmi ta' aġġustament ekonomiku speċifiċi
  • implimentati mill-istati membri fuq l-inizjattiva tagħhom stess bl-għan li jiġu żgurati l-investiment sostenibbli, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi

L-appoġġ ser jingħata għar-riformi u l-kwistjonijiet l-aktar importanti, kif maqbul bejn l-istat membru rikjedenti u l-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kunsill ippropona numru ta' aġġustamenti għall-abbozz ta' regolament li jikkonċernaw ir-rwol tal-istati membri fil-proċessi biex jintalab tali appoġġ, u dwar l-arranġamenti ta' implimentazzjoni u monitoraġġ.

Baġit

Ir-regolament jipprevedi baġit ta' €142.8 miljun. Dan l-ammont ser jitnaqqas mir-riżorsi eżistenti għall-assistenza teknika riċevuti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE).

Il-Kunsill ippropona li t-tnaqqis tar-riżorsi mill-fondi SIE għandu jkun eċċezzjonali u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proposta futura.

F'Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-programm bi €80 miljun.

  • 2018

    18 ta' Lulju

    Il-presidenza tal-Kunsill tilħaq qbil politiku mal-Parlament Ewropew

    Fil-11 ta' Lulju 2018, il-presidenza Awstrijaka tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil dwar żieda fil-baġit tal-programm ta' appoġġ għal riformi strutturali. L-ambaxxaturi għall-UE kkonfermaw il-qbil fit-18 ta' Lulju.

    It-test issa ser jgħaddi għall-finalizzazzjoni mill-ġuristi lingwisti. Il-Parlament mistenni jivvota fuq it-test finali f'Settembru. L-adozzjoni mill-Kunsill u l-pubblikazzjoni fil-ĠU għandhom isiru ftit wara.

  • 2017

    11 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jirċievi proposta biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-programm għal riformi strutturali

    Minn mindu daħal fis-seħħ il-programm ta' appoġġ għal riformi strutturali, l-istati membri għamlu użu sħiħ tal-programm u t-talbiet għall-appoġġ qabżu sew l-ammont ta' finanzjament disponibbli għaċ-ċikli annwali tiegħu. Għalhekk il-Kummissjoni pproponiet li jiżdied il-baġit tal-programm ta' appoġġ għal riformi strutturali bi €80 miljun għall-perijodu 2019–20.

    Hija pproponiet ukoll li jiġi adattat l-objettiv ġenerali tiegħu, sabiex l-SRSP jintuża wkoll biex jiġu appoġġati riformi strutturali tat-tħejjijiet tal-istati membri biex jingħaqdu maż-żona tal-euro. Dan jikkomplementa l-objettiv inizjali tal-programm li jgħin biex jappoġġa l-implimentazzjoni ta' riformi bil-għan li jiġi sostnut it-tkabbir fil-kuntest tal-governanza ekonomika tal-UE, kif ukoll ir-riformi strutturali b'inizjattiva proprja.

  • 2017

    11 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta r-regolament dwar il-programm ta' appoġġ għal riformi strutturali

    Fil-11 ta' Mejju, il-Kunsill adotta l-verżjoni finali tar-regolament li jistabbilixxi l-programm ta' appoġġ għal riformi strutturali, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fis-27 ta' April 2017.

    Ir-regolament huwa direttament applikabbli fl-istati membri kollha tal-UE u jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

  • 2017

    8 ta' Frar

    Il-presidenza tal-Kunsill tilħaq qbil politiku mal-Parlament Ewropew

    Il-presidenza tal-Kunsill ikkonkludiet b'suċċess negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-programm propost.

    It-test tal-proposta għandu jiġi ffinalizzat matul diskussjonijiet tekniċi ulterjuri. Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal-Kunsill huwa mistenni li japprova l-qbil qabel il-vot fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.

  • 2016

    28 ta' April

    Il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu

    Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar f'isem il-Kunsill.

    Il-proposta tal-Presidenza għall-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill irċeviet appoġġ ġenerali. Il-proposti fit-test jinkludu t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-istati membri meta jitolbu jew jimplimentaw l-appoġġ u jimmonitorjawh. Hija tipproponi wkoll li t-tnaqqis tar-riżorsi mill-Fondi SIE għandu jkun eċċezzjonali u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proposta futura.