Skip to content

Appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)

L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju huma s-sinsla tal-industrija u l-ekonomija Ewropej. L-UE qed iddaħħal fis-seħħ politika biex tappoġġa lill-SMEs, minħabba r-rwol essenzjali tagħhom fit-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u diġitali.

L-SMEs fl-Ewropa

It-32 miljun SME Ewropej jirrappreżentaw 99% tan-negozji kollha fl-UE.

L-SMEs jinsabu fil-qalba tan-nisġa ekonomika u soċjali tal-Ewropa, jixprunaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-Ewropa u jappoġġaw il-prosperità dejjiema.

Biex intrapriża titqies SME, trid tissodisfa ċerti kriterji:

Kategorija tal-kumpanija Għadd ta' membri tal-persunal Fatturat jew Total fil-karta tal-bilanċ
Ta' daqs medju < 250

≤ €50 m

≤ €43 m

Żgħira < 50

≤ €10 m

≤ €10 m

Mikro < 10

≤ €2 m

≤ €2 m

L-istrateġija tal-UE biex tappoġġa l-SMEs

L-UE trid tappoġġa u tagħti s-setgħa lill-SMEs ta' kull daqs u fis-setturi kollha. Il-ksib ta' ekonomija diġitali b'impatt newtrali fuq il-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u aġli teħtieġ il-mobilizzazzjoni sħiħa tal-SMEs.

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs peress li ħafna minnhom intlaqtu ħażin mill-impatt tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-inflazzjoni u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija.

F'Settembru 2023, il-Kummissjoni pproponiet sett ta' miżuri bil-għan li jindirizzaw l-isfidi operazzjonali ewlenin li jiffaċċjaw l-SMEs:

  • il-piż amministrattiv u l-ostakli regolatorji
  • dewmien fil-pagamenti
  • problemi bl-aċċess għall-finanzjament
  • in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' ħaddiema b'ħiliet jew maniġers b'esperjenza

Dawn il-miżuri proposti għandhom l-għan li jipprovdu għajnuna fuq perjodu qasir u li jsaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza dejjiema tal-SMEs.

Tnaqqis tal-piż amministrattiv

Simplifikazzjoni tat-taxxa

Il-proposta għal direttiva dwar is-simplifikazzjoni tat-taxxa tistabbilixxi sistema tat-taxxa tal-uffiċċju prinċipali għall-SMEs.

Dan jagħti lill-SMEs li joperaw f'aktar minn pajjiż wieħed il-possibbiltà li jieħdu ħsieb amministrazzjoni tat-taxxa waħda biss, minflok ma jkollhom jikkonformaw ma' ħafna sistemi tat-taxxa.

Din is-sistema:

  • iżżid iċ-ċertezza tat-taxxa u l-ġustizzja fit-taxxa
  • tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità u d-distorsjonijiet tas-suq
  • tnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' taxxa doppja, taxxa eċċessiva u tilwim dwar it-taxxa
  • tippromwovi l-espansjoni transfruntiera

Din il-proposta qed tiġi eżaminata bħalissa fil-Kunsill. Jeħtieġ li tiġi maqbula unanimament mill-istati membri kollha, wara l-konsultazzjoni tal-Parlament.

Barra minn hekk, mill-1 ta' Jannar 2025 'il quddiem, regoli ġodda tal-VAT ifissru li l-merkanzija u s-servizzi ta' negozji żgħar eliġibbli li joriġinaw minn stat membru ieħor, minbarra l-istat membri tal-istabbiliment, jistgħu jkunu eżenti mill-VAT.

Żieda fit-trasformazzjoni diġitali

L-UE qed taħdem b'mod attiv biex iżżid id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs. Id-diġitalizzazzjoni tagħmel il-proċessi amministrattivi għall-SMEs aktar affordabbli, aktar veloċi u inqas ta' piż.

F'Diċembru 2024, l-UE adottat regoli ġodda biex tkompli tespandi u taġġorna l-użu tal-għodod u l-proċessi diġitali fil-liġi tal-kumpaniji, u b'hekk tgħin lill-SMEs joperaw fl-UE.

Is-soluzzjonijiet diġitali ser inaqqsu l-ammont ta' burokrazija billi jippermettu lill-SMEs ilestu l-proċeduri amministrattivi fis-suq uniku kollu mingħajr ma jkollhom jerġgħu jippreżentaw id-dokumenti.

Ir-regoli l-ġodda:

  • iħeġġu l-użu tal-"prinċipju ta' darba biss" (parti mill-Gateway Diġitali Unika) meta jitwaqqfu sussidjarji u fergħat fi stat membru ieħor
  • jintroduċu ċertifikat multilingwi tal-kumpaniji tal-UE
  • ineħħu l-formalitajiet bħall-ħtieġa ta' postilla fuq id-dokumenti tal-kumpaniji permezz ta' prokura diġitali tal-UE li għandha tintuża fi proċeduri transfruntieri

Għalhekk, dawn ser jiffaċilitaw il-ħajja tal-imprendituri, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jagħmlu n-negozju transfruntier aktar rapidu, aktar faċli u aktar trasparenti.

Razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżit ta' rappurtar

L-iżgurar tal-konformità mal-leġiżlazzjoni hija kruċjali għal monitoraġġ u infurzar effettiv. Madankollu, ir-rekwiżiti ta' rappurtar assoċjati jistgħu jkunu ta' piż, joħolqu spejjeż, u jtellfu t-tkabbir tan-negozji, partikolarment l-SMEs.

Is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta' rappurtar tista' tkun opportunità biex tittaffa l-pressjoni fuq l-SMEs.

Minn Frar 2025 'l hawn, il-Kummissjoni ressqet għall-adozzjoni bosta pakketti omnibus quddiem il-Kunsill u l-Parlament sabiex jonqsu l-ispejjeż amministrattivi u r-rekwiżiti ta' rappurtar għan-negozji tal-UE.

Miri konkreti jinkludu t-tnaqqis kemm tal-ispejjeż kif ukoll tal-obbligi ta' rappurtar b'mill-inqas 35% għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) sal-2030.

Aċċess għall-finanzjament

Il-pakkett ta' għajnuna għall-SMEs jinkludi proposta għal regolament dwar il-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali, kif ukoll miżuri mhux leġiżlattivi biex tingħata spinta lill-investiment, pereżempju b'ħidma mal-istati membri biex jiġu stabbiliti strumenti finanzjarji kofinanzjati minn programmi ta' ġestjoni kondiviża tal-UE.

Ġlieda kontra l-ħlas tard

Il-ħlas tard tal-fatturi hu partikolarment ta' ħsara għall-SMEs billi dawn jiddependu minn flussi regolari u prevedibbli ta' flus kontanti u għandhom aċċess aktar limitat għal-likwidità min-negozji l-kbar.

Biex ipattu għal dan, l-SMEs spiss ikollhom jieħdu self b'terminu qasir, u b'hekk jiżdiedu l-ispejjeż tal-finanzjament tagħhom.

Biex jiġu protetti n-negozji Ewropej, partikolarment l-SMEs, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li għandha tiġi riveduta d-direttiva dwar il-ħlas tard. It-tnaqqis fil-ħlas tard huwa mistenni:

  • jippermetti lill-SMEs jinvestu fl-innovazzjoni
  • jgħaddi t-tnaqqis fl-ispejjeż lill-konsumaturi
  • iżid iċ-ċertezza għan-negozji

Bħala koleġiżlaturi, il-Kunsill u l-Parlament bħalissa qed jeżaminaw il-proposta.

Titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament

L-appoġġ ġenerali għall-SMEs huwa mistenni jammonta għal aktar minn €200 biljun sal-2027 permezz tal-programmi ta' finanzjament tal-UE.

L-SMEs ser ikunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament ukoll permezz tal-pjattaforma tat-teknoloġiji strateġiċi għall-Ewropa (STEP) li ntlaħaq qbil dwarha reċentement. Maħluqa bħala parti mir-reviżjoni tal-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027, l-iSTEP għandha l-għan li żżid l-appoġġ u l-opportunitajiet ta' investiment għat-teknoloġiji kritiċi rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

F'dan il-kuntest, il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa wkoll jallokaw riżorsi addizzjonali għal InvestEU permezz ta' strumenti speċifiċi biex jingħadda finanzjament lill-SMEs fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Kwotazzjonijiet fil-boroż Ewropej

L-UE tixtieq ukoll tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji ta' kull daqs, inkluż l-SMEs, li jkunu kkwotati fil-boroż Ewropej.

Bħala parti mill-unjoni tas-swieq kapitali, il-ħolqien ta' "swieq tat-tkabbir tal-SMEs", ċentru tan-negozjar iddedikat għall-emittenti żgħar, għamel l-aċċess għas-swieq pubbliċi orħos u eħfef għall-SMEs.

Biex ikompli jtejjeb l-aċċess, f'Ottubru 2024 il-Kunsill adotta l-att dwar il-kwotazzjonijiet fil-borża li għandu l-għan li:

  • inaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż biex il-kumpaniji tal-UE jiġu megħjuna jaċċessaw aktar sorsi ta' finanzjament
  • iħeġġeġ lil sidien il-kumpaniji jikkwotaw l-ishma fil-kumpanija tagħhom għall-ewwel darba permezz ta' strutturi ta' ishma b'vot multiplu
Spjegazzjoni tal-unjoni tas-swieq kapitali

Spjegazzjoni tal-unjoni tas-swieq kapitali

Aċċess għal persunal b'ħiliet

In-nuqqasijiet ta' ħiliet iżommu lura l-attivitajiet kummerċjali għal 63% tal-SMEs u jtellfu l-isforzi tagħhom biex jiksbu d-diġitalizzazzjoni (45%) u t-tranżizzjoni ekoloġika (39%).

L-UE qed tappoġġa l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ħiliet xierqa, f'kooperazzjoni mal-istati membri u l-partijiet ikkonċernati, permezz ta' diversi programmi, inkluż:

  • l-aġenda għall-ħiliet għall-Ewropa
  • il-patt tal-UE għall-ħiliet
  • l-akkademji futuri għall-ħiliet relatati ma' emissjonijiet żero

Riżerva ta' talenti tal-UE

Biex tgħin lill-SMEs jattiraw it-talent minn barra, l-UE ser tistabbilixxi pjattaforma għal persuni mhux ċittadini tal-UE li qed ifittxu impjieg, ir-riżerva ta' talenti tal-UE.

Il-pjattaforma online ser tqabbel il-postijiet tax-xogħol vakanti ta' impjegaturi stabbiliti fl-UE mal-profili ta' persuni mhux ċittadini tal-UE li qed ifittxu impjieg u li jirrisjedu barra mill-UE.

L-għan tal-UE huwa li:

  • tagħmel is-suq tax-xogħol tal-UE aktar kompetittiv
  • tindirizza n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol

Il-parteċipazzjoni fir-riżerva ta' talenti tal-UE tkun volontarja għall-istati membri.

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Marzu 2026