Skip to content

Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw

Regoli ġodda tal-UE dwar il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw għandhom l-għan li jipprovdu opportunitajiet b'mod aktar ugwali lin-nisa u l-irġiel fil-post tax-xogħol u fid-dar.

Regoli ġodda tal-UE

Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata daħlu fis-seħħ f'Awwissu 2022. Il-Kunsill kien adotta preċedentement ir-regoli l-ġodda fit-13 ta' Ġunju 2019.



Il-proposta għandha l-għan li tippromwovi bilanċ tajjeb bejn l-impenji tal-familja u dawk professjonali u li tipprovdi aktar opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol u d-dar. Il-leġiżlazzjoni u l-linji ta' politika tal-UE u nazzjonali għandhom:

  • jgħinu lill-impjegati jlaqqgħu l-ħajja tax-xogħol mal-ħajja tal-familja
  • jgħinu lill-kumpaniji jżommu t-talent
  • jippromwovu l-flessibbiltà kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema
  • jippromwovu opportunitajiet indaqs
  • joħolqu tkabbir ekonomiku u benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi, fosthom it-tfal u l-persuni li jeħtieġu indukrar fil-familja



Għaliex għandna bżonnha?

L-objettiv ġenerali ta' din id-direttiva huwa li:

  • tiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol
  • tħalli lill-ġenituri u lin-nies responsabbli għall-indukrar biex ilaqqgħu aħjar id-dmirijiet fuq ix-xogħol mad-dmirijiet tal-indukrar tagħhom

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-UE. Madankollu, fl-Unjoni Ewropea kollha, in-nisa għadhom konsiderevolment mhux rappreżentanti biżżejjed fis-suq tax-xogħol u fil-management. B'mod partikolari, din l-inizjattiva l-ġdida għandha l-għan li tħeġġeġ il-qsim aħjar tar-responsabbiltajiet tal-indukrar bejn in-nisa u l-irġiel.

It-telf ekonomiku hu ta' €370 biljun fis-sena, minħabba d-differenza fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa fl-UE. Il-pakkett tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, għandu jgħin lill-ġenituri li jaħdmu u lill-persuni li jindukraw billi ma jobbligahomx jagħżlu bejn il-ħajja tal-familja tagħhom u l-karrieri tax-xogħol tagħhom.

Fid‑dettall

Miżuri leġiżlattivi

Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw tistabbilixxi standards minimi ġodda jew ogħla biex toħloq aktar konverġenza bejn l-istati membri tal-UE, filwaqt li żżomm u testendi d-drittijiet eżistenti b'dan il-mod:

  • leave tal-paternità - dritt ġdid fil-livell tal-UE
  • leave tal-ġenituri - ġie propost li jkun imħallas
  • leave ta' persuni li jindukraw - dritt ġdid fil-livell tal-UE
  • arranġamenti tax-xogħol flessibbli - biex jiġu inklużi persuni li jindukraw u jiġi aġġornat il-livell tal-protezzjoni

Fl-24 ta' Jannar 2019, il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar xi elementi ewlenin tal-proposta għal direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw.

Leave tal-paternità

Il-missirijiet jew it-tieni ġenituri, madwar iż-żmien tat-twelid ta' tarbija ser ikunu jistgħu jieħdu tal-anqas għaxart ijiem ta' xogħol bi ħlas ta' livell indaqs għal dak attwalment stabbilit fil-livell tal-UE għal-leave tal-maternità. L-istati membri b'sistemi ta' leave tal-ġenituri aktar ġeneruż ser ikunu jistgħu jżommu l-arranġamenti nazzjonali attwali tagħhom.

Leave tal-ġenituri

Id-dritt individwali ta' erba' xhur, li minnhom xahrejn mhumiex trasferibbli bejn il-ġenituri u li huma bi ħlas. Il-livell ta' ħlas għandu jiġi stabbilit mill-istati membri.

Leave tal-persuni li jindukraw

Kunċett ġdid fil-livell tal-UE - għall-ħaddiema li jieħdu ħsieb qraba li jeħtieġu kura jew appoġġ minħabba raġunijiet mediċi serji - ħamest ijiem ta' ħidma fis-sena. Dan jista' jvarja fost l-istati membri - huma jistgħu jallokaw leave skont il-każ u jistgħu jintroduċu kondizzjonijiet addizzjonali għall-eżerċitar ta' dan id-dritt.

Arranġamenti tax-xogħol flessibbli

Ser ikun hemm ukoll estensjoni tad-dritt għal talba għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli għal ħaddiema li jindukraw flimkien ma' dan id-dritt għall-ġenituri kollha.

Miżuri mhux leġiżlattivi

Sabiex tikkomplementa l-proposta leġiżlattiva, l-inizjattiva tal-Kummissjoni fiha sett ta' miżuri mhux leġiżlattivi bħala appoġġ għall-istati membri biex jilħqu l-għanijiet komuni. Dawn jinkludu:

  • li tiġi żgurata l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni u t-tkeċċija tal-persuni li jindukraw u tal-ġenituri, fosthom in-nisa tqal u l-ħaddiema li jiġu lura minn leave
  • li jitħeġġeġ l-użu bilanċjat bejn in-nisa u l-irġiel tal-leave b'rabta mal-familja u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli
  • li l-fondi Ewropej jintużaw aħjar biex jittejbu s-servizzi fit-tul u għall-indukrar tat-tfal
  • li jitneħħew id-diżinċentivi ekonomiċi għat-tieni sors ta' dħul li jżommu lin-nisa, b'mod partikolari, milli jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jaħdmu full-time

Artikolu 33 - Il-ħajja tal-familja u professjonali

Il-familja għandha tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.

Sabiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni mit-tkeċċija għal xi raġuni konnessa mal-maternità, u d-dritt għal leave tal-maternità mħallas u għal leave tal-ġenituri wara t-twelid jew l-adozzjoni ta' tifel jew tifla.



Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Art. 33

Fil‑Kunsill

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta l-ġdida tagħha għal direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw lill-Kunsill f'Diċembru 2016. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma ż-żewġ leġiżlaturi li ser jiddeċiedu dwar il-kontenut u l-kliem finali tad-Direttiva. Il-Kunsill jirrappreżenta lill-istati membri.

Il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet Soċjali eżamina l-proposta.

Il-Kunsill kellu dibattitu mal-ministri tal-istati membri dwar il-proposta l-ġdida f'Diċembru 2017. Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu (approċċ ġenerali) għad-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal ġenituri u persuni li jindukraw fil-21 ta' Ġunju 2018. Abbażi ta' dan il-mandat, il-Presidenza tal-Kunsill ser tibda negozjati mal-Parlament Ewropew.

Fl-24 ta' Jannar 2019, il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar xi elementi ewlenin tal-proposta għal direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw.

Fis-6 ta' Frar 2019, ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE fil-Kunsill tal-UE approvaw il-qbil proviżorju dwar id-direttiva.

Fit-13 ta' Ġunju 2019, il-Kunsill adotta d-direttiva. Id-direttiva ser tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. L-istati membri mbagħad ikollhom tliet snin biex jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-direttiva, sat-2 ta' Awwissu 2022.

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Marzu 2026