- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 21 ta' Marzu 2017 10:30
Trasparenza aħjar dwar il-kuntratti internazzjonali tal-enerġija: sigurtà tal-enerġija aktar b'saħħitha
Il-Kunsill illum adotta mingħajr dibattitu deċiżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-istati membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija.
L-għan tad-deċiżjoni huwa li jiġu kkoreġuti nuqqasijiet fil-mekkaniżmu attwali ta' skambju ta' informazzjoni dwar kuntratti tal-enerġija biex jissaħħu t-trasparenza u l-konsistenza fir-relazzjonijiet esterni tal-UE dwar l-enerġija u tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-negozjar tal-UE fil-konfront ta' pajjiżi terzi.
Wara tliet trilogi fi tmiem l-2016, intlaħaq kompromess dwar il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:
- id-definizzjoni ta' ftehim intergovernattiv: jiżdiedu "organizzazzjonijiet internazzjonali" u "transitu"
- l-ambitu tal-valutazzjoni ex ante tal-ftehimiet intergovernattivi mill-Kummissjoni: ser ikopri l-gass u ż-żejt bi klawsola standard ta' rieżami
- meta jitbiegħdu mill-opinjoni tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni ex ante tagħha, l-istati membri għandhom jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni
- strumenti mhux vinkolanti: soġġetti għal notifika ex post volontarja
Wara l-iffirmar mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill, l-att leġislattiv ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ser jidħol fis-seħħ matul l-2017 u, flimkien mar-regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, ser ikollu rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tad-dimensjoni tas-sigurtà tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija.
"Kuntenti ħafna li ser nadottaw dan l-att leġislattiv importanti matul il-Presidenza tagħna, l-ewwel wieħed taħt l-Unjoni tal-Enerġija. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Presidenza Slovakka għall-ħidma preparatorja kollha tagħha u l-ftehim politiku li laħqet mal-Parlament Ewropew matul il-Presidenza tagħha. Din id-deċiżjoni ser issaħħaħ it-trasparenza fin-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-ftehimiet tal-enerġija, filwaqt li jiġi żgurat li tali ftehimiet ikunu kompletament kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b'hekk jingħata kontribut għas-sigurtà tal-enerġija."
Konrad Mizzi, Ministru għall-Enerġija ta' Malta
Kuntest
Bħala parti mill-"Pakkett tax-Xitwa" tagħha ta' Frar 2016, il-Kummissjoni pproponiet li teżamina l-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-enerġija qabel ma jiġu ffirmati mill-istati membri. Hija sostniet li jekk ċerti dispożizzjonijiet ta' ftehim intergovernattiv ("IGA") jinstabu li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (eż. it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, il-liġi dwar il-kompetizzjoni, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku), ikun diffiċli ħafna jew saħansitra impossibbli biex stat membru jerġa' jinnegozja l-IGA ma' pajjiż terz.
Il-proposta wieġbet ukoll għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2015, li appellaw għal konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni mill-ftehimiet kollha relatati max-xiri ta' gass minn fornituri esterni.
F'Ġunju 2016 il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali u laħaq ftehim informali mal-Parlament Ewropew fis-7 ta' Diċembru 2016, li ġie kkonfermat mill-Coreper.
- Decision on intergovernmental agreements between member states and third countries in the field of energy
- Proposta tal-Kummissjoni dwar ftehimiet intergovernattivi bejn l-istati membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija
- Approċċ ġenerali tal-Kunsill dwar ftehimiet intergovernattivi bejn l-istati membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija
- Eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill
- Strateġija tal-Unjoni tal-Enerġija
- Laqgħa tal-Kunsill Ewropew, 19-20 ta' Marzu 2015
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
- @timmermansniels
- @nielstimmermans.bsky.social
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024