- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 30 ta' Ġunju 2017 12:05
Sistema ta' dħul/ħruġ: Il-Kunsill jikkonferma l-ftehim bejn il-Presidenza u l-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet politiċi ewlenin
Fit-30 ta’ Ġunju 2017, l-ambaxxaturi tal-UE kkonfermaw qbil milħuq bejn il-Presidenza Maltija tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Ġunju dwar il-kwistjonijiet politiċi ta’ proposta għal Sistema ta’ Dħul/Ħruġ kif ukoll proposta li temenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rigward is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, bil-ħsieb ta’ qbil globali ladarba l-kwistjonijiet tekniċi li fadal jiġu indirizzati. Din is-sistema ser tirreġistra informazzjoni dwar id-dħul, il-ħruġ u ċ-ċaħda ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen.
Is-sistema tad-dħul/ħruġ ser tgħin biex:
- tnaqqas id-dewmien tal-verifiki fuq il-fruntieri u ttejjeb il-kwalità tal-verifiki fuq il-fruntieri billi jiġi kkalkolat awtomatikament is-soġġorn awtorizzat ta’ kull vjaġġatur
- tiżgura l-identifikazzjoni sistematika u affidabbli tal-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn
- issaħħaħ is-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu billi tippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess għal rekords tal-istorja tal-ivvjaġġar
"Is-sistema ta’ dħul/ħruġ hija parti mill-isforzi tal-UE biex jissaħħaħ il-kontroll tal-fruntieri esterni tagħna. Dan ser jippermettilna biex il-flussi migratorji jkunu ġestiti aħjar, b’mod partikolari l-każijiet ta’ persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn, u jitjieb ir-rispons tagħna għat-theddida terroristika attwali.” Michael Farrugia, il-Ministru Malti għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali
Il-kompromess politiku maqbul dwar Sistema ta’ Dħul/Ħruġ jipprevedi diversi elementi importanti, inkluż dawn li ġejjin:
L-informazzjoni maħżuna
Is-sistema ta’ dħul/ħruġ ser tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kemm dawk li jeħtieġu viża kif ukoll dawk eżenti mill-viża, ammessi għal soġġorn qasir ta’ 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum. Din ser tirreġistra d-dħul, il-ħruġ u ċ-ċaħda ta’ dħul tagħhom.
Ser taħżen ukoll informazzjoni dwar l-identità u d-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom kif ukoll data bijometrika (erba’ marki tas-swaba’ u l-immaġni tal-wiċċ).
L-abbozz ta’ regolament jipprevedi wkoll interoperabbiltà bejn is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE, li ser tiżgura ħeffa u effiċjenza waqt il-verifiki fil-fruntieri.
Is-Sistema tad-Dħul/Ħruġ tikkonsisti minn bażi ta’ data ċentrali, fejn tinħażen l-informazzjoni, imqabbda ma’ interfaċċi nazzjonali uniformi.
Id-data relatata ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ser tinżamm għal raġunijiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri għal perijodu ta’ ħames snin għal persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u tliet snin għal oħrajn.
Aċċess għall-informazzjoni
L-informazzjoni maħżuna fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ ser tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-fruntieri, l-awtoritajiet tal-viża u l-awtoritajiet fl-Istati Membri kompetenti biex jivverifikaw jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul jew soġġorn.
Id-data fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ ser tkun disponibbli wkoll għall-awtoritajiet maħtura u l-Europol, għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati serji oħra, skont il-kondizzjonijiet kif stipulati fir-regolament.
Jenħtieġ li kwalunkwe aċċess u pproċessar tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema ta’ dħul/ħruġ ikun proporzjonat u neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti.
Il-passi li jmiss
Ser tkompli l-ħidma fuq livell tekniku fil-ġranet li ġejjin biex jiġi ffinalizzat it-test taż-żewġ abbozzi ta’ regolamenti. Imbagħad, il-ftehim ġenerali ser jiġi ppreżentat lill-ambaxxaturi tal-UE għall-approvazzjoni f’isem il-Kunsill. Wara din, ir-regolamenti futuri ser jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew għal vot fl-ewwel qari u sussegwentement lill-Kunsill għall-adozzjoni.
Kuntest
Ir-regolament propost huwa verżjoni riveduta ta’ pakkett leġislattiv ippreżentat mill-Kummissjoni fi Frar 2013. Wara li l-koleġislaturi esprimew tħassib tekniku, finanzjarju u operazzjonali dwar ċerti aspetti tal-pakkett tal-2013, il-Kummissjoni wettqet studju tekniku, segwit minn proġett pilota fdat f’idejn eu-LISA, l-aġenzija tal-UE għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ din il-fażi preparatorja, il-Kummissjoni, fis-6 ta’ April 2016, ippreżentat proposta riveduta.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024