Deforestazzjoni
Foresti b'saħħithom huma vitali għan-nies u għall-ambjent. Ir-regoli tal-UE għandhom l-għan li jnaqqsu d-deforestazzjoni dinjija billi jirregolaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' oġġetti li l-produzzjoni tagħhom tikkontribwixxi għat-telf tal-foresti madwar id-dinja.
Għaliex il-foresti għandhom jiġu protetti
Il-foresti jkopru 30% ta' wiċċ l-art tad-Dinja. Dawn jipprovdu firxa ta' servizzi li huma vitali għas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem, u għall-ambjent. Il-foresti huma rifuġji tal-bijodiversità li jospitaw il-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet terrestri ta' annimali, pjanti u fungi madwar id-dinja.
Barra minn hekk, il-foresti:
- jiżguraw ilma nadif
- jipprovdu materji primi rinnovabbli
- jistabbilizzaw il-ħamrija u jipproteġu kontra d-diżastri naturali
- jipprovdu impjiegi, pereżempju fil-produzzjoni tal-injam, fil-ġestjoni tal-foresti jew fl-attivitajiet ta' rikreazzjoni
Il-foresti għandhom ukoll rwol ewlieni, bħala bjar tal-karbonju, fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima minħabba s-setgħa tagħhom li jassorbu l-gassijiet serra.
Il-foresti fl-UE jaqbdu 10% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE.
L-istat tad-deforestazzjoni dinjija llum
Skont l-Istitut Dinji tar-Riżorsi, kull minuta tintilef żona forestali daqs 10 grawnds tal-futbol madwar id-dinja.
L-ixprun ewlieni tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fuq livell dinji huwa l-espansjoni tal-art agrikola. It-tkabbir tal-popolazzjoni u d-domanda dejjem tikber għall-ikel iwasslu biex il-foresti jinbidlu f'art tal-għelejjel, u għal enfasi akbar fuq il-produttività agrikola. Il-produzzjoni ta' prodotti bħaż-żejt tal-palm u s-sojja għandha prezz għoli għall-foresti u għall-ambjent.
Telf globali tal-foresti mill-1990 (f'miljuni ta' ettari)
Grafika li turi t-telf tal-foresti madwar id-dinja mill-1990 'l hawn. It-telf kien jammonta għal 78 miljun ettaru fl-2000, 130 miljun ettaru fl-2010 u 178 miljun ettaru fl-2020.
X'tagħmel l-UE dwar id-deforestazzjoni?
Diversi inizjattivi u liġijiet tal-UE jikkontribwixxu għall-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-foresti.
Il-politiki u r-regoli tal-UE dwar id-deforestazzjoni jinkludu:
- prodotti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni
- strateġija għall-foresti
- strateġija għall-bijodiversità u liġi dwar ir-restawr tan-natura
- regoli dwar l-użu tal-art u l-forestrija
Prodotti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni
L-UE daħħlet fis-seħħ regoli li għandhom l-għan li jirregolaw id-dħul fis-suq tal-UE u l-esportazzjoni mill-UE ta' oġġetti li jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fuq livell dinji. Ir-regoli jiżguraw li dawn il-prodotti u l-ktajjen tal-provvista tagħhom "ma jinvolvux deforestazzjoni".
Il-liġi hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha madwar id-dinja.
L-oġġetti elenkati huma:
- baqar
- kawkaw
- kafè
- żejt tal-palm
- gomma
- sojja
- injam
Ir-regoli japplikaw ukoll għal għadd ta' prodotti derivati bħaċ-ċikkulata, l-għamara, il-karta stampata u d-derivati magħżula bbażati fuq iż-żejt tal-palm (użati pereżempju bħala komponenti fi prodotti għall-kura personali).
Liema oġġetti jikkawżaw l-aktar deforestazzjoni?
Grafika li turi s-sehem ta' kull wieħed mis-seba' oġġetti elenkati fuq id-deforestazzjoni dinjija meta jiġu kkunsmati fl-UE. Iż-żejt tal-palm jikkawża l-biċċa l-kbira tad-deforestazzjoni kkawżata mill-UE b'sehem ta' 35%, segwit mis-sojja (33%), li tintuża l-aktar għall-għalf tal-annimali. L-injam jikkawża 9%, il-kawkaw 8%, il-kafè 7%, iċ-ċanga 5% u l-gomma 3%.
L-objettiv tar-regoli tal-UE huwa li jiġi minimizzat ir-riskju ta' deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti marbut mal-konsum tal-oġġetti elenkati fl-UE. Mingħajr dawn ir-regoli, l-UE tista' tikkawża deforestazzjoni ta' aktar minn 248 000 ettaru fis-sena – żona kbira kważi daqs it-territorju tal-Lussemburgu.
Ir-regolament il-ġdid jistabbilixxi regoli ta' diliġenza dovuta mandatorjagħan-negozjanti kollha li jintroduċu, iqiegħdu fis-suq jew jesportaw mis-suq tal-UE l-oġġetti elenkati. In-negozjanti jridu jittraċċaw il-prodotti li jkunu qed ibigħu lura għall-biċċa art fejn ikunu ġew prodotti (abbażi ta' immaġnijiet bis-satellita u koordinati tal-GPS). Dan sabiex jiġi żgurat li dawn ma jiġux prodotti fuq art deforestata jew degradata. Sistema diġitali tipprovdi lill-awtoritajiet bl-informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti.
Sistema ta' valutazzjoni komparattiva tagħti lill-pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE livell ta' riskju relatat mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Il-kategorija tar-riskju tintuża biex tiddetermina l-livell ta' obbligi speċifiċi għall-operaturi u l-awtoritajiet tal-istati membri biex iwettqu spezzjonijiet u kontrolli.
Ir-regoli jqisu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem relatati mad-deforestazzjoni. Dawn jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar penali għal negozjanti mhux konformi u jappoġġaw kooperazzjoni msaħħa ma' pajjiżi sħab.
Ir-regoli ser:
- inaqqsu d-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni dinjija tal-foresti
- jindirizzaw il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam
- jipproteġu l-bijodiversità u l-kapaċità tal-foresti li jaqbdu s-CO2
Wara l-ftehim proviżorju dwar ir-regolament milħuq mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew f'Diċembru 2022, il-Kunsill adotta r-regoli f'Mejju 2023.
F'Diċembru 2024, il-Kunsill adotta posponiment ta' sena tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar id-deforestazzjoni.
Wara tħassib espress mill-istati membri u l-partijiet ikkonċernati dwar it-tħejjija tal-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet, kif ukoll dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mas-sistema l-ġdida ta' informazzjoni, f'Ottubru 2025 il-Kummissjoni ressqet proposta għal reviżjoni mmirata tar-regolament biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.
F'Novembru 2025, il-Kunsill adotta l-mandat ta' negozjar tiegħu dwar ir-reviżjoni.
Fl-4 ta' Diċembru 2025, il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju biex jirrevedu r-regolament tal-UE dwar il-prodotti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni (EUDR), bl-għan li jissimplifikaw l-implimentazzjoni tiegħu u jdewmu l-applikazzjoni tiegħu sabiex l-operaturi u l-awtoritajiet jingħataw aktar żmien ta' tħejjija.
Fit-18 ta' Diċembru, il-Kunsill adotta formalment ir-reviżjoni mmirata, li tissimplifika r-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta u tipposponi l-applikazzjoni tar-regolament sat-30 ta' Diċembru 2026 għall-operaturi kollha, b'estensjoni addizzjonali ta' sitt xhur għall-operaturi mikro u żgħar.
Ir-reviżjoni hija tweġiba għat-tħassib imqajjem mill-istati membri u mill-partijiet ikkonċernati rigward il-piż amministrattiv u l-istat tat-tħejjija tas-sistema tal-IT, filwaqt li żżomm l-objettivi kollha tar-regolament li jipprevjeni d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti marbuta ma' prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE.
- Il-liġi tal-UE dwar id-deforestazzjoni: il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim dwar reviżjoni mmirata (stqarrija għall-istampa, 4 ta' Diċembru 2025)
- Deforestazzjoni: il-Kunsill lest li jibda taħditiet mal-Parlament dwar reviżjoni mmirata tar-regolament (stqarrija għall-istampa, 20 ta' Novembru 2025)
- Il-liġi tal-UE dwar id-deforestazzjoni: il-Kunsill jadotta formalment il-posponiment tagħha b'sena (stqarrija għall-istampa, 18 ta' Diċembru 2024)
- Deforestazzjoni: il-Kunsill japprova reviżjoni mmirata biex tissimplifika u tipposponi r-regolament (stqarrija għall-istampa, 18 ta' Diċembru 2025)
Strateġija tal-UE għall-foresti
F'Lulju 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-istrateġija tal-UE għall-foresti għall-2030, bħala wieħed mill-elementi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-istrateġija għandha l-għan li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra tal-UE b'mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
L-istrateġija għandha l-għan li żżid id-daqs u l-kwalità tal-foresti tal-Ewropa u ttejjeb ir-reżiljenza tagħhom għal sfidi bħat-tibdil fil-klima, filwaqt li tappoġġa wkoll il-komunitajiet li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq il-forestrija.
Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija għall-foresti, approvati f'Novembru 2021, il-ministri għall-agrikoltura u s-sajd tal-UE enfasizzaw:
- ir-rwol essenzjali tal-foresti għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll għall-ambjent naturali
- ir-rwol tal-foresti fit-tranżizzjoni lejn bijoekonomija ċirkolari ekoloġika, newtrali għall-klima u kompetittiva
- il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti
L-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità u l-liġi dwar ir-restawr tan-natura
L-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030, ippreżentata mill-Kummissjoni f'Mejju 2020 u approvata mill-Kunsill f'Ottubru 2020, tistabbilixxi azzjonijiet li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-foresti u l-bijodiversità tagħhom.
Il-liġi dwar ir-restawr tan-natura, adottata f'Ġunju 2024 mill-Kunsill u li issa tinsab fis-seħħ, għandha l-għan li ttejjeb il-bijodiversità tal-foresti.
Regoli dwar l-użu tal-art u l-forestrija
Bil-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %" u r-reviżjoni tar-regolament tal-UE dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), l-UE stabbiliet għan ġdid għall-2030 għall-assorbimenti tal-karbonju. Dan ser iżid il-bjar naturali tal-karbonju tal-UE li jinkludu s-siġar u l-pjanti.
L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Diċembru 2025